LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 5/15 pp. 14-18
  • Saħħaħ iż-Żwieġ Tiegħek Permezz ta’ Komunikazzjoni Tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Saħħaħ iż-Żwieġ Tiegħek Permezz ta’ Komunikazzjoni Tajba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • URU D-​DEHEN
  • KABBRU MĦABBITKOM
  • IRRISPETTAW LIL XULXIN
  • URU UMILTÀ ĠENWINA
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Żewġ Ċwievet Għal Żwieġ Dejjiemi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 5/15 pp. 14-18

Saħħaħ iż-​Żwieġ Tiegħek Permezz taʼ Komunikazzjoni Tajba

“Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-​deheb f’tinqix tal-​fidda.”—PROV. 25:11.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Id-​dehen kif itejjeb il-​komunikazzjoni fiż-​żwieġ?

  • L-​imseħbin fiż-​żwieġ għala għandhom bżonn jirrispettaw lil xulxin?

  • L-​umiltà x’effett tistaʼ tħalli fuq iż-​żwieġ?

1. Komunikazzjoni tajba kif għenet xi żwiġijiet?

“NIPPREFERI nqattaʼ l-​ħin maʼ marti milli maʼ ħaddieħor,” qal ħu fil-​Kanada. “Kwalunkwe ferħ fil-​ħajja jirdoppja u kwalunkwe wġigħ jonqos bin-​nofs meta naqsmu magħha.” Raġel miżżewweġ fl-​Awstralja kiteb: “Fil-​11-​il sena li ilna flimkien, m’għaddietx ġurnata waħda li ma kellimtx lil marti.” Hu qal li komunikazzjoni tajba għenithom jafdaw lil xulxin għalkollox u jkollhom żwieġ b’saħħtu. Oħt fil-​Kosta Rika kitbet li l-​komunikazzjoni tajba għenet lilha u lil żewġha jkollhom żwieġ hieni. Hi qalet: “Ressqitna eqreb lejn Ġeħova, ipproteġietna mit-​tentazzjonijiet, għaqqditna bħala koppja, u kabbret l-​imħabba tagħna.”

2. Liema fatturi jaħdmu kontra komunikazzjoni tajba?

2 Għandek komunikazzjoni tajba fiż-​żwieġ tiegħek? M’għandniex xi ngħidu, jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet diffiċli għax iż-​żwieġ jgħaqqad tnejn min-​nies imperfetti li għandhom personalitajiet differenti, inkluż drawwiet li jirriflettu l-​kultura u t-​trobbija tagħhom. (Rum. 3:23) Iktar minn hekk, koppja jistaʼ jkollha stili differenti taʼ komunikazzjoni. Mhux taʼ b’xejn li r-​riċerkaturi taż-​żwieġ John M. Gottman u Nan Silver qalu li l-​koppji jridu jkunu lesti jaħdmu iebes ħafna jekk iridu komunikazzjoni tajba u jkollhom żwieġ li jirnexxi.”

3. X’għen lil koppji jsaħħu ż-​żwieġ tagħhom?

3 Żwieġ li jirnexxi hu, tabilħaqq, frott ix-​xogħol iebes. Imma r-​riżultati jinkludu ferħ liema bħalu. Il-​miżżewġin li jħobbu lil xulxin jistgħu tassew igawdu ħajjithom flimkien. (Ekk. 9:9) Ħu miż-​żwieġ kollu mħabba taʼ Iżakk u Rebekka. (Ġen. 24:67) Anke wara li kien ilhom xi żmien miżżewġin, m’hemm xejn li juri li l-​imħabba taʼ bejniethom battiet. L-​istess jistaʼ jingħad għal ħafna koppji miżżewġin illum. X’inhu s-​sigriet tagħhom? Huma tgħallmu jaqsmu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħhom maʼ xulxin bl-​onestà, imma b’qalb tajba, billi jikkultivaw u juru d-​dehen, l-​imħabba, rispett profond, u l-​umiltà. Kif se naraw issa, meta dawn il-​kwalitajiet fundamentali jkunu fiż-​żwieġ, il-​komunikazzjoni dejjem tkun miftuħa.

URU D-​DEHEN

4, 5. Id-​dehen kif jistaʼ jgħin lil koppja miżżewġa biex jifhmu lil xulxin aħjar? Agħti eżempji.

4 “Min qed juri d-​dehen fi kwistjoni se jsib it-​tajjeb,” jgħid Proverbji 16:20. Dan hu ċertament minnu fejn għandu x’jaqsam iż-​żwieġ u l-​ħajja tal-​familja. (Aqra Proverbji 24:3.) Il-​Kelma t’Alla hi l-​aqwa sors taʼ dehen u għerf. Ġenesi 2:18 jgħidilna li Alla għamel lill-​mara biex tkun sieħba li taqbel għal mar-​raġel, mhux kopja tiegħu. L-​irwol tagħha jidher bil-​mod li bih hi tikkomunika. M’għandniex xi ngħidu, in-​nies huma differenti, imma ġeneralment in-​nisa jħobbu jitkellmu dwar is-​sentimenti tagħhom, dwar in-​nies, u dwar ir-​relazzjonijiet. Huma japprezzaw komunikazzjoni intima u mill-​qalb, għax dan jagħtihom l-​assiguranza li huma maħbubin. Mill-​banda l-​oħra, ħafna rġiel għandhom it-​tendenza li ma jitkellmux dwar is-​sentimenti tagħhom u aktarx li iktar jieħdu pjaċir jitkellmu dwar ix-​xogħol, id-​divertiment, il-​problemi, u s-​soluzzjonijiet. Barra minn hekk, l-​irġiel jixtiequ li jiġu rrispettati.

5 “Żewġi jkun moħħu biex isolvi l-​problemi malajr minflok ma joqgħod jismagħni,” qalet oħt fil-​Britannja. ‘Dan jistaʼ vera jittikani meta kulma nkun irrid hu li jismagħni u jipprova jifhem x’inkun qed inħoss.’ Raġel miżżewweġ kiteb: “Meta jien u marti konna għadna miżżewġin friski, kelli t-​tendenza li nsib soluzzjoni taʼ malajr għal kwalunkwe problema li kellha. Però, ma domtx ma indunajt li kulma riedet kien li nismaʼ x’kellha xi tgħid.” (Prov. 18:13; Ġak. 1:19) Raġel li juri d-​dehen jaf kif tħossha martu u jittrattaha b’tali mod li hi tħossha maħbuba. Fl-​istess ħin, jassiguraha li l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tagħha huma importanti għalih. (1 Pt. 3:7) Min-​naħa tagħha, hi tipprova tifhem il-​ħarsa tiegħu. Meta raġel u martu jifhmu, japprezzaw, u jwettqu l-​irwoli Skritturali tagħhom, iż-​żwieġ tagħhom ikun ħaġa mill-​isbaħ. Iktar minn hekk, ikunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin u bbilanċjati.

6, 7. (a) Ekkleżjasti 3:7 kif jistaʼ jgħin lil tnejn miżżewġin juru d-​dehen? (b) Mara miżżewġa kif tistaʼ turi d-​dehen, u xi sforz għandu jagħmel ir-​raġel?

6 Tnejn miżżewġin li juru d-​dehen għandhom ikunu jafu wkoll li hemm ‘żmien li joqogħdu kwieti u żmien li jitkellmu.’ (Ekk. 3:1, 7) Oħt li ilha miżżewġa għaxar snin kitbet li hi tgħallmet meta għandha titkellem maʼ żewġha dwar ċerti affarijiet. Jekk hu jkun mgħobbi bix-​xogħol jew b’responsabbiltajiet oħra, hi tistenna ħin aħjar biex tkellmu. B’riżultat taʼ dan, il-​komunikazzjoni tagħhom hi ħafna aħjar. Meta mara tkellem lil żewġha b’qalb tajba u f’ħin xieraq, żewġha x’aktarx ma jiddejjaqx jismagħha.—Aqra Proverbji 25:11.

Affarijiet żgħar jagħmlu differenza kbira fiż-​żwieġ

7 Raġel Kristjan miżżewweġ għandu jagħti sehmu mhux biss billi jismaʼ x’għandha xi tgħid martu imma wkoll billi jagħmel ħiltu biex jesprimi ċar is-​sentimenti tiegħu stess. Anzjan li ilu miżżewweġ 27 sena qal: “Irrid nagħmel sforz biex ngħid lil marti x’hemm fil-​fond taʼ qalbi.” Ħu li ilu miżżewweġ 24 sena qal: “Nistaʼ nżomm kollox ġo fija u ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Jekk ma nsemmi xejn dwar il-​kwistjoni, se tissolva waħedha.’ Però, irrealizzajt li mhijiex dgħufija li nuri s-​sentimenti tiegħi. Meta nissielet biex nesprimi kif inkun qed inħossni, nitlob dwar x’għandi ngħid u kif għandi ngħidu. Imbagħad nieħu nifs qawwi u nibda nitkellem.” Hu importanti wkoll li l-​miżżewġin jagħżlu l-​waqt biex jitkellmu, forsi meta jkunu waħedhom huma u jikkunsidraw l-​iskrittura tal-​jum jew jaqraw il-​Bibbja flimkien.

8. Koppji Kristjani liema motivazzjoni għandhom biex iż-​żwieġ tagħhom ikollu suċċess?

8 Importanti kemm għar-​raġel kif ukoll għall-​mara huma t-​talb u r-​rieda qawwija biex itejbu l-​komunikazzjoni bejniethom. Jistaʼ jkun diffiċli li jbiddlu d-​drawwiet taʼ qabel. Imma meta koppja tkun tħobb lil Ġeħova, titlob għall-​ispirtu tiegħu, u tqis iż-​żwieġ tagħha bħala sagru, se jkollha l-​motivazzjoni li ħafna koppji oħra m’għandhomx. Mara li ilha miżżewġa 26 sena kitbet: “Jien u r-​raġel nieħdu bis-​serjetà l-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn iż-​żwieġ; għalhekk is-​separazzjoni lanqas biss tiġina f’moħħna. Dan iġegħelna nirsistu iktar biex insolvu l-​problemi billi niddiskutuhom flimkien.” Koppja li hi leali lejn Alla b’dan il-​mod se jkollha l-​approvazzjoni u l-​barka tiegħu.—Salm 127:1.

KABBRU MĦABBITKOM

9, 10. B’liema modi prattiċi jistgħu koppja jsaħħu r-​rabta tagħhom taż-​żwieġ?

9 L-​imħabba, “rabta perfetta li tgħaqqad,” hi l-​iktar kwalità importanti fiż-​żwieġ. (Kol. 3:14) L-​imħabba ġenwina tikber hekk kif koppja leali jgħaddu l-​ħajja flimkien, bil-​ferħ u l-​isfidi kollha li ġġib magħha. Huma saħansitra jsiru iktar ħbieb tal-​qalb u jgħożżu l-​kumpanija taʼ xulxin. Żwiġijiet bħal dawn ma jissaħħux biss billi jagħmlu ftit affarijiet kbar għal xulxin, bħalma juru l-​mezzi tax-​xandir, imma wkoll b’numru bla għadd taʼ għemejjel żgħar—xi tgħanniqa, kumment b’qalb tajba, ġest kordjali, tbissima ħelwa, jew billi bis-​sinċerità jistaqsu, “kif kienet il-​ġurnata tiegħek?” Dawn l-​affarijiet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira fiż-​żwieġ. Koppja miżżewġa li ilhom ferħanin flimkien għal 19-​il sena jċemplu jew jibagħtu l-​messaġġi lil xulxin matul il-​ġurnata biex ‘sempliċement jaraw kif inhuma sejrin l-​affarijiet.

10 L-​imħabba wkoll tħeġġeġ lill-​koppja jkomplu jitgħallmu dwar xulxin. (Flp. 2:4) Iktar ma jitgħallmu, iktar tissaħħaħ l-​imħabba taʼ bejniethom minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom. Żwieġ taʼ suċċess ikompli jikber u jissaħħaħ maż-​żmien. Mela jekk int miżżewweġ, staqsi lilek innifsek: ‘Kemm nafha sew lill-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ? Nifhem jien is-​sentimenti u l-​ħsibijiet tagħha dwar ċerti affarijiet? Kemm naħseb spiss dwarha, forsi billi nirrifletti fuq il-​kwalitajiet li ġibduni lejha?’

IRRISPETTAW LIL XULXIN

11. Ir-​rispett għala hu vitali għas-​suċċess fiż-​żwieġ? Agħti eżempju.

11 Anke l-​iktar żwiġijiet henjin mhumiex perfetti, u koppja li jinħabbu mhux dejjem ikunu tal-​istess opinjoni. Abraham u Sara mhux dejjem qablu bejniethom. (Ġen. 21:9-​11) Madankollu, id-​differenzi tagħhom ma tellgħux ħajt bejniethom. Għala le? Huma ttrattaw lil xulxin b’dinjità u b’rispett. Pereżempju, Abraham lil Sara qalilha “jekk jogħġbok.” (Ġen. 12:11, 13) Mill-​banda l-​oħra, hi obdietu lil Abraham u rreferiet għalih bħala sidha. (Ġen. 18:12) Meta koppja ma jirrispettawx lil xulxin, dan ġeneralment jidher minn kif ikellmu lil xulxin u mit-​ton taʼ leħinhom. (Prov. 12:18) Jekk m’hemmx rispett, iż-​żwieġ tagħhom qiegħed fil-​periklu.—Aqra Ġakbu 3:7-​10, 17, 18.

12. Għall-​bidu li jiżżewġu, koppja għala għandhom jaħdmu partikularment iebes biex ikellmu lil xulxin bir-​rispett?

12 Għall-​bidu li jiżżewġu, koppja għandhom jaħdmu partikularment iebes biex ikellmu ’l xulxin bil-​ħlewwa u bir-​rispett. Dan se jagħmilha iktar faċli biex jikkomunikaw bl-​onestà. Raġel miżżewweġ spjega li matul l-​ewwel snin taż-​żwieġ, hu u martu ma fehmux is-​sentimenti, id-​drawwiet, u l-​bżonnijiet taʼ xulxin. Kultant ħassewhom frustrati. Imma setaʼ jkollhom relazzjoni tajba billi jkunu raġunevoli u jkunu kapaċi jidħqu bihom infushom. Hu jgħid li kien importanti wkoll li juru l-​umiltà, jieħdu paċenzja b’xulxin, u jafdaw f’Ġeħova. Dan il-​parir japplika għal kulħadd!

URU UMILTÀ ĠENWINA

13. L-​umiltà għala hi vitali għal żwieġ hieni?

13 Koppja jistgħu biss jikkomunikaw b’qalb tajba u bil-​paċi jekk ikunu umli t-​tnejn li huma. (1 Pt. 3:8) Ħu li ilu miżżewweġ 11-​il sena qal li l-​umiltà tgħin lil koppja ssolvi l-​problemi għax tqanqalhom jgħidu “jiddispjaċini.” Anzjan li ilu fi żwieġ hieni għal 20 sena qal: “Kultant il-​kelma ‘jiddispjaċini’ hi iktar importanti minn ‘inħobbok.’” Hu spjega kif it-​talb jgħin lilu u lil martu biex juru l-​umiltà. Hu qal: “Meta jien u marti nersqu lejn Ġeħova bit-​talb, niġu mfakkrin fl-​imperfezzjoni tagħna u fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.” Dan jgħinhom ikollhom ħarsa xierqa tagħhom infushom u tal-​problema.”

Żomm komunikazzjoni tajba fiż-​żwieġ tiegħek

14. Il-​kburija kif tistaʼ teffettwa ż-​żwieġ?

14 Għall-​kuntrarju, il-​kburija tagħmilha diffiċli ħafna biex koppja tikkomunika u ssolvi l-​problemi. Minflok ma tgħid bl-​umiltà, “Jiddispjaċini; jekk jogħġbok aħfirli,” il-​persuna kburija toqgħod iġġib l-​iskużi. Minflok ma tammetti bil-​kuraġġ xi dgħufija, toqgħod tfittex id-​difetti fil-​persuna l-​oħra. Meta tiġi mweġġgħa, minflok ma ssus wara l-​paċi, tieħu għaliha, forsi billi tuża kliem iebes jew tirrifjuta li titkellem. (Ekk. 7:9) Iva, il-​kburija tistaʼ teqred żwieġ. Tajjeb li tiftakar li “Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.”—Ġak. 4:6.

15. Spjega kif koppja miżżewġa jistgħu jsolvu l-​problemi bejniethom billi japplikaw il-​parir f’​Efesin 4:26, 27.

15 Meta bejn il-​miżżewġin ikun hemm nuqqas taʼ qbil, huma għandhom jaħdmu biex isolvu l-​problema malajr kemm jistaʼ jkun minflok ma jissuppervjaw. Pawlu qal lil sħabu l-​Kristjani: “Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-​Xitan.” (Efes. 4:26, 27) X’jistaʼ jiġri meta koppja ma jsegwux dan il-​parir mill-​Kelma t’Alla? Dan jistaʼ jwassal għal inkwiet bla bżonn. Waħda oħt tgħid: “Kultant jien u r-​raġel m’applikajniex Efesin 4:26, 27. Meta jiġri hekk, ma norqod xejn billejl!” Kemm ikun aħjar li tipprova ssolvi l-​problema mill-​ewwel fil-​paċi! M’għandniex xi ngħidu, il-​miżżewġin forsi jkollhom bżonn jagħtu ċans lil xulxin biex jikkalmaw. Ikun tajjeb ukoll li jitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova biex juru l-​umiltà. Dan se jgħinhom biex jiffokaw fuq li jsolvu l-​problema u ma jaħsbux biss kif iħossuhom huma.—Aqra Kolossin 3:12, 13.

16. L-​umiltà kif tgħin lil koppja japprezzaw il-​kapaċitajiet taʼ xulxin?

16 L-​umiltà u l-​modestja jgħinu persuna miżżewġa biex tiffoka fuq il-​kapaċitajiet tal-​persuna l-​oħra. Biex inġibu eżempju: Mara miżżewġa għandu mnejn għandha xi abbiltajiet speċjali li tuża għall-​ġid tal-​familja. Jekk żewġha hu umli u modest, mhux se jħossu mhedded, imma jinkuraġġiha tuża l-​abbiltajiet tagħha, u juri li japprezzaha u jgħożżha. (Prov. 31:10, 28; Efes. 5:28, 29) Fl-​istess ħin, mara umli u onesta mhux se tiftaħar b’rixa jew iċċekken lil żewġha. Wara kollox, it-​tnejn huma “ġisem wieħed,” u dak li jweġġaʼ lill-​wieħed iweġġaʼ lill-​ieħor.—Mt. 19:4, 5.

17. X’jistaʼ jgħin biex iż-​żwiġijiet fi żmienna jkunu taʼ ferħ u jġibu tifħir lil Alla?

17 M’għandniex xi ngħidu, int trid li ż-​żwieġ tiegħek ikun bħal dak t’Abraham u Sara jew t’Iżakk u Rebekka—verament taʼ ferħ, dejjiemi, u jġib tifħir lil Ġeħova. Jekk inhu hekk, qis iż-​żwieġ bl-​istess mod li jagħmel Alla. Fittex fil-​Kelma tiegħu għad-​dehen u l-​għerf. Ikkultiva l-​imħabba vera—“il-​fjamma taʼ Jah”—billi taħseb b’apprezzament dwar is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. (Għan. 8:6) Aħdem iebes biex tiżviluppa l-​umiltà. Irrispetta lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek. Jekk tagħmel dawn l-​affarijiet, iż-​żwieġ tiegħek se jġib ferħ lilek u lil Missierek tas-​sema. (Prov. 27:11) Tabilħaqq, is-​sentimenti tiegħek jistgħu jkunu bħal dawk taʼ raġel li ilu miżżewweġ 27 sena u li kiteb: “Ma nistax nimmaġinani mingħajr il-​mara tiegħi. Iż-​żwieġ tagħna jkompli jissaħħaħ maʼ kull ġurnata li tgħaddi. Dan hu sforz l-​imħabba tagħna lejn Ġeħova u l-​komunikazzjoni regulari bejnietna.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja