LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 1/1 pp. 10-11
  • “Sa fl-Aħħar Sibt il-Libertà Vera.”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Sa fl-Aħħar Sibt il-Libertà Vera.”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Materjal Simili
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Kif Nistaʼ Naqtaʼ l-Vizzju tad-Drogi?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • “Donnu kelli kulma ridt”
    Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 1/1 pp. 10-11

IL-​BIBBJA TBIDDEL IL-​ĦAJJIET

“Sa fl-​aħħar sibt il-​libertà vera”

Kif Rakkontata Minn Brian Hewitt

  • SENA TAT-​TWELID: 1981

  • POST TAT-​TWELID: L-​ISTATI UNITI TAL-​AMERIKA

  • STORJA: IBEN IL-​ĦALI

IL-​PASSAT TIEGĦI:

Twilidt fʼMoundsville, raħal kwiet biswit ix-​Xmara Ohio fit-​Tramuntana taʼ West Virginia, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Jien it-​tieni wild minn tliet subien u tifla, u b’hekk fid-​dar tagħna konna kuljum b’xi praspura ġdida. Il-​ġenituri tiegħi kienu nies beżlin, onesti, u jħobbu lil oħrajn. Qatt ma konna sinjuri, imma dejjem kellna l-​bżonnijiet. Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, il-​ġenituri tagħna għamlu dak kollu li setgħu biex minn ċkunitna jnaqqxu fina l-​prinċipji Bibliċi.

Madankollu, sakemm sirt adoloxxent qalbi kienet diġà bdiet titbiegħed minn dak li ġejt mgħallem. Bdejt niddubita jekk ħajja gwidata mill-​prinċipji Bibliċi kinitx se tkun sinifikanti jew sodisfaċenti. Irraġunajt li biex tkun verament ferħan irid ikollok libertà assoluta. Ma domtx ma waqaft nattendi l-​laqgħat Kristjani. Tnejn minn ħuti għamlu bħali u segwew l-​istess triq ribelluża tiegħi. Il-​ġenituri tagħna għamlu kulma setgħu biex jgħinuna, imma aħna rrifjutajna l-​isforzi li għamlu.

Mur għidli li dik il-​libertà li xtaqt kienet se twaqqagħni fix-​xibka tal-​vizzju. Darba, waqt li kont sejjer lura d-​dar mill-​iskola, ħabib tiegħi offrieli sigarett. Jien aċċettajtu. Minn dakinhar ’il quddiem, aċċettajt ħafna affarijiet qerrieda oħrajn. Maż-​żmien, bdejt nabbuża mid-​drogi u l-​alkoħol u ngħix ħajja immorali. Matul il-​ftit snin taʼ wara bdejt bil-​mod il-​mod nesperimenta bi drogi iktar qawwijin u sirt skjav taʼ ħafna minnhom. Bdejt nogħdos iktar fil-​fond fil-​vizzji tiegħi, u bdejt inbigħ id-​drogi biex inkun nistaʼ nlaħħaq mal-​istil taʼ ħajti.

Ipprovajt fuq li pprovajt ninjora l-​kuxjenza tiegħi, imma din fakkritni regolarment li l-​mod kif kont qed ngħix kien ħażin. Madankollu, ħassejt li l-​ħsara kienet diġà saret u kien tard wisq biex nerġaʼ lura. Minkejja li kont inkun imdawwar bin-​nies fil-​parties u l-​kunċerti, spiss kont inħossni waħdi u dipress. Xi kultant, kont naħseb dwar kemm kienu nies twajba u deċenti l-​ġenituri tiegħi u kif kont tbegħedt daqshekk.

KIF IL-​BIBBJA BIDDLITLI ĦAJTI:

Avolja kont tlift kull tama li ninbidel, oħrajn ma kinux qatgħu qalbhom minni. Fis-​sena 2000, il-​ġenituri tiegħi stidnuni biex nattendi konvenzjoni distrettwali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Mort b’nofs qalb u bqajt skantat meta ż-​żewġ ħuti li kienu għamlu bħali attendew ukoll.

Meta kont il-​konvenzjoni rrealizzajt li madwar sena qabel kont mort kunċert tal-​mużika rock fl-​istess post. Id-​differenza li rajt laqtitni fil-​laħam il-​ħaj. Matul il-​kunċert, il-​post kien mimli skart u foga tas-​sigaretti. Il-​biċċa l-​kbira minn dawk li marru l-​kunċert xejn ma kienu minn tagħna, u l-​messaġġ tal-​mużika kien dipressanti. Imma fil-​konvenzjoni, kont imdawwar b’nies li kienu tassew ferħanin—nies li laqgħuni minn qalbhom, avolja kont ili ma narahom snin sħaħ. Il-​post kien nadif u l-​messaġġ preżentat kien wieħed taʼ tama. Meta rajt l-​effett pożittiv li kellha l-​verità tal-​Bibbja bdejt naħseb bejni u bejn ruħi għala kont ċħadtha!—Isaija 48:17, 18.

“Il-​Bibbja saħħitni biex ma nkomplix nieħu u nbigħ id-​drogi, u għenitni nsir persuna aħjar”

Preċiż wara l-​konvenzjoni, iddeċidejt li nerġaʼ lura lejn il-​kongregazzjoni Kristjana. Dik il-​konvenzjoni messet qalb ħuti wkoll, tant li anki huma ddeċidew li jerġgħu lura. It-​tlieta li aħna aċċettajna studju persunali tal-​Bibbja.

Vers mill-​Bibbja li laqatni b’mod partikulari kien Ġakbu 4:8 li jgħid: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” Irrealizzajt li jekk ridt nersaq qrib lejn Alla, kelli bżonn innaddaf ħajti. Fost bidliet oħrajn, kelli bżonn nieqaf inpejjep u ma nibqax nabbuża mid-​drogi u mill-​alkoħol.—2 Korintin 7:1.

Qtajt il-​ħbieb li kelli u għamilt ħbieb ġodda minn fost l-​aduraturi taʼ Ġeħova. L-​anzjan Kristjan li studja l-​Bibbja miegħi għenni ħafna. Hu kien iċempilli regolarment u kien jiġi s’għandi biex jara kif kont sejjer. Sal-​ġurnata tal-​lum, hu wieħed mill-​ħbieb tal-​qalb tiegħi.

Fir-​rebbiegħa tal-​2001, jien issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla billi tgħammidt fl-​ilma, bħalma għamlu ż-​żewġ ħuti l-​oħra. Tistaʼ timmaġina x’ferħ ħassew il-​ġenituri tiegħi u ħija iżgħar minni li kien baqaʼ leali meta l-​familja tagħna sa fl-​aħħar kienet magħquda tqim lil Ġeħova!

KIF IBBENEFIKAJT:

Kont naħseb li l-​prinċipji tal-​Bibbja kienu stretti żżejjed, imma issa nqishom bħala protezzjoni imprezzabbli. Il-​Bibbja saħħitni biex ma nkomplix nieħu u nbigħ id-​drogi, u għenitni nsir persuna aħjar.

Għandi l-​privileġġ li nkun parti minn fratellanza taʼ aduraturi taʼ Ġeħova madwar id-​dinja. Dawn in-​nies verament iħobbu lil xulxin, u huma magħqudin jaqdu lil Alla. (Ġwanni 13:34, 35) Kelli barka speċjali minn din il-​fratellanza—marti, Adrianne, li tant inħobb u ngħożż. Aħna ferħanin ferm li naqdu lill-​Ħallieq tagħna flimkien.

Minflok ma bqajt infittex ħajja taʼ egoiżmu, jien issa qed nagħmel xogħol volontarju billi naqdi bħala ministru full-​time, jiġifieri ngħallem lin-​nies kif huma wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-​Kelma t’Alla. Dan ix-​xogħol ġabli l-​akbar ferħ possibbli. Nistaʼ ngħid b’konvinzjoni sħiħa li l-​Bibbja biddlitli ħajti. Sa fl-​aħħar sibt il-​libertà vera.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja