LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 7/15 pp. 9-14
  • “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ara, Jien Magħkom il-Jiem Kollha”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TAĦT IL-​ĦARSIEN TAʼ ĠESÙ
  • MESSAĠĠIER ‘IĦEJJI TRIQ’
  • SNIN TAʼ SPEZZJONI U TINDIF
  • X’JIĠRI WARA LI JIBDA L-​ISTAĠUN TAL-​ĦSAD?
  • KIF NIBBENEFIKAW
  • “In-Nies Sewwa Jiddu bħax-Xemx”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • It-tixbiha tal-qamħ u s-sikrana
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2018
  • “Ħa tiġi saltnatek”
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Reliġjon Kristjana Waħda Vera—Realtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 7/15 pp. 9-14

“Ara, Jien Magħkom il-​Jiem Kollha”

“Ara, jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.”—MT. 28:20.

FITTEX IT-​TWEĠIBIET TAʼ DAWN IL-​MISTOQSIJIET:

  • Għala nistgħu nikkonkludu li mill-​ewwel seklu E.K. sal-​lum, dejjem kien hawn Kristjani midlukin fuq l-​art?

  • Ġesù beda liema spezzjoni fl-​1914?

  • Liema ġrajjiet deskritti fit-​tixbiha taʼ Ġesù dwar il-​qamħ u s-​sikrana għad iridu jseħħu?

1. (a) Irrakkonta fil-​qosor it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana. (b) Ġesù kif spjega t-​tifsir tagħha?

WAĦDA mit-​tixbihat taʼ Ġesù dwar is-​Saltna titkellem dwar bidwi li jiżraʼ żerriegħa tajba u dwar għadu li jiżraʼ s-​sikrana qalb iż-​żerriegħa tajba. Is-​sikrana tikber iktar mill-​qamħ, imma l-​bidwi jordna lill-​ilsiera tiegħu biex ‘iħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad.’ Matul iż-​żmien tal-​ħsad, is-​sikrana tinqered u l-​qamħ jinġabar. Ġesù nnifsu spjega t-​tixbiha. (Aqra Mattew 13:24-​30, 37-​43.) X’tirrivela din il-​parabbola? (Ara t-​tabella “Il-​Qamħ u s-​Sikrana.”)

2. (a) X’jirrappreżentaw il-​ġrajjiet li jseħħu fl-​għalqa tal-​bidwi? (b) Liema parti mill-​parabbola se nikkunsidraw?

2 Il-​ġrajjiet li jseħħu fl-​għalqa taʼ dan il-​bidwi jirrappreżentaw kif u meta Ġesù kien se jiġbor mill-​umanità l-​klassi tal-​qamħ kollha kemm hi—il-​Kristjani midlukin li se jaħkmu miegħu f’Saltnatu. Iż-​żrigħ beda f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Il-​ġbir se jitlesta meta l-​midlukin li jkunu ħajjin fl-​aħħar taʼ din is-​sistema dinjija jirċievu l-​aħħar immarkar bis-​siġill u mbagħad jittieħdu fis-​sema. (Mt. 24:31; Riv. 7:1-​4) Meta xi ħadd iħares minn fuq muntanja, ikun jistaʼ jara veduta sħiħa taʼ x’hemm madwaru. B’mod simili, it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana tgħinna jkollna fehma aħjar taʼ ġrajjiet li kienu se jseħħu matul perijodu taʼ xi 2,000 sena. Il-​parabbola tiddeskrivi żmien taʼ żrigħ, tkabbir, u ħsad. Dan l-​artiklu se jiffoka primarjament fuq iż-​żmien tal-​ħsad.a

TAĦT IL-​ĦARSIEN TAʼ ĠESÙ

3. (a) X’ġara wara l-​ewwel seklu? (b) Skont Mattew 13:28, liema mistoqsija tqajmet, u minn min? (Ara wkoll in-​nota fl-​aħħar.)

3 Fil-​bidu tat-​tieni seklu E.K., ‘tfaċċat is-​sikrana,’ jiġifieri, il-​Kristjani foloz. (Mt. 13:26) Sar-​rabaʼ seklu, kien hemm ħafna iktar “sikrana” milli Kristjani midlukin. Ftakar li fil-​parabbola, l-​ilsiera talbu permess mingħand sidhom biex jaqilgħu s-​sikrana minn għeruqha.b (Mt. 13:28) Is-​sid kif wieġeb?

4. (a) X’tirrivela t-​tweġiba tas-​Sid, Ġesù? (b) “Il-​qamħ” meta beda jintgħaraf?

4 Rigward il-​qamħ u s-​sikrana, Ġesù qal: “Ħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad.” Dan il-​kmand jirrivela li mill-​ewwel seklu sal-​lum, fuq l-​art dejjem kien hemm xi nies li kienu “l-​qamħ,” jiġifieri, Kristjani midlukin. Din il-​konklużjoni hi konfermata minn dak li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu iktar tard: “Jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Allura l-​Kristjani midlukin kienu se jkunu protetti minn Ġesù l-​jiem kollha li jwasslu għaż-​żmien tat-​tmiem. Madankollu, ladarba s-​sikrana, jew il-​Kristjani foloz, kibret iktar mill-​qamħ, ma nafux biċ-​ċert min kien jagħmel parti mill-​klassi tal-​qamħ matul dan il-​perijodu twil taʼ żmien. Però, xi 40 sena qabel il-​bidu tal-​istaġun tal-​ħsad, il-​klassi tal-​qamħ bdiet tintgħaraf. Dan kif ġara?

MESSAĠĠIER ‘IĦEJJI TRIQ’

5. Il-​profezija taʼ Malakija kif twettqet fl-​ewwel seklu?

5 Sekli qabel ma Ġesù qal it-​tixbiha tal-​qamħ u s-​sikrana, Ġeħova nebbaħ lill-​profeta Malakija biex ibassar uħud mill-​istess ġrajjiet. (Aqra Malakija 3:1-​4.) Ġwanni l-​Għammied kien il-​‘messaġġier li ħejja t-​triq.’ (Mt. 11:10, 11) Meta Ġwanni l-​Għammied wasal fis-​sena 29 E.K., kien qorob żmien taʼ ġudizzju għall-​ġens t’Iżrael. Ġesù kien it-​tieni messaġġier. Hu naddaf it-​tempju f’Ġerusalemm darbtejn—fil-​bidu u lejn it-​tmiem tal-​ministeru tiegħu. (Mt. 21:12, 13; Ġw. 2:14-​17) Għaldaqstant, ix-​xogħol taʼ Ġesù taʼ tindif involva perijodu taʼ żmien.

6. (a) X’inhu t-​twettiq akbar tal-​profezija taʼ Malakija? (b) Ġesù matul liema perijodu taʼ żmien spezzjona t-​tempju spiritwali? (Ara wkoll in-​nota fl-​aħħar.)

6 X’inhu t-​twettiq akbar tal-​profezija taʼ Malakija? Għal ħafna snin qabel l-​1914, C. T. Russell u dawk li ħadmu qrib miegħu għamlu xogħol bħal dak taʼ Ġwanni l-​Għammied. Huma studjaw il-​Bibbja biex jiskopru x’tgħallem verament. L-​Istudenti tal-​Bibbja għallmu t-​tifsir veru tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, kixfu l-​gidba tan-​nar tal-​infern, u xandru li Żminijiet il-​Ġentili kienu resqin lejn tmiemhom. Xorta waħda, kien hemm diversi gruppi reliġjużi li sostnew li kienu segwaċi taʼ Kristu. Allura kellha titwieġeb mistoqsija importanti ferm: Min fost dawn il-​gruppi kien il-​qamħ? Biex titwieġeb din il-​mistoqsija, Ġesù beda jispezzjona t-​tempju spiritwali fl-​1914. Din l-​ispezzjoni u x-​xogħol taʼ tindif involvew perijodu taʼ żmien—mill-​1914 sal-​bidu tal-​1919.c

SNIN TAʼ SPEZZJONI U TINDIF

7. X’sab Ġesù meta beda l-​ispezzjoni tiegħu fl-​1914?

7 X’sab Ġesù meta beda l-​ispezzjoni tiegħu? Grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja żelużi li għal ħafna iktar minn 30 sena kienu użaw saħħithom u flushom biex iwettqu kampanja taʼ ppritkar vigoruża.d Min jaf kemm ferħu Ġesù u l-​anġli meta sabu li l-​ftit li kienu parti mill-​klassi tal-​qamħ kienu baqgħu b’saħħithom u ma kinux inħonqu mis-​sikrana! Imma “wlied Levi,” jiġifieri, il-​midlukin, kellhom bżonn jitnaddfu. (Mal. 3:2, 3; 1 Pt. 4:17) Għala?

8. X’ġara wara l-​1914?

8 Lejn l-​aħħar tal-​1914, xi Studenti tal-​Bibbja ħassewhom skuraġġiti għax ma kinux telgħu s-​sema. Matul l-​1915 u l-​1916, ix-​xogħol tal-​ippritkar majna minħabba oppożizzjoni minn barra l-​organizzazzjoni. Agħar minn hekk, wara l-​mewt taʼ Ħuna Russell f’Ottubru tal-​1916, xi wħud fl-​organizzazzjoni bdew jopponu lil dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija. Erbgħa mis-​sebaʼ diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society rribellaw meta ntgħażel Ħuna Rutherford biex jieħu t-​tmexxija. Ipprovaw joħolqu l-​frid fost l-​aħwa, imma f’Awwissu tal-​1917, huma telqu minn Betel—tindif tassew! Ukoll, xi Studenti tal-​Bibbja ċedew minħabba l-​biżaʼ mill-​bniedem. Xorta waħda, bħala grupp huma wieġbu b’mod tajjeb għax-​xogħol taʼ Ġesù taʼ tindif u għamlu l-​bidliet meħtiġin. Għalhekk, Ġesù ġġudika li kienu qamħ Kristjan veru, imma ċaħad lill-​Kristjani foloz kollha fil-​kongregazzjoni u dawk fil-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. (Mal. 3:5; 2 Tim. 2:19) Imbagħad x’ġara? Biex insiru nafu, ejja nkomplu nikkunsidraw il-​parabbola tal-​qamħ u s-​sikrana.

X’JIĠRI WARA LI JIBDA L-​ISTAĠUN TAL-​ĦSAD?

9, 10. (a) Issa x’se nikkunsidraw dwar l-​istaġun tal-​ħsad? (b) X’ġara l-​ewwel matul l-​istaġun tal-​ħsad?

9 Ġesù qal: “Il-​ħsad hu l-​konklużjoni taʼ sistema.” (Mt. 13:39) L-​istaġun tal-​ħsad beda fl-​1914. Issa se nikkunsidraw ħames ġrajjiet li Ġesù bassar għal dak iż-​żmien.

10 L-​ewwel, il-​ġbir tas-​sikrana. Ġesù jgħid: “Fi żmien il-​ħsad ngħid lill-​ħassada, Iġbru l-​ewwel is-​sikrana u orbtuha f’qatet.” Wara l-​1914, l-​anġli bdew ‘jiġbru’ s-​sikrana billi firduha mill-​‘ulied midlukin tas-​saltna.’—Mt. 13:30, 38, 41.

11. Sal-​ġurnata tal-​lum, x’għamel lill-​Kristjani veri differenti mill-​Kristjani foloz?

11 Hekk kif ix-​xogħol tal-​ġbir mexa ’l quddiem, id-​distinzjoni bejn iż-​żewġ gruppi saret saħansitra iktar ċara. (Riv. 18:1, 4) Sal-​1919, sar evidenti li Babilonja l-​Kbira kienet waqgħet. X’kien li b’mod speċjali għamel lill-​Kristjani veri differenti minn dawk foloz? Ix-​xogħol tal-​ippritkar. Dawk li kienu qed jieħdu t-​tmexxija fost l-​Istudenti tal-​Bibbja bdew jenfasizzaw l-​importanza li dak li jkun jieħu sehem personalment fix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. Pereżempju, il-​ktejjeb To Whom the Work Is Entrusted, pubblikat fl-​1919, ħeġġeġ lill-​Kristjani midlukin kollha biex jippritkaw minn dar għal dar. Qal hekk: “Ix-​xogħol jidher kbir wisq, imma hu x-​xogħol tal-​Mulej, u bis-​saħħa tiegħu se nwettquh. Int għandek il-​privileġġ li tieħu sehem fih.” X’kienet it-​tweġiba? The Watch Tower fl-​1922 qal li minn dak iż-​żmien ’il quddiem, l-​Istudenti tal-​Bibbja żiedu l-​attivitajiet tagħhom tal-​ippritkar. Dan ix-​xogħol ma damx ma sar ix-​xogħol li dawn il-​Kristjani leali kienu magħrufin għalih—kif għadu sal-​ġurnata tal-​lum.

12. Il-​qamħ minn meta beda jinġabar?

12 It-​tieni, il-​ġbir tal-​qamħ. Ġesù jikkmanda lill-​anġli tiegħu: “Morru iġbru l-​qamħ fil-​maħżen tiegħi.” (Mt. 13:30) Mill-​1919, il-​midlukin inġabru fil-​kongregazzjoni Kristjana mnaddfa. Għal dawk il-​Kristjani midlukin li se jkunu ħajjin fl-​aħħar taʼ din is-​sistema dinjija, il-​ġbir finali se jseħħ meta jirċievu l-​premju tagħhom fis-​sema.—Dan. 7:18, 22, 27.

13. Rivelazzjoni 18:7 x’jirrivela dwar l-​attitudni tal-​prostituta, jew Babilonja l-​Kbira, inkluż il-​Kristjanità apostata?

13 It-​tielet, il-​biki u t-​tgħażżiż tas-​snien. Wara li l-​anġli jorbtu s-​sikrana f’qatet, x’jiġri? Rigward il-​kundizzjoni tal-​klassi tas-​sikrana, Ġesù jgħid: “Hemmhekk se jibku u jgħażżu snienhom.” (Mt. 13:42) Qiegħed dan iseħħ issa stess? Le. Illum, il-​Kristjanità apostata, bħala parti mill-​prostituta, għadha tgħid dwarha nfisha: “Jien qiegħda bil-​qiegħda bħala sultana, u m’iniex armla, u qatt ma se nara niket.” (Riv. 18:7) Tabilħaqq, il-​Kristjanità apostata tħoss li għad għandha ħafna kontroll, saħansitra tażżarda ‘toqgħod bil-​qiegħda bħala sultana’ fuq il-​mexxejja politiċi. Fil-​preżent, dawk rappreżentati mis-​sikrana qed jiftaħru, mhux jibku. Imma dan dalwaqt se jinbidel.

Ir-​rabta mill-​qrib li l-​Kristjanità apostata għandha mal-​mexxejja politiċi dalwaqt se tintemm (Ara paragrafu 13)

14. (a) Il-​Kristjani foloz meta u għala se “jgħażżu snienhom”? (b) Il-​fehma aġġustata tagħna taʼ Mattew 13:42 kif taqbel mal-​ħsieb li hemm f’Salm 112:10? (Ara n-​nota fl-​aħħar.)

14 Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, wara li tkun inqerdet ir-​reliġjon falza kollha, il-​membri li kellha se jiġru għall-​kenn imma mhux se jsibu post sigur fejn jinħbew. (Lq. 23:30; Riv. 6:15-​17) Imbagħad, billi jindunaw li ma jistgħux jaħarbu l-​qerda, se jibku bid-​disperazzjoni u “jgħażżu snienhom” bir-​rabja. Bħalma jbassar Ġesù fil-​profezija tiegħu dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira, f’dak il-​perijodu ikrah, huma se “jħabbtu fuq sidirhom bin-​niket.”e—Mt. 24:30; Riv. 1:7.

15. X’se jiġri mis-​sikrana, u din il-​ġrajja meta se sseħħ?

15 Ir-​rabaʼ, ix-​xħit fil-​forn. X’se jiġri mill-​qatet tas-​sikrana? L-​anġli se “jixħtuhom fil-​forn tan-​nar.” (Mt. 13:42) Dan ifisser qerda totali. Għalhekk, dawk li qabel kienu membri taʼ organizzazzjonijiet reliġjużi foloz se jinqerdu matul l-​aħħar parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira, Armageddon.—Mal. 4:1.

16, 17. (a) X’inhi l-​aħħar ġrajja li Ġesù jsemmi fit-​tixbiha tiegħu? (b) Għala nikkonkludu li t-​twettiq taʼ din il-​ġrajja għadu ġej?

16 Il-​ħames, id-​dija. Ġesù jtemm il-​profezija tiegħu billi jgħid: “F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu bħax-​xemx fis-​saltna taʼ Missierhom.” (Mt. 13:43) Dan fejn u meta se jseħħ? It-​twettiq taʼ dan il-​kliem għadu ġej, u se jitwettaq fis-​sema, mhux fuq l-​art.f Ikkunsidra żewġ raġunijiet għal din il-​konklużjoni.

17 L-​ewwel, dan meta se jseħħ? Ġesù qal: “F’dak iż-​żmien in-​nies sewwa jiddu.” Il-​frażi “f’dak iż-​żmien” milli jidher tirreferi għall-​ġrajja li Ġesù kien għadu kif semma, jiġifieri, ‘ix-​xħit tas-​sikrana fil-​forn tan-​nar.’ Dan iseħħ waqt l-​aħħar parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira. B’hekk, ‘id-​dija’ tal-​midlukin isseħħ f’dak iż-​żmien fil-​futur ukoll. It-​tieni, dan fejn se jseħħ? Ġesù qal li n-​nies sewwa se ‘jiddu fis-​saltna.’ Dan xi jfisser? Il-​midlukin leali kollha li jkunu għadhom fuq l-​art wara li tkun għaddiet l-​ewwel parti tat-​tribulazzjoni l-​kbira se jkunu diġà rċivew l-​immarkar bis-​siġill finali tagħhom. Imbagħad, bħalma turi l-​profezija taʼ Ġesù dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira, se jinġabru fis-​sema. (Mt. 24:31) Hemmhekk huma se jiddu “fis-​saltna taʼ Missierhom,” u ftit wara l-​gwerra t’Armageddon, bħala l-​għarusa hienja taʼ Ġesù se jieħdu sehem fiż-​“żwieġ tal-​Ħaruf.”—Riv. 19:6-​9.

KIF NIBBENEFIKAW

18, 19. Aħna kif nibbenefikaw mill-​fehma tal-​parabbola taʼ Ġesù dwar il-​qamħ u s-​sikrana?

18 Kif nibbenefikaw minn dak li tgħallimna dwar din il-​parabbola? Ikkunsidra tliet modi. L-​ewwel, tkabbar l-​għarfien tagħna. Il-​parabbola tirrivela raġuni importanti għala Ġeħova jippermetti l-​ħażen. Hu “ttollera . . . r-​reċipjenti taʼ korla” biex iħejji r-​“reċipjenti taʼ ħniena”—il-​klassi tal-​qamħ.g (Rum. 9:22-​24) It-​tieni, issaħħaħ il-​fiduċja tagħna. Hekk kif joqrob it-​tmiem, l-​għedewwa tagħna se jintensifikaw il-​ġlieda tagħhom kontrina, ‘imma ma jegħlbuniex.’ (Aqra Ġeremija 1:19.) Bħalma Ġeħova tul is-​snin ipproteġa lill-​klassi tal-​qamħ, hekk ukoll Missierna tas-​sema flimkien maʼ Ġesù u l-​anġli se jkunu magħna “l-​jiem kollha” li ġejjin.—Mt. 28:20.

19 It-​tielet, il-​parabbola tgħinna nidentifikaw il-​klassi tal-​qamħ. Dan għala hu importanti ħafna? Huwa essenzjali li nkunu nafu min hu l-​qamħ biex insibu t-​tweġiba għal mistoqsija li qajjem Ġesù fil-​profezija tiegħu dwar l-​aħħar jiem. Hu saqsa: “Min hu tassew l-​ilsir leali u għaqli?” (Mt. 24:45) Iż-​żewġ artikli li jmiss se jagħtuna tweġiba sodisfaċenti għal din il-​mistoqsija.

a Paragrafu 2: Biex tfakkar lilek innifsek dwar it-​tifsir tal-​partijiet l-​oħrajn tal-​parabbola, ninkuraġġuk taqra l-​artiklu “In-​Nies Sewwa Jiddu bħax-​Xemx” fit-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Marzu, 2010.

b Paragrafu 3: Ladarba l-​appostli taʼ Ġesù kienu mietu u l-​fdal taʼ midlukin fuq l-​art kienu rappreżentati mill-​qamħ u mhux mill-​ilsiera, dawn l-​ilsiera jirreferu għall-​anġli. Iktar tard fit-​tixbiha, dawk li ħasdu s-​sikrana huma identifikati bħala anġli.—Mt. 13:39.

c Paragrafu 6: Dan hu aġġustament fil-​fehma. Qabel konna naħsbu li l-​ispezzjoni taʼ Ġesù seħħet fl-​1918.

d Paragrafu 7: Mill-​1910 sal-​1914, l-​Istudenti tal-​Bibbja qassmu kważi 4,000,000 ktieb u iktar minn 200,000,000 fuljett u ktejjeb.

e Paragrafu 14: Dan hu aġġustament fil-​fehma tagħna dwar Mattew 13:42. Qabel, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qalu li l-​Kristjani foloz kienu ilhom għaxriet taʼ snin “jibku u jgħażżu snienhom,” imnikktin għax “ulied is-​saltna” jikxfuhom għal dak li tassew huma—“ulied il-​Ħażin.” (Mt. 13:38) Madankollu, il-​Bibbja tuża l-​idea tat-​tgħażżiż tas-​snien meta tiddiskuti lil dawk li se jinqerdu.—Salm 112:10.

f Paragrafu 16: Danjel 12:3 jgħid li “dawk li għandhom id-​dehen [il-​Kristjani midlukin] jiddu bħad-​dija tal-​firxa tas-​sema.” Waqt li għadhom fuq l-​art, dan jagħmluh billi jieħdu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar. Però, Mattew 13:43 jipponta lejn iż-​żmien meta se jiddu fis-​Saltna tas-​sema. Qabel konna naħsbu li ż-​żewġ skritturi kienu jirreferu għall-​istess attività—ix-​xogħol tal-​ippritkar.

g Paragrafu 18: Ara l-​ktieb Ersaq Qrib Lejn Jehovah, paġni 288-​289.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja