Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Min Hu Alla?
Dan l-artiklu se jqajjem mistoqsijiet li għandu mnejn ġieli staqsejt u jurik fejn tistaʼ taqra t-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma ħerqanin biex jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Min hu Alla?
L-Alla l-veru huwa l-Ħallieq taʼ kollox. Il-Bibbja ssejjaħlu s-“Sultan taʼ l-eternità,” jiġifieri la kellu bidu u lanqas qatt mhu se jkollu tmiem. (Rivelazzjoni 15:3) Minħabba li Alla huwa s-Sors tal-Ħajja rridu nqimu lilu biss.—Aqra Rivelazzjoni 4:11.
2. Alla x’tip taʼ persuna hu?
Lil Alla ħadd qatt ma rah minħabba li huwa Spirtu, jiġifieri għandu ħajja iktar superjuri mill-ħlejjaq fiżiċi li jgħixu fuq l-art. (Ġwanni 1:18; 4:24) Il-personalità t’Alla tidher fl-affarijiet li hu għamel. Pereżempju, meta naħsbu dwar l-għamla u l-varjetà taʼ frott u fjuri, aħna naraw l-imħabba u l-għerf t’Alla. Il-kobor tal-univers jurina l-qawwa t’Alla.—Aqra Rumani 1:20.
Mill-Bibbja nistgħu nitgħallmu saħansitra iktar dwar il-personalità t’Alla. Pereżempju, din tgħidilna x’jogħġob u x’ma jogħġobx lil Alla, kif jittratta lin-nies, u kif jaġixxi f’sitwazzjonijiet differenti.—Aqra Salm 103:7-10.
3. Alla għandu isem?
Ġesù qal: “Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Għalkemm Alla għandu ħafna titli, għandu isem wieħed biss. F’kull lingwa jiġi pronunzjat b’mod differenti. Normalment, bil-Malti ngħidu “Ġeħova” jew ġieli “Jaħweh.”—Aqra Salm 83:18.
L-isem t’Alla tneħħa minn ħafna Bibbji u floku tpoġġew it-titli Mulej jew Alla. Imma meta nkitbet il-Bibbja, l-isem t’Alla kien jidher madwar 7,000 darba. Ġesù għamel l-isem t’Alla magħruf billi użah meta spjega l-Kelma t’Alla lin-nies. Hu għen lin-nies isiru jafu lil Alla.—Aqra Ġwanni 17:26.
4. Ġeħova jimpurtah minna?
Ġeħova juri interess fina billi jismaʼ t-talb tagħna personalment. (Salm 65:2) Aħna nsofru ħafna tbatijiet. Ifisser dan li Alla ma jimpurtahx minna? Xi wħud isostnu li Alla jġegħelna nsofru biex iġarrabna, imma dan mhuwiex minnu. Il-Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li l-Alla l-veru jaġixxi bil-ħażen.”—Ġob 34:10; aqra Ġakbu 1:13.
Alla ta lil bniedem il-libertà tal-għażla. Napprezzaw aħna l-libertà tagħna li naqdu lil Alla? (Ġożwè 24:15) Is-sofferenzi żdiedu minħabba li ħafna nies għażlu li jagħmlu affarijiet ħżiena lil oħrajn. Ġeħova jweġġaʼ meta jara inġustizzji bħal dawn.—Aqra Ġenesi 6:5, 6.
Ġeħova dalwaqt se juża lil Ġesù biex ineħħi għalkollox is-sofferenza u lil dawk li jikkaġunawha. Sadanittant, Ġeħova għandu raġuni valida għala qed jippermetti s-sofferenza b’mod temporanju. ’Il quddiem se jkollna lezzjoni f’din is-serje t’artikli li se tispjega għala Alla jippermetti s-sofferenza.—Aqra Isaija 11:4.
5. Alla xi jridna nagħmlu?
Ġeħova ħalaqna bl-abbiltà li nsiru nafuh u nħobbuh. Hu jridna nkunu nafu l-verità dwaru. (1 Timotju 2:4) Jekk nistudjaw il-Bibbja, nistgħu nsiru nafu lil Alla bħala Ħabib.—Aqra Proverbji 2:4, 5.
Ladarba Ġeħova tana l-ħajja għandna nħobbuh iktar milli nħobbu lil ħaddieħor. Nistgħu nuru lil Alla li nħobbuh billi nkellmuh fit-talb u billi nagħmlu dak li jitlob minna. (Proverbji 15:8) Ġeħova jitlob minna li nittrattaw lil ħaddieħor bi mħabba.—Aqra Marku 12:29, 30; 1 Ġwanni 5:3.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 1 taʼ dan il-ktieb Il-Bibbja x’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 17]
Jistaʼ jkun hemm raġuni valida għala qed titħalla s-sofferenza b’mod temporanju?