LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 2/1 pp. 5-7
  • Il-perċimes veru tal-gwerra u t-tbatija

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-perċimes veru tal-gwerra u t-tbatija
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IS-​SINJAL TAL-​AĦĦAR JIEM
  • JITKISSRU L-​GĦEMEJJEL TAX-​XITAN
  • L-erbaʼ rikkieba taż-żwiemel—Min huma?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Profezija tal-Bibbja Li Inti Rajtha Mwettqa
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Kif Nafu li Aħna Qegħdin fl-​“Aħħar Jiem”
    Veru li Alla Jimpurtah Minna?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 2/1 pp. 5-7

SUĠĠETT PRINĊIPALI | IL-GWERRA LI BIDDLET ID-DINJA

Il-​perċimes veru tal-​gwerra u t-​tbatija

Fil-​11 taʼ Novembru 1918, l-​Ewwel Gwerra Dinjija ġiet fi tmiemha. Il-​ħwienet għalqu, u n-​nies ħarġu jiżfnu fit-​toroq. Imma ż-​żfin ma damx wisq. Theddida oħra—saħansitra iktar qattiela mill-​maxingann—malajr segwiet il-​gwerra dinjija.

Pesta qattiela magħrufa bħala l-​influwenza Spanjola invadiet il-​kampijiet tal-​battalja taʼ Franza f’Ġunju tal-​1918. Il-​virus malajr ta prova taʼ kemm setaʼ jkun qattiel. Pereżempju, f’temp taʼ ftit xhur, qatel iktar suldati Amerikani fi Franza milli qatlu s-​suldati tal-​għadu. U l-​influwenza xterdet bl-​għaġla madwar il-​globu hekk kif it-​truppi ħaduha magħhom meta rritornaw lura lejn pajjiżhom wara li spiċċat il-​gwerra.

Is-​snin taʼ wara l-​gwerra kienu mmarkati wkoll b’ġuħ u għaks. Fil-​biċċa l-​kbira tal-​Ewropa kien hemm ġuħ kbir meta ntemm il-​ġlied fl-​1918. Sal-​1923, il-​munita Ġermaniża kienet prattikament bla siwi. Sitt snin wara, l-​ekonomija tad-​dinja kollha kkrollat. U fl-​aħħar, fl-​1939, bdiet it-​Tieni Gwerra Dinjija—sa ċertu punt kontinwazzjoni tal-​ewwel konflitt globali. X’kien hemm wara din is-​sensiela unika taʼ katastrofijiet?

IS-​SINJAL TAL-​AĦĦAR JIEM

Profeziji Bibliċi jgħinuna naraw x’hemm wara ċerti avvenimenti fl-​istorja, u dan hu speċjalment minnu rigward l-​Ewwel Gwerra Dinjija. Ġesù Kristu bassar żmien meta “ġens iqum kontra ġens” u n-​nuqqas tal-​ikel u l-​mard li jittieħed kellhom jinfirxu madwar id-​dinja. (Mattew 24:3, 7; Luqa 21:10, 11) Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li gwajijiet bħal dawn kienu se jifformaw sinjal tal-​aħħar jiem. Iktar dettalji jistgħu jinstabu fil-​ktieb tar-​Rivelazzjoni, li jassoċja gwajijiet fuq l-​art maʼ gwerra fis-​sema.—Ara l-​kaxxa “Gwerra fuq l-​art u gwerra fis-​sema.”

Dan l-​istess ktieb tal-​Bibbja jiddeskrivi erbaʼ rikkieba fuq żwiemel, kultant imsejħin ir-​rikkieba tal-​Apokalissi. Tlieta minn dawn ir-​rikkieba jagħtu stampa tal-​istess diżastri li iktar kmieni kien bassar Ġesù—il-​gwerra, il-​ġuħ, u l-​mard li jittieħed. (Ara l-​kaxxa “Veru li l-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel għadhom għaddejjin?”) Jidher ċar li l-​ewwel gwerra dinjija tat bidu għal żmien taʼ tbatija li ma battiex. U l-​Bibbja turi li Satana kien dak li, biex ngħidu hekk, ġibed il-​grillu. (1 Ġwanni 5:19) Il-​qawwa tiegħu se titrażżan xi darba?

Il-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jassigurana wkoll li Satana fadallu biss “żmien qasir.” (Rivelazzjoni 12:12) Għal din ir-​raġuni hu inkorlat u jxewwex għawġ kbir hawn fuq l-​art. Però, bl-​istess raġunar, l-​inkwiet li naraw jagħti prova li ż-​żmien li Satana baqagħlu qed jonqoslu.

JITKISSRU L-​GĦEMEJJEL TAX-​XITAN

L-​Ewwel Gwerra Dinjija kienet tabilħaqq bidla kruċjali fl-​istorja. Ġabet żmien taʼ gwerer kullimkien, bdiet irvellijiet u nuqqas taʼ fiduċja fil-​mexxejja umani. Ukoll, tagħti provi ċari tat-​tkeċċija taʼ Satana mis-​sema. (Rivelazzjoni 12:9) U dan il-​ħakkiem tad-​dinja li ma jidhirx irreaġixxa bħal dittatur kattiv li jaf li fadallu ftit żmien x’jaħkem. Meta dawk il-​jiem jaslu fi tmiemhom, iż-​żmien tal-​inkwiet li beda bl-​Ewwel Gwerra Dinjija sa fl-​aħħar jintemm.

Skont il-​profeziji Bibliċi, għandek raġuni biex temmen li Ġesù Kristu, is-​Sultan tagħna fis-​sema, dalwaqt se “jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Miljuni diġà qed jitolbu għas-​Saltna t’Alla. Tagħmel hekk int? Grazzi għal dik is-​Saltna, nies taʼ fidi fl-​aħħar se jaraw ir-​rieda t’Alla—u mhux dik taʼ Satana—issir fuq l-​art. (Mattew 6:9, 10) Taħt is-​Saltna t’Alla, qatt iktar mhu se jkun hemm xi gwerra! (Salm 46:9) Sir af dwar dik is-​Saltna u għix biex tara ż-​żmien meta l-​art tkun mimlija paċi!—Isaija 9:6, 7.

Gwerra fuq l-​art u gwerra fis-​sema

Xi 19-​il seklu qabel ma faqqgħet l-​Ewwel Gwerra Dinjija, Satana offra “s-​saltniet kollha tad-​dinja” lil Ġesù. (Mattew 4:8, 9) Ġesù rrifjutaha dik it-​tentazzjoni, però, iktar tard iddeskriva lix-​Xitan bħala “l-​ħakkiem tad-​dinja.” (Ġwanni 14:30) Barra minn hekk, l-​appostlu Ġwanni kiteb li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

Jekk Satana x-​Xitan għandu tant poter fuq id-​dinja, ma jkunx raġunevoli li tikkonkludi li kellu għall-​inqas sehem fl-​Ewwel Gwerra Dinjija u dak li ġara warajha? Ma niskantawx allura, li l-​ktieb tar-​Rivelazzjoni jassoċja lil Satana mal-​gwajijiet li ġarrbet id-​dinja mill-​1914 ’l hawn. Dan li ġej hu ġabra fil-​qosor tal-​ġrajjiet li huma deskritti f’​Rivelazzjoni kapitlu 12:

  • Vers 7 Tfaqqaʼ l-​gwerra fis-​sema bejn Mikiel (Ġesù Kristu) u d-​dragun (Satana).

  • Vers 9 Ix-​Xitan, “li qed iqarraq bl-​art abitata kollha,” jitwaddab ’l isfel lejn l-​art.

  • Vers 12 “Gwaj għall-​art u għall-​baħar, għax ix-​Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”

Il-​kronoloġija tal-​Bibbja u l-​ġrajjiet tad-​dinja jindikaw li din il-​gwerra ġrat wara li ġiet stabbilita s-​Saltna t’Alla fis-​smewwiet fl-​1914.a B’hekk, l-​istess sena kruċjali rat titfaqqaʼ l-​gwerra fuq l-​art u l-​gwerra fis-​sema.

a Ara kapitlu 8 tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

Veru li l-​erbaʼ rikkieba taż-​żwiemel għadhom għaddejjin?

Iż-​żiemel abjad u r-​rikkieb tiegħu, sultan tas-​sema

Iż-​żiemel abjad, li r-​rikkieb tiegħu hu sultan tas-​sema. Is-​Sultan, Ġesù Kristu nnifsu, hu l-​wieħed li jirkeb għall-​kawża tas-​sewwa. (Salm 45:4) L-​ewwel biċċa xogħol tiegħu hi li jeħles lis-​smewwiet minn Satana u d-​demonji tiegħu.—Rivelazzjoni 6:2; 12:9.

Iż-​żiemel lewn in-​nar u suldati fuq kamp tal-​battalja

Iż-​żiemel lewn in-​nar, li r-​rikkieb tiegħu għandu l-​awtorità “li jneħħi l-​paċi minn fuq l-​art.” (Rivelazzjoni 6:4) Mill-​1914 ’l hawn, il-​gwerer kontinwament fnew lill-​umanità. Wieħed u għoxrin sena biss wara li spiċċat l-​Ewwel Gwerra Dinjija, gwerra dinjija oħra faqqgħet u qatlet ħafna iktar nies. Skont stima waħda, it-​Tieni Gwerra Dinjija swiet madwar 60 miljun ħajja. Mill-​1945 ’l hawn, il-​gwerer kienu iktar lokalizzati imma daqstant brutali. Xi storjografi jistmaw li ’l fuq sew minn mitt miljun ruħ tilfu ħajjithom fi gwerer matul is-​seklu 20.

Iż-​żiemel iswed u ħafna tfal mejtin bil-​ġuħ

Iż-​żiemel iswed, li r-​rikkieb tiegħu għandu miżien f’idu biex jissimbolizza l-​ġuħ. (Rivelazzjoni 6:5, 6) Matul l-​Ewwel Gwerra Dinjija, imblokk mill-​Alleati wassal għal xi 750,000 mewt fil-​Ġermanja minħabba l-​ġuħ. Iktar minn żewġ miljun Russu mietu bil-​ġuħ fl-​1921, u traġedji simili malajr feġġew bnadi oħra. B’kollox, madwar 70 miljun ruħ mietu bil-​ġuħ matul is-​seklu 20. Kull sena, in-​nuqqas taʼ nutriment għadu jikkaġuna l-​mewt taʼ iktar minn tliet miljun tifel u tifla taħt l-​età taʼ ħames snin.

 Iż-​żiemel aħdar safrani u pazjenti morda

Iż-​żiemel aħdar safrani, li r-​rikkieb tiegħu jġib il-​mewt bil-​pesta. (Rivelazzjoni 6:8) L-​ewwel pesta kbira tas-​seklu 20 kienet l-​influwenza Spanjola. Iċ-​ċifri jvarjaw bil-​kbir, imma stima waħda tgħid li l-​influwenza qatlet xi 50 miljun ruħ. “Din l-​epidemija kienet waħda mill-​agħar diżastri fl-​istorja,” jgħid il-​ktieb Man and Microbes. “Lanqas il-​pesta bubonika ma qatlet tant nies tant malajr.” Mard ieħor li jittieħed, bħall-​ġidri, il-​malarja, u t-​tuberkulosi, wassal għall-​mewt taʼ mijiet taʼ miljuni matul is-​seklu 20.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja