LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 4/15 pp. 18-21
  • Sebgħin Sena Naqbad Tarf il-Libsa taʼ Lhudi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Sebgħin Sena Naqbad Tarf il-Libsa taʼ Lhudi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ‘X’INHU L-​IRWOL TIEGĦI?’
  • IS-​SERVIZZ TAʼ PIJUNIER MATUL IL-​GWERRA
  • SIRT BETELIT
  • GILEGĦAD—ESPERJENZA LI MA NINSIEHA QATT
  • IX-​XOGĦOL TAS-​CIRCUIT U LURA F’BETEL
  • NGĦIN FI FRANZA
  • IŻ-​ŻWIEĠ U IKTAR PRIVILEĠĠI
  • “JIEN MHUX DEJJEM SE NKUN MAGĦKOM”
  • Ħajja Mimlija Għana fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Il-ministeru fultajm—⁠Fejn wassalni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 4/15 pp. 18-21

Bijografija

Sebgħin Sena Naqbad Tarf il-​Libsa taʼ Lhudi

Kif rakkontata minn Leonard Smith

Meta kelli madwar 13-​il sena, laqtuni żewġ siltiet mill-​Bibbja. Illum, li għaddew iktar minn 70 sena, għadni niftakar meta fhimt xi jfisser il-​vers taʼ Żakkarija 8:23, li jitkellem dwar “għaxart irġiel” li se jaqbdu “tarf il-​libsa taʼ raġel Lhudi.” Huma jgħidu lil-​Lhudi: “Aħna se niġu magħkom, għax smajna li Alla magħkom.”

IR-​RAĠEL Lhudi jirrappreżenta lill-​Kristjani midlukin, u l-​“għaxart irġiel” jirrappreżentaw lin-​“nagħaġ oħrajn,” jew lil “Ġonadabijiet,” kif kienu magħrufin lura f’dak iż-​żmien.a (Ġw. 10:16) Meta fhimt din il-​verità, irrealizzajt kemm it-​twettiq tat-​tama tiegħi li ngħix għal dejjem fuq l-​art jiddependi mill-​appoġġ leali li nagħti lill-​klassi tal-​midlukin.

It-​tixbiha taʼ Ġesù tan-​“nagħaġ” u l-​“mogħoż,” li nsibu f’​Mattew 25:31-​46, laqtitni ħafna wkoll. In-​“nagħaġ” jagħtu stampa taʼ dawk li se jirċievu ġudizzju favorevoli matul iż-​żmien tat-​tmiem għax jgħinu lil ħut Kristu l-​midlukin li għadhom fuq l-​art. Bħala żagħżugħ u wieħed mill-​Ġonadabijiet, għedt lili nnifsi, ‘Len, jekk trid tiġi meqjus minn Kristu bħala nagħġa, għandek tappoġġa lil ħutu l-​midlukin u taċċetta t-​tmexxija tagħhom għax Alla hu magħhom.’ Din il-​fehma kienet taʼ gwida għalija għal iktar minn 70 sena.

‘X’INHU L-​IRWOL TIEGĦI?’

Ommi tgħammdet fl-​1925 fis-​sala tal-​laqgħat f’Betel. Din is-​sala kien jisimha London Tabernacle u kienet tintuża mill-​aħwa taʼ dawk l-​inħawi. Jien twilidt fil-​15 t’Ottubru tal-​1926 u f’Marzu tal-​1940, tgħammidt f’assemblea f’Dover, belt mal-​kosta tal-​Ingilterra. Sirt inħobb il-​verità tal-​Bibbja u peress li ommi kienet waħda mill-​Kristjani midlukin, l-​ewwel ‘tarf il-​libsa taʼ Lhudi’ li qbadt, biex ngħid hekk, kien t’ommi. Dak iż-​żmien, missieri u oħti akbar minni ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Konna nagħmlu parti mill-​Kongregazzjoni taʼ Gillingham, fix-​Xlokk tal-​Ingilterra, li l-​biċċa l-​kbira mill-​membri tagħha kienu Kristjani midlukin. Ommi ħalliet eżempju taʼ żelu mill-​aħjar fix-​xogħol tal-​ippritkar.

F’Settembru tal-​1941, waqt konvenzjoni fil-​belt taʼ Leicester, ġiet kunsidrata l-​kwistjoni tal-​ħakma universali f’taħdita bit-​titlu “Integrità.” Din it-​taħdita għenitni nifhem għall-​ewwel darba li aħna involuti fil-​kwistjoni bejn Ġeħova u Satana. Għalhekk, hemm bżonn li nieħdu l-​waqfa tagħna fuq in-​naħa taʼ Ġeħova u nżommu l-​integrità tagħna lejh bħala s-​Sovran Universali.

F’dik il-​konvenzjoni ġie enfasizzat ħafna s-​servizz taʼ pijunier, u ż-​żgħażagħ ġew inkuraġġiti jagħmluh il-​mira tagħhom. It-​taħdita intitolata “L-​Irwol taʼ Pijunier fl-​Organizzazzjoni” ġegħlitni naħseb, ‘X’inhu l-​irwol tiegħi?’ Din il-​konvenzjoni kkonvinċietni li bħala wieħed mill-​Ġonadabijiet kelli d-​dmir li ngħin lill-​klassi tal-​midlukin bl-​aħjar mod li nistaʼ fix-​xogħol tal-​ippritkar. Kien f’Leicester stess li applikajt biex naqdi bħala pijunier.

IS-​SERVIZZ TAʼ PIJUNIER MATUL IL-​GWERRA

Fl-​1 taʼ Diċembru tal-​1941, fl-​età taʼ 15-​il sena, ġejt maħtur bħala pijunier speċjali. L-​ewwel sieħba tiegħi fix-​xogħol taʼ pijunier kienet ommi, imma madwar sena wara ma setgħetx tkompli fis-​servizz taʼ pijunier minħabba raġunijiet taʼ saħħa. L-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Londra mbagħad inkariga lil Ron Parkin biex jissieħeb miegħi fix-​xogħol taʼ pijunier. Hu bħalissa qed jaqdi fil-​Kumitat tal-​Fergħa taʼ Puerto Rico.

Intbgħatna fil-​bliet taʼ Broadstairs u Ramsgate, li jinsabu mal-​kosta, fir-​reġjun taʼ Kent. Hemmhekk krejna kamra. Bħala pijunieri speċjali konna ningħataw madwar 40 xelin fix-​xahar (valur taʼ madwar 6 ewro). B’hekk, wara li konna nħallsu l-​kera bilkemm kien jibqgħalna flus biex ngħaddu, u mhux dejjem konna nkunu nafu kif se tiġi provduta l-​ikla li kien ikun imiss. Imma b’xi mod jew ieħor, Ġeħova dejjem ipprovdielna l-​bżonnijiet.

Ġrejna ħafna bir-​roti u konna ngħabbuhom sa ruħ ommhom. Kien ikollna naqdfu kontra rjieħ qawwijin li kienu jiġu mill-​Baħar tat-​Tramuntana. Kellna niffaċċjaw ukoll attakki mill-​ajru u missili V-​1 Ġermaniżi li kienu jittajru fil-​baxx minn fuq Kent biex jibbombardjaw Londra. Darba waħda, kelli naqbeż minn fuq ir-​rota għal ġo kanal f’ġenb it-​triq minħabba li għaddiet bomba bi żbrixx minn fuq rasi u splodiet f’għalqa fil-​viċin. Minkejja dan, iż-​żmien li qattajna bħala pijunieri f’Kent kien żmien sabiħ.

SIRT BETELIT

Ommi dejjem tkellmet b’ammirazzjoni dwar Betel. Kienet tħobb tgħidli: “L-​iktar ħaġa li nixtieq hi li int issir betelit.” Tistaʼ timmaġina kemm kont ferħan u sorpriż meta f’Jannar tal-​1946 ġejt mistieden biex għal tliet ġimgħat nagħti daqqa t’id fix-​xogħol fil-​Betel taʼ Londra. Fi tmiem dawn il-​ġimgħat, Pryce Hughes, il-​qaddej tal-​fergħa, talabni nibqaʼ Betel. It-​taħriġ li rċivejt hemmhekk sawwarni għall-​bqija taʼ ħajti.

Dak iż-​żmien kien hemm madwar 30 membru fil-​familja taʼ Betel taʼ Londra, li l-​biċċa l-​kbira minnhom kienu ġuvintur żgħażagħ. Imma kien hemm ukoll diversi aħwa mill-​midlukin, inkluż Pryce Hughes, Edgar Clay, u Jack Barr, li sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Xi privileġġ kien li nappoġġa lil ħut Kristu billi naħdem bħala żagħżugħ taħt l-​indokrar spiritwali taʼ dawn l-​uħud bħal “kolonni”!—Gal. 2:9.

Darba minnhom f’Betel, ħu qalli li kien hemm oħt fil-​bieb taʼ barra li xtaqet tarani. Bqajt sorpriż meta rajt lil ommi b’pakkett taħt dirgħajha. Qaltli li mhux se tidħol ħalli ma ttellifnix mix-​xogħol, u għalhekk tatni l-​pakkett u telqet. Fih kien hemm kowt isaħħan. Il-​ġest kollu mħabba tagħha fakkarni f’Ħanna meta ħadet libsa lil Samwel, it-​tifel żagħżugħ tagħha, waqt li kien qed jaqdi fit-​tabernaklu.—1 Sam. 2:18, 19.

GILEGĦAD—ESPERJENZA LI MA NINSIEHA QATT

Fl-​1947, jien u erbaʼ beteliti oħra ġejna mistidnin nattendu l-​Iskola taʼ Gilegħad fl-​Istati Uniti, u s-​sena taʼ wara attendejna l-​11-​il klassi. Meta wasalna fin-​naħa taʼ fuq taʼ New York, fejn kien hemm l-​iskola, sibna kesħa xxoqq il-​għadam. Kemm kont kuntent li kelli dak il-​kowt isaħħan li kienet ġabitli ommi!

Is-​sitt xhur li qattajt f’Gilegħad ma ninsiehom qatt. Il-​fatt li għamiltha maʼ sħabi l-​istudenti li kienu ġejjin minn 16-​il pajjiż differenti għenni nħares lejn l-​affarijiet minn lenti oħra. Minbarra li bbenefikajt bil-​kbir spiritwalment mill-​iskola, ibbenefikajt ukoll mis-​sħubija maʼ Kristjani maturi. Wieħed minn sħabi l-​istudenti, Lloyd Barry; wieħed mill-​għalliema, Albert Schroeder; u John Booth, l-​indokratur tal-​Kingdom Farm (taʼ fejn kienet l-​Iskola taʼ Gilegħad) iktar tard saru membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Jien ngħożż il-​pariri kollhom imħabba li tawni dawn l-​aħwa u l-​eżempju mill-​aqwa tagħhom taʼ lealtà lejn Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu.

IX-​XOGĦOL TAS-​CIRCUIT U LURA F’BETEL

Malli tlaqt minn Gilegħad, ġejt inkarigat biex nagħmel ix-​xogħol tas-​circuit fl-​istat taʼ Ohio, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Kelli biss 21 sena, imma l-​aħwa aċċettaw bi mħabba l-​entużjażmu tiegħi bħala żagħżugħ. F’dak is-​circuit, tgħallimt ħafna mill-​irġiel taʼ esperjenza akbar minni fl-​età.

Wara ftit xhur, ġejt mistieden immur lura fil-​Betel taʼ Brooklyn għal iktar taħriġ. Matul dak iż-​żmien, sirt naf lil uħud li huma bħal kolonni, fosthom lil Milton Henschel, Karl Klein, Nathan Knorr, T. J. (Bud) Sullivan, u Lyman Swingle, li iktar tard ilkoll qdew bħala membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Kienet esperjenza taʼ ġid għalija li narahom jaħdmu u juru kwalitajiet Kristjani. Il-​fiduċja tiegħi fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova żdiedet bil-​kbir. Imbagħad intbgħatt lura fl-​Ewropa biex inkompli l-​ministeru tiegħi hemmhekk.

Ommi mietet fi Frar tal-​1950. Wara l-​funeral, kelli diskussjoni bil-​miftuħ maʼ missieri u m’oħti, Dora. Staqsejthom x’kien beħsiebhom jagħmlu rigward il-​verità issa li ommi ma kinitx għadha magħna u jien ma kontx għadni ngħix id-​dar. Huma kienu jafu u jirrispettaw lil Harry Browning, ħu mill-​midlukin imdaħħal fiż-​żmien, u qablu li jiddiskutu l-​verità miegħu. Fi żmien sena, missieri u Dora tgħammdu. Iktar tard, missieri ġie maħtur bħala qaddej fil-​Kongregazzjoni taʼ Gillingham. Wara li miet missieri, Dora żżewġet anzjan leali, Roy Moreton, u qdiet lil Ġeħova lealment sakemm mietet fl-​2010.

NGĦIN FI FRANZA

Fl-​iskola tal-​gvern studjajt il-​Franċiż, il-​Ġermaniż, u l-​Latin, u minnhom it-​tlieta, il-​Franċiż kien l-​iktar lingwa li kont insib diffiċli. Għalhekk, meta ġejt mitlub biex immur ngħin fil-​Betel taʼ Pariġi fi Franza, ma kontx naf kif se naqbad inħossni. Hemmhekk kelli l-​privileġġ li naħdem maʼ Henri Geiger, qaddej tal-​fergħa u ħu mill-​midlukin imdaħħal fiż-​żmien. L-​inkarigu ma kienx dejjem faċli, u mingħajr dubju għamilt ħafna żbalji, imma tgħallimt kif wieħed għandu jingwalaha m’oħrajn.

Barra minn hekk, l-​ewwel konvenzjoni internazzjonali f’Pariġi wara l-​gwerra kienet ippjanata li ssir fl-​1951, u jien kelli sehem fl-​organizzar tagħha. Léopold Jontès, żagħżugħ li kien indokratur li jivvjaġġa, ġie Betel biex jagħtini daqqa t’id. Iktar tard, Léopold ġie maħtur bħala indokratur tal-​fergħa. Il-​konvenzjoni nżammet fil-​Palais des sports, viċin it-​Torri Eiffel. Id-​delegati ġew minn 28 pajjiż. Fl-​aħħar jum, ix-​Xhieda Franċiżi, 6,000 b’kollox, kienu ferħanin se jtiru meta raw li attendew 10,456 ruħ!

Għall-​ewwel li wasalt Franza, kont inġaħġaħ xi ħaġa żgħira bil-​Franċiż. Biex tkompli tgħaxxaqha, kont nitkellem biss meta kont inkun ċert li qed nuża l-​Franċiż b’mod korrett u dan kien żball kbir. Imma jekk ma tiżbaljax, qatt ma tiġi koreġut, u b’hekk ma tagħmilx progress.

Iddeċidejt li nsolvi s-​sitwazzjoni billi ninkiteb fi skola li kienet tgħallem il-​Franċiż lill-​barranin. Bdejt immur għal-​lezzjonijiet filgħaxijiet meta ma kienx ikun hemm laqgħat. Sirt inħobbha l-​lingwa Franċiża, u matul is-​snin bdiet togħġobni dejjem iktar. Dan kien utli għax b’hekk stajt ngħin lill-​fergħa taʼ Franza fix-​xogħol tat-​traduzzjoni. Maż-​żmien, jien stess bdejt nittraduċi mill-​Ingliż għall-​Franċiż. Kien privileġġ li jkolli sehem f’li ngħin lill-​aħwa li jitkellmu bil-​Franċiż madwar id-​dinja jiksbu l-​ikel spiritwali bnin li tipprovdi l-​klassi tal-​ilsir.—Mt. 24:45-​47.

IŻ-​ŻWIEĠ U IKTAR PRIVILEĠĠI

Fl-​1956, iżżewwiġt lil Esther, pijuniera mill-​Isvizzera li kont iltqajt magħha ftit tas-​snin qabel. Iżżewwiġna fis-​Sala tas-​Saltna li tinsab ħdejn il-​Betel taʼ Londra (li qabel kienet is-​sala London Tabernacle, fejn tgħammdet ommi). Ħuna Hughes għamlilna t-​taħdita taż-​żwieġ u omm Esther kienet preżenti. Hi wkoll kellha t-​tama għas-​sema. Iż-​żwieġ tiegħi mhux biss ipprovdieli sieħba ħelwa u leali imma gawdejt ukoll ħafna sigħat taʼ sħubija prezzjuża mal-​kunjata, li kienet mara spiritwali u mill-​aħjar, sakemm il-​ħajja tagħha fuq l-​art intemmet fis-​sena 2000.

Wara li żżewwiġna, jien u Esther ma konniex noqogħdu Betel. Filwaqt li jien bqajt nittraduċi fil-​Betel, Esther qdiet bħala pijuniera speċjali fl-​inħawi taʼ madwar Pariġi. Hi rnexxielha tgħin lil diversi wħud isiru qaddejja taʼ Ġeħova. Fl-​1964, ġejna mistidnin ngħixu f’Betel. Imbagħad fl-​1976, meta bdew jitwaqqfu l-​Kumitati tal-​Fergħa, ġejt maħtur bħala membru. Matul is-​snin, Esther dejjem tatni l-​appoġġ tagħha kollu mħabba.

“JIEN MHUX DEJJEM SE NKUN MAGĦKOM”

Kelli l-​privileġġ li minn żmien għal żmien immur lura fil-​kwartieri ġenerali fi New York. Matul dawn iż-​żjajjar, ngħatajt pariri tajbin mingħand membri differenti tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Pereżempju, darba minnhom meta esprimejt ruħi għax kont inkwetat li mhux se llaħħaq nagħmel ix-​xogħol sa ċertu żmien stipulat, Ħuna Knorr tbissem u qalli: “Tħabbilx rasek. Aħdem!” Spiss minn dakinhar ’il quddiem, kull meta jinġemgħuli l-​inkarigi, minflok ma nippanikja, immidd idi għax-​xogħol u, wieħed wara l-​ieħor, ix-​xogħol isir—ġeneralment fil-​ħin.

Eżatt qabel mewtu, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Jien mhux dejjem se nkun magħkom.” (Mt. 26:11) Bħala nagħaġ oħrajn, aħna konxji wkoll li mhux dejjem se jkollna lil ħut Kristu l-​midlukin fostna fuq l-​art. B’hekk, nikkunsidrah privileġġ imprezzabbli li ilni iktar minn 70 sena nissieħeb mill-​qrib maʼ ħafna mill-​midlukin—grat li għadni naqbad tarf il-​libsa taʼ Lhudi.

[Nota ta’ taħt]

a Għat-​terminu “Ġonadab,” ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġni 83, 165, 166 u It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju, 2001, paġna 14.

[Kumment f’paġna 21]

Ħuna Knorr tbissem u qalli: “Tħabbilx rasek. Aħdem!”

[Stampi f’paġna 19]

(Xellug) Ommi u missieri

(Lemin) Fil-​kampus taʼ Gilegħad fl-​1948, liebes il-​kowt li jsaħħan li tatni ommi

[Stampa f’paġna 20]

Ninterpreta t-​taħdita taʼ Ħuna Lloyd Barry fid-​dedikazzjoni tal-​fergħa taʼ Franza, fl-​1997

[Stampi f’paġna 21]

(Xellug) Maʼ Esther fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħna

(Lemin) Flimkien fix-​xogħol tal-​ippritkar

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja