Il-Verità Tistaʼ Tbiddillek Ħajtek
GĦANDEK mnejn smajt jew ġejt mgħallem waħda mill-gidbiet dwar Alla li kixfet din is-serje t’artikli. Xorta waħda, forsi żżomm lura milli tbiddel it-twemmin tiegħek, speċjalment jekk ilek tħaddnu żmien twil.
Wieħed jistaʼ jifhem għala jkun hemm inċertezzi bħal dawn. Xi knejjes mhumiex tal-idea li jqabblu t-twemmin tagħhom maʼ dak li tgħid il-Bibbja. Oħrajn jipprovaw jiddefendu t-tagħlim falz billi jgħidu li l-Bibbja hi komplikata, u li m’għandhiex tkun mifhuma minn kulħadd. Però, il-biċċa l-kbira mid-dixxipli taʼ Ġesù kienu nies komuni, mingħajr edukazzjoni għolja, u madankollu faċilment fehmu dak li għallimhom.—Atti 4:13.
Forsi taħseb li tkun qed turi nuqqas taʼ fidi jekk tiddeċiedi li teżamina jekk hux minnu t-twemmin tiegħek. Imma jagħmel sens li Alla mhux se jieħu pjaċir bik jekk tfittex fil-Bibbja, il-messaġġ tiegħu lill-umanità, biex tifhem dak li jitlob minnek? Għall-kuntrarju, il-Kelma tiegħu tinkuraġġik biex teżamina l-Iskrittura personalment, billi tgħid: ‘Agħti prova lilek innifsek dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’—Rumani 12:2.
Huwa importanti li ssir taf il-verità dwar Alla, mhux biex sempliċement titgħallem xi ħaġa ġdida, imma għax tistaʼ ttejjiblek ħajtek. (Ġwanni 8:32) Deanne, li ssemmiet fl-ewwel artiklu, issa bniet il-fidi tagħha fuq il-Kelma t’Alla. Hi tirrakkonta: “Qatt ma rrealizzajt li l-Iskrittura hi daqstant ċara sakemm bdejt nistudja l-Bibbja. Issa naf li Ġeħova mhuwiex Alla indifferenti, iżda hu Missieri tas-sema kollu mħabba. Sibt skop veru fil-ħajja.”
Forsi studjajt il-Bibbja qabel mingħajr ma ħassejt li bbenefikajt. Jekk inhu hekk, taqtax qalbek. Li tipprova tifhem il-Bibbja meta ġejt mgħallem gideb dwar Alla hu bħal li tipprova tgħaqqad jigsaw puzzle mingħajr ma jkollok l-istampa t-tajba bħala referenza. Għandek mnejn twaħħal ftit biċċiet flimkien imma mbagħad tiddejjaq u tieqaf meta dawn ma jaqblux mal-istampa sħiħa li ngħatajt. Però, jekk tibda bl-istampa t-tajba, il-biċċiet kollha se jiġu f’posthom.
Tixtieq titgħallem il-verità dwar Alla? Nistidnuk tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova fl-inħawi tiegħek jew tikteb fl-indirizz li japplika għalik f’paġna 4 taʼ din ir-rivista għal studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.
[Kumment f’paġna 9]
‘Agħti prova lilek innifsek dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’—RUMANI 12:2