LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w12 10/1 pp. 20-23
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Materjal Simili
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa: Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
w12 10/1 pp. 20-23

Il-​Bibbja Tbiddel il-​Ħajjiet

RAĠEL mill-​Iskozja x’sab li jġiblu iktar sodisfazzjon minn karriera taʼ suċċess fil-​qasam tan-​negozju? X’għen lil raġel fil-​Brażil iħalli warajh stil taʼ ħajja immorali u ma jibqax ipejjep il-​kokaina crack? Raġel fis-​Slovenja kif irnexxielu jaqtaʼ l-​vizzju tax-​xorb żejjed? Ara x’għandhom xi jgħidu dawn l-​individwi.

“Ħajti kienet tidher tajba.”—JOHN RICKETTS

SENA TAT-​TWELID: 1958

POST TAT-​TWELID: L-​ISKOZJA

STORJA: NEGOZJANT TAʼ SUĊĊESS

IL-​PASSAT TIEGĦI: Tistaʼ tgħid li fit-​trobbija tiegħi ma kien jonqosni xejn. Missieri kien uffiċjal tal-​armata Ingliża, u minħabba f’hekk spiss konna niċċaqalqu minn post għal ieħor bħala familja. Minbarra l-​Iskozja, għexna wkoll l-​Ingilterra, il-​Ġermanja, il-​Kenja, il-​Malasja, l-​Irlanda, u Ċipru. Sa minn meta kelli tmien snin, kont nattendi u ngħix f’diversi skejjel fl-​Iskozja. Eventwalment iggradwajt minn Cambridge University.

Fl-​età taʼ 20 sena, bdejt karriera fin-​negozju taż-​żejt li damet tmien snin. Għall-​ewwel, għamilt dan ix-​xogħol fl-​Amerika t’Isfel, iktar tard fl-​Afrika, u fl-​aħħar fil-​Punent tal-​Awstralja. Meta mort l-​Awstralja, ftaħt kumpanija tal-​investiment u maż-​żmien begħtha.

Il-​qligħ li għamilt minn dan il-​bejgħ ippermettieli nirtira fl-​età taʼ 40 sena. Dan il-​ħin li issa kelli għad-​dispożizzjoni tiegħi użajtu biex nivvjaġġa. Dort l-​Awstralja bil-​mutur darbtejn u għamilt vjaġġ mad-​dinja kollha. Ħajti kienet tidher tajba.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Saħansitra qabel ma rtirajt, xtaqt insib mezz kif nirringrazzja lil Alla tal-​ħajja li kont qed ingawdi. Bdejt immur il-​Knisja Anglikana li kont nattendi f’żgħożiti. Imma l-​knisja ma kinitx tipprovdi wisq tagħlim mill-​Bibbja. Imbagħad studjajt mal-​Mormoni, iżda tlift l-​interess għax ma kinux jibbażaw it-​twemmin tagħhom fuq il-​Bibbja.

Darba minnhom, ħabbtuli l-​bieb ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minnufih intbaħt li huma jibbażaw it-​tagħlim tagħhom kompletament fuq il-​Bibbja. Skrittura waħda li wrewni kienet l-​1 Timotju 2:3, 4. Dawn il-​versi jgħidu li hija r-​rieda t’Alla li “bnedmin taʼ kull xorta jiġu salvati u jaslu għall-​għarfien eżatt dwar il-​verità.” Bqajt impressjonat li x-​Xhieda enfasizzaw mhux biss l-​għarfien iżda l-​għarfien eżatt ibbażat fuq il-​Bibbja.

L-​istudju tal-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova għenni nikseb dan l-​għarfien eżatt. Pereżempju, tgħallimt li Alla u Ġesù mhumiex parti minn xi Trinità misterjuża; minflok, huma żewġ individwi distinti. (Ġwanni 14:28; 1 Korintin 11:3) Ħadt pjaċir meta tgħallimt din il-​verità sempliċi. Imma ħassejtni frustrat talli fil-​passat kont ħlejt tant enerġija biex nipprova nifhem dak li ma jistax jiġi mifhum!

Ma domtx ma bdejt nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Bqajt impressjonat b’kemm kienu dħulin u bil-​livelli morali għoljin taʼ kull min kien hemm—kienu donnhom qaddisin mexjin fl-​art. L-​imħabba ġenwina tagħhom ikkonvinċietni li kont sibt ir-​reliġjon vera.—Ġwanni 13:35.

KIF IBBENEFIKAJT: Wara li tgħammidt iltqajt maʼ mara mill-​aħjar jisimha Diane. Hi kienet trabbiet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u kellha ħafna kwalitajiet sbieħ li kienu jiġbduni. Maż-​żmien iżżewwiġna. Il-​ħbiberija u l-​appoġġ taʼ Diane kienu tassew barka mingħand Ġeħova.

Jien u Diane żviluppajna xewqa qawwija li mmorru ngħixu f’post fejn kien hemm bżonn ikbar għal predikaturi tal-​aħbar tajba tal-​Bibbja. Fl-​2010, ġejna noqogħdu l-​Beliże, fl-​Amerika Ċentrali. Hawnhekk nippritkaw lin-​nies li għandhom imħabba għal Alla u li huma għatxana ferm għall-​għarfien tal-​Bibbja.

Inħossni moħħi mistrieħ issa li fl-​aħħar naf il-​verità dwar Alla u dwar il-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja. Bħala predikatur full-​time, kelli l-​pjaċir li ngħallem il-​Bibbja lil bosta wħud oħrajn. M’hemm xejn aħjar milli nara l-​verità tal-​Bibbja ttejjeb il-​ħajja taʼ individwu—proprju bħalma tejbet tiegħi. Fl-​aħħar sibt l-​aħjar mod kif nirringrazzja lil Alla tal-​ħajja li ngawdi.

“Kienu qalbhom tajba ferm miegħi.”—MAURÍCIO ARAÚJO

SENA TAT-​TWELID: 1967

POST TAT-​TWELID: IL-​BRAŻIL

STORJA: STIL TAʼ ĦAJJA IMMORALI

IL-​PASSAT TIEGĦI: Jien trabbejt f’Avaré, raħal kwiet fl-​istat taʼ São Paulo. Il-​biċċa l-​kbira tar-​residenti tiegħu huma mill-​klassi tal-​ħaddiem.

Missieri miet meta ommi kienet tqila bija. Bħala tifel żgħir kont nilbes il-​ħwejjeġ t’ommi meta ma kinitx tkun id-​dar. Bdejt nagħmel mossi taʼ mara u n-​nies bdew iqisuni bħala omosesswali. Maż-​żmien beda jkolli relazzjonijiet sesswali maʼ subien oħrajn u maʼ rġiel.

Lejn tmiem is-​snin tal-​adoloxxenza tiegħi, spiss kont infittex nies biex ikolli x’naqsam sesswalment magħhom (kemm irġiel u kemm nisa) kull fejn stajt insibhom—fil-​ħwienet tax-​xorb, fid-​diskoteki, u saħansitra fil-​knejjes. Fi żmien il-​karnival, kont nilbes taʼ mara u niżfen fil-​parati tal-​iskejjel tas-​samba. Kont popolari ħafna.

Fost sħabi kien hemm omosesswali, prostituti, u drogati. Xi wħud minnhom influwenzawni biex nipprova l-​kokaina crack, u ma domtx ma qbadt il-​vizzju. Kultant konna ndumu lejl sħiħ inpejpu. Drabi oħrajn kont ninqataʼ għalija waħdi u nqattaʼ l-​ġurnata kollha npejjep il-​crack. Kont sirt għadma u ġilda, tant li kien hemm il-​qlajja li kelli l-​AIDS.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Kien għall-​ħabta taʼ dan iż-​żmien li ltqajt max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Kienu qalbhom tajba ferm miegħi. Wieħed mill-​versi Bibliċi li qrawli kien Rumani 10:13, li jgħid: “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jiġi salvat.” Dan il-​kliem ġegħelni nifhem l-​importanza li nuża l-​isem taʼ Ġeħova. Bosta drabi, wara li kont inkun ilni lejl sħiħ inpejjep il-​kokaina crack, kont niftaħ it-​tieqa, inħares lejn is-​sema, u bid-​dmugħ f’għajnejja nitlob lil Ġeħova bil-​ħniena biex jgħinni.

Inkwetat minħabba li bdejt nara lil ommi qalbha sewda għax kienet qed tbati ħafna tarani neqred lili nnifsi bid-​drogi, daħħaltha f’rasi li naqtagħhom. Ftit wara dan, aċċettajt l-​offerta li għamluli x-​Xhieda biex nistudja l-​Bibbja. Huma żgurawni li l-​istudju kien se jsaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħi biex naqtaʼ d-​drogi—u hekk ġara!

Hekk kif komplejt nistudja l-​Bibbja, irrealizzajt li kelli bżonn inbiddel l-​istil taʼ ħajja li kont ngħix. Kien diffiċli b’mod speċjali biex naqtaʼ l-​prattiki omosesswali għax dawn kienu parti minni sa minn ċkuniti. Iżda ħaġa waħda li għenitni kienet li nneħħi l-​influwenzi ħżiena minn ħajti. Temmejt il-​ħbiberiji li kelli u ma bqajtx immur fil-​ħwienet tax-​xorb u fid-​diskoteki.

Għalkemm ma kienx faċli nagħmel dawn il-​bidliet, sibt faraġ meta sirt naf li Ġeħova kien jimpurtah minni u li kien jifhem it-​taqbida li kelli. (1 Ġwanni 3:19, 20) Sal-​2002 kont waqqaft il-​prattiki omosesswali kollha, u f’dik is-​sena tgħammidt bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

KIF IBBENEFIKAJT: Ommi tant baqgħet impressjonata bil-​bidliet li għamilt li anke hi bdiet tistudja l-​Bibbja. Sfortunatament minn dak iż-​żmien tatha puplesija. Minkejja dan, hi kompliet tiżviluppa mħabba għal Ġeħova u għall-​verità tal-​Bibbja.

Issa ilni għal dawn l-​aħħar tmien snin fil-​ministeru full-​time—inqattaʼ ħafna mill-​ħin tiegħi ngħallem il-​Bibbja lil oħrajn. Irrid nammetti li ġieli jkolli nissielet kontra xewqat mhux xierqa. Iżda nagħmel kuraġġ meta niftakar li jekk nagħżel li ma naġixxix fuq dawn ix-​xewqat inkun qed nogħġob lil Ġeħova.

Minħabba li ersaqt qrib taʼ Ġeħova u ngħix ħajja li togħġbu, għandi iktar rispett lejja nnifsi. Illum, jien raġel kuntent.

“Kont bittija bla qiegħ.”—LUKA ŠUC

SENA TAT-​TWELID: 1975

POST TAT-​TWELID: IS-​SLOVENJA

STORJA: JIXROB IŻŻEJJED

IL-​PASSAT TIEGĦI: Twilidt Ljubljana, il-​belt kapitali tas-​Slovenja. Kelli tfulija sabiħa sakemm kelli erbaʼ snin. Imbagħad missieri kkommetta suwiċidju. Wara din it-​traġedja, ommi kellha taħdem iebes biex tipprovdi l-​ikel għal żewġ subien li kienu qed jikbru—jien u ħija ikbar minni.

Fl-​età taʼ 15-​il sena mort ngħix maʼ nannti. Kont nieħu gost ngħix magħha għax ħafna mill-​ħbieb tiegħi kienu joqogħdu fl-​akkwati tagħha. Barra minn hekk, kelli iktar libertà milli kelli meta kont ngħix id-​dar. Fl-​età taʼ 16-​il sena bdejt nagħmilha maʼ nies li fi tmiem il-​ġimgħa kienu jmorru jixorbu. Tawwalt xagħri, bdejt nilbes b’mod ribelluż, u iktar tard bdejt inpejjep.

Għalkemm esperimentajt b’diversi drogi, qatt ma qtajt ix-​xorb għax sibt li kien l-​iktar ħaġa li tagħtini pjaċir. Minn ftit tazzi nbid ma domtx ma bdejt nixrob iktar minn flixkun kull darba li noħroġ. Sirt espert f’li naħbi kemm fir-​realtà kont inkun xurban. Spiss, kienet tkun biss ir-​riħa taʼ xorb li kienet tikxef li kont inkun xrobt. Iżda xorta ħadd ma kien ikollu l-​iċken ħjiel li nkun xrobt madwar għaxar pinet—inbid, birra, u vodka!

Ħafna drabi, jien kont inkun il-​wieħed li ngħin lil sħabi jibqgħu fuq saqajhom wara xi lejl id-​diskoteka, avolja x’aktarx li kont inkun xrobt daqshom darbtejn. Darba waħda smajt lil xi ħadd minn sħabi jgħid li jien kont bittija bla qiegħ—espressjoni offensiva bis-​Sloven għal xi ħadd li jkun kapaċi jixrob iktar minn ħaddieħor. Dak il-​kumment laqatni fil-​laħam il-​ħaj.

Bdejt naħseb dwar dak li kont qed nagħmel b’ħajti. Bdejt inħossni li ma niswa għal xejn. Donnu l-​ebda ħaġa li għamilt f’ħajti ma kienet tagħmel sens.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI: Kien madwar dak iż-​żmien li nnotajt li wieħed minn sħabi tal-​klassi kien inbidel; sar iktar ġentili. Imqanqal mill-​kurżità dwar it-​trasformazzjoni tiegħu, stidintu biex immorru nieħdu kafè. Aħna u nitħaddtu spjegali li kien beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu qasam miegħi xi affarijiet li kien qed jitgħallem u dawn kienu ġodda għalkollox għalija għax qatt ma kelli xi tip taʼ tagħlim reliġjuż fit-​trobbija tiegħi. Bdejt nattendi l-​laqgħat tax-​Xhieda u nistudja l-​Bibbja magħhom.

L-​istudju tal-​Bibbja għenni nara ċar bosta veritajiet konvinċenti u motivanti. Pereżempju, tgħallimt li qed ngħixu f’dawk li l-​Bibbja ssejħilhom “l-​aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1-​5) Tgħallimt ukoll li Alla dalwaqt se jneħħi lin-​nies ħżiena mill-​art u jagħti lin-​nies tajbin l-​opportunità li jgawdu ħajja taʼ dejjem f’Ġenna tal-​art. (Salm 37:29) Ħassejt xewqa qawwija li nirranġa ħajti sabiex inkun nistaʼ nkun fost dawn in-​nies tajbin.

Bdejt ngħid lil sħabi dwar il-​veritajiet Bibliċi li kont qed nitgħallem. Ħafna minnhom kienu jwaqqgħuni għaċ-​ċajt meta kont nkellimhom dwar hekk. Imma bħalma jgħidu: kull deni ħudu b’ġid, għax ir-​reazzjoni tagħhom għenitni nara li ma kinux ħbieb veri. Irrealizzajt li l-​problema li kelli tax-​xorb kellha x’taqsam ħafna mal-​għażla tiegħi tal-​ħbieb. Il-​ġimgħa kollha kienu jistennew tmiem il-​ġimgħa b’ħerqa biex ikunu jistgħu jerġgħu jiskru.

Ma bqajtx nagħmilha maʼ dawn il-​ħbieb; minflok sibt ħbieb li jibnuni fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Il-​kumpanija tagħhom kienet sors taʼ inkuraġġiment kbir—dawn kienu nies li jħobbu lil Alla mill-​qalb u li tassew jipprovaw jgħixu fi qbil mal-​livelli tiegħu. Bil-​mod il-​mod, kont kapaċi naqtaʼ l-​vizzju tax-​xorb żejjed.

KIF IBBENEFIKAJT: Ninsab grat lejn Ġeħova li m’għadx għandi l-​bżonn li nixrob l-​alkoħol biex inħossni ferħan. Ma nafx kif kont nispiċċa kieku komplejt ngħix dik it-​tip taʼ ħajja. Iżda jien konvint li issa ħajti hi aħjar.

Għal dawn l-​aħħar sebaʼ snin, kelli l-​privileġġ li naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fis-​Slovenja. Il-​fatt li sirt naf lil Ġeħova u naqdih tani skop veru f’ħajti.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja