LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 7/15 pp. 3-6
  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fil-Mikronesja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fil-Mikronesja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TWEĠIBA GĦAL ŻEWĠ TALBIET
  • TLIET SFIDI—KIF TKAMPA MAGĦHOM
  • ‘JAĦSDU BIL-​KOTRA’
  • JISTAʼ JKOLLOK SEHEM?
  • Qatt tieqaf tittama!
    Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Fetħet Qalbha m’Alla bit-Talb
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • Ħalli lil Ġeħova Jgħinek Tibqaʼ Kalm
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Tistaʼ Tgħaddi l-Maċedonja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 7/15 pp. 3-6
Doris u Katherine

Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fil-​Mikronesja

KATHERINE trabbiet fl-​Istati Uniti u meta kellha 16-​il sena tgħammdet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi ħadmet iebes fil-​ministeru imma ma tantx sabet lil min laqaʼ l-​messaġġ tas-​Saltna fl-​inħawi fejn kienet tipprietka. Hi tgħid: “Qrajt esperjenzi dwar nies li talbu lil Alla biex jibagħtilhom lil xi ħadd biex jgħinhom isiru jafuh. Spiss kont nittama li nsib lil xi ħadd hekk, imma dan qatt ma seħħ.”

Wara li ppritkat għal snin sħaħ f’dak l-​istess territorju, Katherine bdiet taħseb dwar li tmur tgħix f’post fejn in-​nies kienu se jkunu iktar lesti biex jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna. Imma tħassbet dwar jekk kienx ikun diffiċli wisq għaliha. Darba biss f’ħajjitha kienet ’il bogħod minn familtha—u dan kien għal ġimagħtejn biss—u kienet għamlet f’qalbha għax immissjat ħafna lil tad-​dar. Iżda x-​xewqa li kellha f’qalbha li tesperjenza l-​ferħ taʼ li tgħin lil dawk li qed ifittxu lil Ġeħova għelbet il-​biżaʼ li kellha. Wara li kkunsidrat diversi postijiet fejn setgħet tmur tgħix, hi kitbet lill-​fergħa fi Gwam u rċiviet l-​informazzjoni li kellha bżonn. F’Lulju tal-​2007, meta kellha 26 sena, Katherine marret tgħix Saipan, gżira fl-​Oċean Paċifiku, xi 10,000 kilometru ’l bogħod minn pajjiżha. Kif kienet l-​esperjenza tagħha?

TWEĠIBA GĦAL ŻEWĠ TALBIET

Ftit wara li waslet fil-​kongregazzjoni l-​ġdida, Katherine iltaqgħet maʼ Doris, mara li kellha madwar 45 sena u li aċċettat studju tal-​Bibbja. Wara li kienu studjaw l-​ewwel tliet kapitli tal-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem?, Katherine bdiet tinkwieta. “Doris kienet studenta tajba ħafna, u ma ridtx ingerfex kollox,” tirrakkonta hi. “Qatt ma kont studjajt il-​Bibbja maʼ xi ħadd fuq bażi regulari u ħassejt li Doris kellha bżonn oħt b’iktar esperjenza biex tistudja magħha, forsi xi ħadd tal-​età tagħha.” Katherine talbet lil Ġeħova biex jgħinha ssib oħt adattata biex tgħaddilha l-​istudju tagħha. Imbagħad iddeċidiet li tgħid lil Doris dwar il-​bidla f’min kien se jibda jagħmlilha l-​istudju.

“Qabel ma lħaqt għedtilha xi ħaġa,” tirrakkonta Katherine, “Doris qaltli li xtaqet tkellimni dwar problema li kellha. Wara li qgħadt nismagħha, għedtilha kif Ġeħova kien għenni nkampa maʼ sitwazzjoni simili f’ħajti. Hi rringrazzjatni.” Imbagħad Doris qalet lil Katherine: “Ġeħova qed jużak biex tgħinni. L-​ewwel darba li ġejt għandi, kont ilni sigħat sħaħ naqra l-​Bibbja. Kont qed nibki u nitlob lil Alla biex jibgħatli lil xi ħadd ħalli jgħinni nifhem il-​Bibbja. Imbagħad int ħabbattli l-​bieb. Ġeħova kien wieġeb talbi!” Għajnejn Katherine jimtlew bid-​dmugħ hekk kif tirrakkonta dan il-​mument kommoventi. Hi tgħid: “Kliem Doris kien tweġiba għat-​talba tiegħi. Ġeħova wrieni li kont kapaċi nkompli nagħmel l-​istudju.”

Doris tgħammdet fl-​2010, u llum hi stess għandha diversi studji tal-​Bibbja. Katherine tgħid: “Kemm jien grata li x-​xewqa biex ngħin persuna sinċiera ssir qaddejja taʼ Ġeħova sa fl-​aħħar inqatgħet!” Illum, Katherine b’ferħ taqdi bħala pijuniera speċjali fuq il-​gżira taʼ Kosrae fil-​Paċifiku.

TLIET SFIDI—KIF TKAMPA MAGĦHOM

Iktar minn mitt ħu u oħt minn pajjiżi barranin (li għandhom bejn 19 u 79 sena) qdew fejn il-​bżonn hu akbar fil-​Mikronesja. Dawn il-​ħaddiema żelużi jħossuhom bħal Erica, li marret tgħix fi Gwam fl-​2006 meta kellha 19-​il sena. Hi tgħid: “Hi xi ħaġa mill-​isbaħ li taqdi bħala pijuniera f’post fejn in-​nies huma għatxana għall-​verità. Kemm jien grata li Ġeħova għenni nidħol f’dan il-​qasam taʼ servizz! M’hemmx mod taʼ ħajja aħjar.” Illum, Erica tgawdi l-​privileġġ li taqdi bħala pijuniera speċjali f’Ebeye fil-​Gżejjer Marshall. M’għandniex xi ngħidu, li taqdi f’pajjiż barrani fih l-​isfidi tiegħu. Ejja nikkunsidraw tlieta minnhom u naraw kif dawk li marru jgħixu fil-​Mikronesja kampaw magħhom.

Erica

(Ir-​ritratt fuq il-​lemin) Erica

Stil taʼ ħajja. Wara li wasal fil-​gżira tal-​Palau fl-​2007, Simon li kellu 22 sena ma damx ma sar jaf li setaʼ jaqlaʼ biss frazzjoni żgħira minn dak li kien jaqlaʼ f’pajjiżu, l-​Ingilterra. “Kelli nitgħallem ma nixtrix kulma xtaqt. Issa nagħżel b’attenzjoni liema ikel se nixtri, u nfittex l-​aħjar prezzijiet. Meta oġġett jinqalagħlu l-​ħsara, infittex parts użati u nipprova nsib lil xi ħadd li jistaʼ jgħinni nsewwih.” Kif effettwah il-​bżonn li jgħix ħajja sempliċi? Simon jgħid: “Għenni nitgħallem x’inhu verament neċessarju fil-​ħajja u kif nistaʼ ngħaddi b’inqas. Diversi drabi stajt nara b’mod ċar li Ġeħova qed jieħu ħsiebi. Matul is-​sebaʼ snin li qdejt hawnhekk, dejjem kelli x’niekol u saqaf fuq rasi.” Tabilħaqq, Ġeħova jappoġġa lil dawk li jgħixu ħajja sempliċi għax iridu jfittxu s-​Saltna l-​ewwel.—Mt. 6:32, 33.

Timmissja lil tal-​familja. Erica tgħid: “Jien qrib ħafna taʼ familti, u kont inkwetata li se nagħmel f’qalbi minħabba li nimmissjahom u li dan kien se jeffettwa l-​ministeru tiegħi b’mod negattiv.” X’għamlet biex tipprepara lilha nfisha? “Qabel ma tlaqt minn pajjiżi, kont naqra artikli fit-​Torri tal-​Għassa dwar kif tkampa meta tkun ’il bogħod minn familtek. Dan verament ħejja lil qalbi biex inkampa maʼ din l-​isfida. F’artiklu minnhom, waħda omm assigurat lil bintha li Ġeħova kien se jieħu ħsiebha, billi qaltilha, ‘Ġeħova jistaʼ jieħu ħsiebek aħjar milli nistaʼ jien.’ Din l-​assiguranza verament saħħitni.” Hannah u żewġha Patrick jaqdu f’Majuro fil-​Gżejjer Marshall. Peress li Hannah tiffoka fuq l-​aħwa fil-​kongregazzjoni tagħhom, hi ma timmissjax wisq lil familtha. Hi tgħid: “Dejjem nirringrazzja lil Ġeħova għall-​fratellanza tagħna madwar id-​dinja għax huma familti wkoll. Mingħajr l-​appoġġ kollu mħabba tagħhom, qatt ma kien jirnexxili naqdi fejn il-​bżonn hu akbar.”

Simon

(Ir-​ritratt fuq ix-​xellug) Simon

Tagħmel ħbieb. “Meta tasal f’pajjiż ġdid, kważi kollox ikun differenti,” jgħid Simon. “Kultant nimmissja l-​fatt li ma nistax ngħid iċ-​ċajt għax ma niġix mifhum għalkollox.” Erica tgħid: “Fil-​bidu, ħassejtni bħal ħuta barra mill-​ilma, imma dan għenni nikkunsidra x’kien il-​motiv tiegħi biex niġi naqdi hawnhekk. Dan m’għamiltux għal benefiċċji persunali imma biex nagħmel iktar għal Ġeħova.” Hi żżid tgħid: “Maż-​żmien, jien bnejt ħbiberiji tal-​għaġeb u dawn ngħożżhom ħafna.” Simon stinka biex jitgħallem il-​Palauan, u dan jgħinu ‘jwessaʼ qalbu’ mal-​aħwa lokali. (2 Kor. 6:13) L-​isforzi tiegħu biex jitgħallem il-​lingwa għamluh għażiż għall-​aħwa. Iva, meta l-​aħwa minn barra u l-​aħwa lokali jaħdmu spalla maʼ spalla, iż-​żewġ gruppi jgawdu ħbiberiji mill-​qrib fil-​kongregazzjoni. Liema benefiċċji oħrajn igawdu dawk li joffru lilhom infushom minn rajhom biex jaqdu fejn il-​bżonn hu akbar?

‘JAĦSDU BIL-​KOTRA’

L-​appostlu Pawlu qal: “Min jiżraʼ bil-​kotra jaħsad ukoll bil-​kotra.” (2 Kor. 9:6) Il-​prinċipju li nsibu f’din l-​istqarrija ċertament li japplika għal dawk li jkabbru l-​ministeru tagħhom. Liema riżultati tajbin ‘jaħsdu bil-​kotra’ fil-​Mikronesja?

Patrick u Hannah

Patrick u Hannah

Fil-​Mikronesja, għad hemm bosta opportunitajiet biex dak li jkun jibda studji tal-​Bibbja u biex jara b’għajnejh stess kif individwi li jitgħallmu u japplikaw il-​verità mill-​Kelma t’Alla jagħmlu progress spiritwali. Patrick u Hannah kienu jippritkaw ukoll f’Angaur, gżira żgħira ħafna bi 320 abitant. Wara li kienu ilhom xahrejn jippritkaw hemmhekk, iltaqgħu m’omm waħedha. Hi mill-​ewwel aċċettat studju tal-​Bibbja, qabdet qabda soda mal-​verità, u għamlet bidliet kbar f’ħajjitha. Hannah tgħid: “Wara kull studju, hekk kif konna nitilqu mid-​dar tagħha bir-​roti tagħna, konna nħarsu lejn xulxin u ngħidu: ‘Grazzi, Ġeħova!’” Hannah żżid tgħid: “Naf li b’xi mod jew ieħor Ġeħova kien se jiġbed lil din il-​mara lejh, imma peress li qed naqdu fejn il-​bżonn hu akbar, stajna nsibu lil din il-​mara li hi bħal nagħġa u ngħinuha ssir taf lil Ġeħova. Din hi waħda mill-​iktar esperjenzi premjanti li qatt kellna f’ħajjitna!” Bħalma tgħid Erica, “meta tgħin lil xi ħadd isir jaf lil Ġeħova, taħsad ferħ li ma tistax tiddeskrivih!”

JISTAʼ JKOLLOK SEHEM?

F’ħafna pajjiżi, hemm bżonn taʼ iktar predikaturi tas-​Saltna. Tistaʼ int tkun fost dawk li jmorru jgħixu f’postijiet fejn hemm bżonn l-​għajnuna? Itlob lil Ġeħova biex isaħħaħ ix-​xewqa li għandek biex tkabbar il-​ministeru tiegħek. Tkellem dwar dan mal-​anzjani fil-​kongregazzjoni, mal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, jew maʼ dawk li kellhom il-​privileġġ li jaqdu f’pajjiż fejn hemm bżonn l-​għajnuna. Meta tibda tagħmel il-​pjanijiet, ikteb lill-​fergħa li tieħu ħsieb it-​territorju fejn tixtieq taqdi, u itlobhom iktar informazzjoni.a Forsi int ukoll tistaʼ tingħaqad mal-​eluf t’aħwa—kbar u żgħar, waħedhom jew miżżewġin—li joffru lilhom infushom minn rajhom u jgawdu l-​ferħ taʼ li ‘jaħsdu bil-​kotra.’

a Ara l-​artiklu “Tistaʼ Int ‘Tgħaddi l-​Maċedonja’?” fil-​ħarġa tal-​Ministeru tas-​Saltna t’Awwissu 2011.

Jipprovdu taħriġ

FOST dawk li marru jgħixu f’pajjiżi barranin hemm anzjani Kristjani b’ħafna snin t’esperjenza f’li jieħdu ħsieb il-​merħla. Dawn l-​aħwa kif jistgħu jipprovdu taħriġ fil-​kongregazzjonijiet?

Richard u Joel

Richard u Joel

Fl-​2010, Richard, li għandu 65 sena, telaq mill-​Istati Uniti biex imur jgħix Gwam. Hu jgħid li wieħed mill-​iktar aspetti importanti tat-​taħriġ hu li tagħti tifħir sinċier. Richard jgħid ukoll: “Mod tajjeb kif tħarreġ lil oħrajn hu billi taħdem magħhom fil-​ministeru tal-​għalqa. L-​aħwa jistgħu jaraw u jisimgħu kif tgħallem lil oħrajn dwar Ġeħova. Barra minn hekk, meta naħdmu flimkien tifforma rabta taʼ mħabba u unità.”

Byron u Greg

Byron u Greg

Greg, li għandu 60 sena, ilu jgħix Saipan mill-​2010. Hu jgħid: “L-​anzjani li ġew joqogħdu hawnhekk jagħtu ħafna attenzjoni individwali lill-​aħwa rġiel lokali. Aħna żviluppajna ħbiberiji mill-​qrib magħhom u nafdaw u nirrispettaw lil xulxin.” Hu jżid jgħid: “Mhux huma biss jiġu mħarrġin. Aħna wkoll għandna ħafna x’nitgħallmu mill-​aħwa lokali.”

Mike u Alice

Mike u Alice

Mike, li għandu 60 sena, u martu, Alice, qdew fir-​reġjun tal-​Paċifiku għal iktar minn 20 sena. Hu kif ħarreġ lil oħrajn? “Billi nħallilhom eżempju tajjeb f’li jsegwu d-​direzzjoni mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Għamilt ċert li dawk li ħarriġt fehmu din id-​direzzjoni. Stinkajt biex nipprattika dak li għallimt, biex inkun paċenzjuż, u biex lill-​aħwa nfaħħarhom ħafna.” Mike jgħid ukoll: “Jekk tmur tgħix f’post ieħor, tagħmel tajjeb jekk iżżomm f’moħħok li spiss hemm modi differenti kif twettaq l-​istess ħaġa.”

L-​aħwa rġiel li trabbew fil-​Mikronesja kif iħossuhom dwar it-​taħriġ li qed jingħataw? Joel, li għandu 21 sena u li jgħix Gwam, jgħid: “L-​anzjani juru li għandhom fiduċja fija billi jagħtuni inkarigi. Dan għenni nara li għandi xi ħaġa taʼ valur x’noffri fis-​servizz taʼ Ġeħova.” Byron, li għandu 31 sena u li jgħix Saipan, jgħid: “Biż-​żelu tagħhom fil-​ministeru u bl-​imħabba tagħhom għan-​nagħaġ, l-​anzjani għenuni niffoka fuq l-​affarijiet spiritwali minflok fuq l-​affarijiet materjali.” Hu jżid jgħid: “Aħna mberkin li għandna dawn l-​aħwa rġiel bl-​esperjenza fostna.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja