LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w11 10/1 pp. 4-6
  • Min Tassew Jaħkem lid-Dinja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Tassew Jaħkem lid-Dinja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Min Tassew Qed Jaħkem lid-​Dinja?
  • Il-Bibbja x’tgħid?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
  • Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Huwa x-Xitan Reali?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Ix-Xitan Mhux Sempliċement Superstizzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
w11 10/1 pp. 4-6

Min Tassew Jaħkem lid-​Dinja?

X’AKTARX li int qatt ma ltqajt maʼ xi kapijiet tal-​kriminalità organizzata. Ifisser dan li ma jeżistux? Uħud li jmexxu l-​kriminalità huma tas-​sengħa f’li jaħbu l-​identità tagħhom jew f’li saħansitra jmexxu l-​affarijiet minn ġol-​ħabs. Madanakollu, l-​aħbarijiet fil-​gazzetti dwar gwerer bejn klikek tad-​drogi, ċrieki tal-​prostituzzjoni, u t-​traffikar tan-​nies, biex insemmu ftit, ifakkruna dwar l-​influwenza li tikkorrompi u l-​konsegwenzi diżastrużi li jiġu minħabba l-​attivitajiet u l-​eżistenza taʼ dawn il-​kriminali. Aħna nafu li jeżistu dawn il-​mexxejja tal-​kriminalità minħabba l-​effett li jħallu fuq is-​soċjetà umana.

Il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tikxef li Satana hu persuna reali, li bħal perċimes tal-​kriminalità b’saħħtu jara li r-​rieda tiegħu titwettaq permezz taʼ “sinjali giddibin” u “qerq inġust.” Infatti, il-​Bibbja tgħid li hu “jibqaʼ jinbidel f’anġlu tad-​dawl.” (2 Tessalonikin 2:9, 10; 2 Korintin 11:14) L-​eżistenza tax-​Xitan bl-​istess mod tistaʼ tidher mill-​effetti li jħalli warajh. Però, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies isibuha bi tqila li jemmnu fi ħlejqa spirtu inviżibbli u mill-​agħar. Qabel ma neżaminaw iktar mill-​qrib dak li tgħid il-​Bibbja dwar ix-​Xitan, ejja nagħtu ħarsa lejn xi ostakli komuni u twemmin żbaljat li jżommu lil ħafna nies milli jaċċettaw l-​idea li x-​Xitan hu persuna reali.

◼ “Alla taʼ mħabba kif setaʼ joħloq lix-​Xitan?” Ladarba l-​Bibbja tgħid li Alla hu tajjeb u perfett, ma jagħmilx sens li taħseb li hu setaʼ ħalaq lil xi ħadd mill-​agħar u malizzjuż. Il-​fatt hu li l-​Bibbja ma tgħidx li Alla ħalaq persuna bħal din. Għall-​kuntrarju, tgħid hekk dwar Alla: “Il-​Blata, perfett għemilu, għax triqatu kollha huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja; ġust u rett hu.”—Dewteronomju 32:4; Salm 5:4.

Il-​punt li għandna nikkunsidraw hu jekk persuna perfetta maħluqa minn Alla tistax tagħmel dak li hu ħażin. Kuntrarju għal li jagħmel il-​ħlejjaq tiegħu bħal robots, Alla tahom il-​libertà tal-​għażla—l-​abbiltà li jagħmlu l-​għażliet tagħhom stess. Għaldaqstant, ħlejqa perfetta u intelliġenti tistaʼ tagħżel li tagħmel it-​tajjeb jew il-​ħażin. Fil-​verità, l-​uniċi għemejjel li tassew jistaʼ jkollhom tifsir morali huma dawk li jsiru minn ħlejqa intelliġenti, umana jew spirtu, mogħnija bil-​libertà tal-​għażla.

Għalhekk huwa loġiku li Alla ma kienx se jagħti lill-​ħlejjaq tiegħu libertà morali u fl-​istess ħin iżommhom milli jagħmlu l-​ħażen jekk huma jagħżlu li jagħmlu dan. Ġesù rrefera għall-​użu ħażin tal-​libertà tal-​għażla meta qal hekk dwar ix-​Xitan: “Ma żammx sħiħ fil-​verità.” (Ġwanni 8:44) Din l-​istqarrija turi b’mod ċar li l-​wieħed li sar ix-​Xitan oriġinalment kien persuna spirtu perfetta, li xi darba jew oħra kien ‘żamm sħiħ mal-​verità.’a Alla Ġeħova ħalaq lill-​ħlejjaq tiegħu bil-​libertà tal-​għażla għax iħobbhom u jafdahom.—Ara l-​kaxxa “Tistaʼ Ħlejqa Perfetta Titlef il-​Perfezzjoni?” f’paġna 6.

◼ “Ix-​Xitan hu qaddej t’Alla” Għal xi wħud, il-​Bibbja donnha tagħti din l-​idea fil-​ktieb taʼ Ġob. Skont kummentarju wieħed tal-​Bibbja, l-​istqarrija li x-​Xitan kien qed ‘idur ’l hemm u ’l hawn fuq l-​art’ tirreferi għall-​irwol tal-​ispiji Persi tal-​qedem li vvjaġġaw u rrapportaw affarijiet fis-​servizz lis-​sultan tagħhom. (Ġob 1:7) Imma, jekk ix-​Xitan tassew kien spija t’Alla, għala kien ikollu għalfejn jispjega lil Alla li kien ġej milli ‘jdur ’l hemm u ’l hawn fuq l-​art’? Il-​ktieb taʼ Ġob mhux talli ma jpinġix lix-​Xitan bħala xi ħadd alleat m’Alla imma talli jsejjaħlu bl-​isem Satana, li jfisser “Wieħed li jopponi,” u b’hekk jindika li hu fil-​fatt l-​Avversarju ewlieni t’Alla. (Ġob 1:6) Allura minn fejn ġiet l-​idea li x-​Xitan jaqdi lil Alla?

Sa mill-​ewwel seklu E.K., kotba apokrifali, bħall-​“Book of Jubilees” u l-​“Common Rule” tas-​setta taʼ Qumran, pinġew lix-​Xitan bħala li qed jipprova jilħaq ftehim m’Alla u li fl-​istess ħin hu sottomess għar-​rieda Tiegħu. Fil-​ktieb tiegħu Mephistopheles, l-​istorjografu J. B. Russell jispjega li r-​Riformatur Protestant Martin Luteru qies lix-​Xitan bħala l-​għodda t’Alla, “bħal ronka jew mgħażqa li juża biex jikkultiva l-​ġnien tiegħu.” Russell iżid jgħid li l-​idea hi li “l-​imgħażqa tieħu gost teqred il-​ħaxix ħażin,” imma tibqaʼ fl-​id setgħana t’Alla, u b’hekk twettaq ir-​rieda t’Alla. It-​tagħlim taʼ Luteru—li iktar tard ġie milqugħ mit-​teologu Franċiż Ġwanni Kalvinu—mar kontra s-​sens taʼ ġustizzja taʼ ħafna aduraturi. Kif setaʼ Alla kollu mħabba mhux biss jippermetti l-​ħażen imma wkoll ikun iridu jseħħ? (Ġakbu 1:13) Din id-​duttrina, flimkien mat-​terruri li ġraw fis-​seklu 20, iġġiegħel lil ħafna nies biex la jemmnu f’Alla u lanqas fix-​Xitan.

◼ “Ix-​Xitan hu sempliċement il-​ħażen inġenerali” Li temmen li x-​Xitan hu sempliċement il-​ħażen inġenerali jagħmel xi siltiet mill-​Bibbja kważi impossibbli biex tifhimhom. Pereżempju, bħalma hu deskritt f’​Ġob 2:3-​6, Alla maʼ min kellu konversazzjoni? Kien forsi qed jitkellem mal-​ħażen inġenerali f’Ġob, jew forsi kien qed jitkellem miegħu nnifsu? Barra minn hekk, jagħmel sens li Alla filli faħħar il-​virtujiet taʼ Ġob u filli ħalla lil Ġob jiġi pprovat mill-​ħażen inġenerali? Jekk tgħid li Alla kellu dawn il-​motivi tkun qisek qed tgħid li hu Esseri pervers, mhux il-​wieħed “li fih m’hemm ebda inġustizzja.” (Salm 92:15) Għall-​kuntrarju, Alla rrifjuta li ‘jmidd idu’ u jweġġaʼ lil Ġob. Jidher ċar li x-​Xitan mhuwiex il-​ħażen inġenerali jew aspett ħażin tal-​personalità t’Alla imma spirtu li għamel lilu nnifsu l-​Avversarju t’Alla.

Min Tassew Qed Jaħkem lid-​Dinja?

Illum il-​ġurnata, ħafna nies jemmnu li hi ħaġa antikwata li temmen fix-​Xitan. Iżda l-​ebda spjegazzjoni għar-​realtà ħarxa tal-​ħażen ma wriet li hi sodisfaċenti ħlief dik li hemm ix-​Xitan. Infatti, l-​attentat li sar biex titneħħa l-​idea li hemm ix-​Xitan wassal lil ħafna nies biex jiċħdu lil Alla u lil kwalunkwe livell morali għalkollox.

Il-​poeta Charles-​Pierre Baudelaire tas-​seklu 19 kiteb: “L-​akbar qerq tax-​Xitan hu li jipperswadina li ma jeżistix.” Billi jaħbi l-​identità tiegħu, ix-​Xitan fil-​fatt qajjem dubji dwar l-​eżistenza t’Alla. Jekk ix-​Xitan ma jeżistix, ma jfissirx dan li Alla hu responsabbli għall-​ħażen kollu? U mhuwiex dan eżatt dak li x-​Xitan irid lin-​nies jemmnu?

Bħal kap kriminali, ix-​Xitan jaħbi l-​identità tiegħu ħalli jilħaq l-​objettiv tiegħu. X’inhu dan l-​objettiv? Il-​Bibbja twieġeb: “L-​alla taʼ din is-​sistema għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex ma jarawx jiddi d-​dawl taʼ l-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbieha t’Alla.”—2 Korintin 4:4.

Fadal mistoqsija importanti. Alla x’se jagħmel b’dan il-​perċimes sigriet li qiegħed wara l-​ħażen u t-​tbatija kollha? Se nikkunsidraw dan fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Sabiex tifhem għala Alla ma waqqafx ir-​ribelljoni tax-​Xitan mill-​ewwel, ara kapitlu 11 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Kumment f’paġna 5]

Huwa x-​Xitan wieħed li jaqdi lil Alla jew wieħed li jopponi lil Alla?

[Kaxxa/Stampa f’paġna 6]

Tistaʼ Ħlejqa Perfetta Titlef il-​Perfezzjoni?

Il-​perfezzjoni mogħtija minn Alla lill-​ħlejjaq intelliġenti tiegħu hi dipendenti. Għalkemm Adam kien maħluq perfett, hu kellu jirrispetta l-​limiti fiżiċi li poġġielu l-​Ħallieq tiegħu. Pereżempju, ma setax jiekol it-​trab, iż-​żrar, jew l-​injam mingħajr ma jbati l-​konsegwenzi. Li kieku injora l-​liġi tal-​gravità u qabeż minn irdum għoli, kien imut jew iweġġaʼ gravi.

Bl-​istess mod, l-​ebda ħlejqa perfetta—bniedem jew anġlu—ma tistaʼ tmur lil hinn mil-​limiti morali mpoġġijin minn Alla mingħajr ma tbati l-​konsegwenzi negattivi. Għalhekk, meta ħlejqa intelliġenti tabbuża mil-​libertà tal-​għażla tagħha, hi faċilment taqaʼ fl-​iżball u d-​dnub.—Ġenesi 1:29; Mattew 4:4.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja