LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 8/15 pp. 6-10
  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IR-​RIŻULTAT TAD-​DIŻUBBIDJENZA
  • NISA LI KELLHOM L-​APPOĠĠ TAʼ ĠEĦOVA
  • NISA LI KELLHOM IL-​BIŻAʼ T’ALLA FL-​EWWEL SEKLU
  • “ARMATA KBIRA” TAʼ NISA
  • BARKIET KBAR FIL-​FUTUR GĦAN-​NISA LI GĦANDHOM IL-​BIŻAʼ T’ALLA
  • L-Irwol tal-Mara fl-Iskrittura
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • L-Irwol Dinjituż tan-Nisa Fost il-Qaddejja Bikrin t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ir-Raġel u l-Mara—Irwol Dinjituż għat-Tnejn li Huma
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 8/15 pp. 6-10
Adam u Eve fil-ġnien tal-Għeden

X’inhu l-irwol tan-nisa fl-iskop taʼ Ġeħova?

“In-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.”—SALM 68:11.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’effett kellha r-​ribelljoni fl-​Għeden fuq l-​irġiel u n-​nisa?

  • Xi nisa kif qdew lil Ġeħova fil-​passat?

  • Illum, in-​nisa liema rwol għandhom f’li jippritkaw l-​aħbar tajba?

1, 2. (a) Alla liema rigali tah lil Adam? (b) Alla għala tah mara lil Adam? (Ara l-​ewwel stampa.)

ĠEĦOVA ħalaq l-​art bi skop. Hu “sawwarha biex tkun abitata.” (Is. 45:18) L-​ewwel ħolqien uman, Adam, kien perfett, u Ġeħova tah il-​ġnien tal-​Għeden—dar mill-​isbaħ b’ħafna siġar u annimali. Imma Adam kien jonqsu xi ħaġa importanti. Ġeħova indika x’kienet meta qal: “Mhux tajjeb li r-​raġel jibqaʼ waħdu. Se nagħmillu għajnuna, sieħba li taqbel għal miegħu.” Alla mbagħad ġiegħel lil Adam jorqod fil-​fond, ħa waħda mill-​kustilji tiegħu u “sawwar il-​kustilja . . . u għamilha mara.” Meta Adam qam, kien ferħan se jtir! “Sa fl-​aħħar, din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi,” qal Adam. “Din tissejjaħ Mara, għax mir-​raġel din ittieħdet.”—Ġen. 2:18-​23.

2 Il-​mara kienet rigal mingħand Alla għal Adam. Hi kienet għajnuna perfetta għalih. Ukoll, hi ngħatat il-​privileġġ speċjali li jkollha t-​tfal. Il-​Bibbja tgħid: “Adam lil martu beda jsejħilha Eva, għax kellha ssir omm il-​ħajjin kollha.” (Ġen. 3:20; ntt.) Flimkien, Adam u Eva, kienu se jimlew l-​art bi bnedmin perfetti. L-​ewwel ġenituri tagħna u wliedhom kien se jkollhom il-​privileġġ li jagħmlu l-​art kollha ġenna u jieħdu ħsieb il-​ħlejjaq ħajjin l-​oħra.—Ġen. 1:27, 28.

3. (a) Biex jitbierku minn Alla, Adam u Eva x’kellhom jagħmlu, imma x’ġara? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?

3 Imma biex jirċievu dawn il-​barkiet, Adam u Eva kellhom jobdu lil Ġeħova u jirrikonoxxuh bħala l-​Ħakkiem. (Ġen. 2:15-​17) Kien biss billi jibqgħu leali lejn Alla li huma setgħu jwettqu l-​iskop li Alla kellu għalihom. Imma, b’dispjaċir, dawn ġew influwenzati mis-​“serp oriġinali,” Satana, u dinbu kontra Alla. (Riv. 12:9; Ġen. 3:1-​6) Din ir-​ribelljoni kif effettwat lin-​nisa? Xi twettaq fil-​passat minn nisa li kellhom il-​biżaʼ t’Alla? In-​nisa Kristjani tal-​lum għala jistgħu jissejħu “armata kbira”?—Salm 68:11.

IR-​RIŻULTAT TAD-​DIŻUBBIDJENZA

4. Min inżamm responsabbli għad-​dnub tal-​ewwel koppja umana?

4 Meta ntalab jagħti kont tar-​ribelljoni tiegħu, Adam ta din l-​iskuża fjakka: “Il-​mara li tajtni biex tkun miegħi tatni l-​frott mis-​siġra u kiltu.” (Ġen. 3:12) Adam mhux biss m’aċċettax ir-​responsabbiltà għad-​dnub tiegħu, imma pprova wkoll iwaħħal f’Eva u saħansitra f’Ġeħova—il-​Ħallieq taʼ martu. Kemm Adam u kemm Eva dinbu, imma kien Adam li nżamm responsabbli għall-​ħażen tagħhom. Għaldaqstant, l-​appostlu Pawlu kiteb li “permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-​dnub daħal fid-​dinja, u permezz tad-​dnub il-​mewt.”—Rum. 5:12.

5. X’kien ir-​riżultat tal-​ħakma umana?

5 Satana kkonvinċa lil Adam u Eva li ma kellhomx bżonn lil Ġeħova bħala l-​Ħakkiem tagħhom. Dan qajjem il-​mistoqsija dwar min għandu d-​dritt li jaħkem lill-​bnedmin. Biex iwieġeb din il-​mistoqsija darba għal dejjem, Ġeħova ppermetta lill-​bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal perijodu taʼ żmien. X’kien ir-​riżultat? Il-​bnedmin ġabu diżastru wara l-​ieħor. Fis-​seklu li għadda biss, madwar 100,000,000 ruħ mietu fil-​gwerer—u dan jinkludi miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal innoċenti. Bħalma tgħid il-​Bibbja, “triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġer. 10:23) Huwa għalhekk li l-​Kristjani veri jaċċettaw lil Ġeħova bħala l-​Ħakkiem tagħhom.—Aqra Proverbji 3:5, 6.

6. F’ħafna pajjiżi, in-​nisa u l-​bniet kif jiġu trattati?

6 Kemm l-​irġiel u kemm in-​nisa batew f’din id-​dinja maħkuma minn Satana. (Ekk. 8:9; 1 Ġw. 5:19) Però, in-​nisa sfaw vittma taʼ xi ftit mill-​agħar atti kriminali. Pereżempju, madwar id-​dinja, mara minn kull tlieta ġiet attakkata minn żewġha jew l-​għarus tagħha. Ukoll, f’xi kulturi s-​subien huma preferuti. Għala? Għax meta jikbru jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom u jkomplu l-​isem tal-​familja. F’xi pajjiżi, il-​bniet huma kkunsidrati bħala li ma jiswew għalxejn, u jsiru bil-​wisq iktar aborti taʼ trabi bniet milli taʼ subien.

7. Alla liema bidu ta kemm lill-​irġiel u kemm lin-​nisa?

7 Alla ma jiħux pjaċir meta n-​nisa jiġu trattati ħażin. Hu jittratta lin-​nisa sew u jirrispettahom. Li Ġeħova jirrispetta lin-​nisa jidher mill-​fatt li lil Eva ħalaqha perfetta u bi kwalitajiet li għamluha sieħba li taqbel għal m’Adam u mhux skjava tiegħu. Din hi raġuni waħda għala, fit-​tmiem tas-​sitt jum tal-​ħolqien, Alla “ra kulma kien għamel, u, ara, kien tajjeb ħafna.” (Ġen. 1:31) Ġeħova ta bidu tajjeb ħafna kemm lill-​irġiel u kemm lin-​nisa!

NISA LI KELLHOM L-​APPOĠĠ TAʼ ĠEĦOVA

8. (a) In-​nies inġenerali kif iġibu ruħhom? (b) Matul l-​istorja, Ġeħova lil min għen u appoġġa?

8 Wara r-​ribelljoni fl-​Għeden, il-​bnedmin inġenerali baqgħu jkunu diżubbidjenti lejn Ġeħova. F’dawn l-​aħħar snin, l-​imġiba tan-​nies saret agħar minn qatt qabel. Bla dubju, dawn kienu “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” bħalma bassret il-​Bibbja. (2 Tim. 3:1-​5) Minkejja l-​ħażen taʼ xi wħud, dejjem kien hemm irġiel u nisa li obdew il-​liġijiet t’Alla u aċċettawh bħala l-​Ħakkiem tagħhom. Huma fdaw f’Ġeħova, u hu għenhom u appoġġahom.—Aqra Salm 71:5.

9. Kemm-​il individwu salva mid-​Dulluvju, u għala?

9 Meta Alla qered lin-​nies mill-​agħar permezz taʼ Dulluvju fi żmien Noè, kienu ftit l-​uħud li baqgħu ħajjin. Jekk ħut Noè kienu għadhom ħajjin f’dak iż-​żmien, anki huma mietu fid-​Dulluvju. (Ġen. 5:30) Imma daqskemm salvaw irġiel salvaw nisa mid-​Dulluvju. Dawk li baqgħu ħajjin kienu Noè, martu, it-​tliet uliedu subien, u n-​nisa tagħhom. Salvaw għax kellhom il-​biżaʼ t’Alla u għax għamlu r-​rieda tiegħu. Il-​biljuni taʼ nies li qed jgħixu llum huma dixxendenti taʼ dawn it-​tmien individwi li kellhom l-​appoġġ taʼ Ġeħova.—Ġen. 7:7; 1 Pt. 3:20.

10. Ġeħova għala għen u pproteġa lin-​nisa taʼ rġiel leali?

10 Snin wara, anki n-​nisa taʼ patrijarki leali kellhom l-​għajnuna u l-​protezzjoni t’Alla. Huma ma lmentawx dwar ħajjithom, u Ġeħova berikhom. (Ġuda 16) Waħda minn dawn in-​nisa kienet Sara. Meta ntalbet biex titlaq mid-​dar komda tagħha f’Ur biex tgħix fit-​tined, hi ma gergritx. Minflok, ‘obdiet lil Abraham u sejħitlu “sidi.”’ (1 Pt. 3:6) Aħseb ukoll dwar Rebekka, il-​mara taʼ Iżakk. Hi kienet rigal meraviljuż mingħand Ġeħova. Il-​Bibbja tgħid li Iżakk “sar iħobbha, u . . . sab il-​faraġ wara li tilef lil ommu.” (Ġen. 24:67) Illum, il-​poplu taʼ Ġeħova huwa privileġġat li fostu hemm ħafna nisa leali bħal Sara u Rebekka.

11. Żewġ majjistri Ebrajċi kif urew kuraġġ?

11 Matul is-​snin li kienu lsiera fl-​Eġittu, l-​Iżraelin żdiedu ħafna fl-​għadd, u l-​Fargħun ta ordni biex it-​trabi subien Ebrajċi jinqatlu malli jitwieldu. Madankollu, ikkunsidra l-​majjistri Ebrajċi Sifra u Puwa, li x’aktarx kienu fuq il-​majjistri l-​oħrajn kollha. Huma m’obdewx il-​kmand tal-​Fargħun biex joqtlu t-​trabi subien tal-​Iżraelin. Dawn il-​majjistri kienu kuraġġużi għax kienu jibżgħu iktar minn Ġeħova milli mill-​Fargħun. U Ġeħova iktar tard ippremjahom billi tahom li jkollhom il-​familja tagħhom stess.—Eżo. 1:15-​21.

12. X’kien hemm taʼ min jinnotah dwar Debora u Ġagħel?

12 Matul iż-​żmien li l-​Iżraelin kellhom l-​imħallfin, Alla ħatar mara jisimha Debora bħala profetessa. Debora inkuraġġiet lill-​Imħallef Barak u għenet lill-​Iżraelin biex jinħelsu mill-​għedewwa tagħhom. Hi bassret li l-​glorja tar-​rebħa fuq il-​Kangħanin kienet se tingħata lil mara, u mhux lil Barak. Dawn l-​għedewwa ġew megħlubin meta Ġagħel, mara li ma kinitx Iżraelija, qatlet lil Sisera, il-​kap tal-​armata Kangħanija.—Mħ. 4:4-​9, 17-​22.

13. Il-​Bibbja x’tgħidilna dwar Abigajl?

13 Abigajl kienet mara leali li għexet fis-​seklu 11 QEK. Hi kienet bil-​għaqal ferm, filwaqt li żewġha, Nabal, kien aħrax, mhu tajjeb għalxejn, u jaġixxi bla sens. (1 Sam. 25:2, 3, 25) David u l-​irġiel tiegħu għal xi żmien ipproteġew l-​irġiel taʼ Nabal, imma meta mbagħad talbu xi provvisti, hu “għajjat magħhom u ċanfarhom” u ma tahom xejn. Dan tant irrabja lil David li ppjana li joqtol lil Nabal u l-​irġiel tiegħu. Meta semgħet dwar dan, Abigajl ħadet ikel u xorb lil David u l-​irġiel tiegħu, u għalhekk ma kienx hemm tixrid taʼ demm. (1 Sam. 25:8-​18) David iktar tard qalilha: “Ikun imbierek Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi!” (1 Sam. 25:32) Wara li miet Nabal, David iżżewweġ lil Abigajl.—1 Sam. 25:37-​42.

14. Il-​bniet taʼ Sallum ħadu sehem f’liema xogħol, u n-​nisa Kristjani kif qed jagħmlu xi ħaġa simili llum?

14 Meta l-​qawwiet Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u t-​tempju tagħha fis-​sena 607 QEK, mietu ħafna rġiel, nisa, u tfal. Is-​swar tal-​belt reġgħu nbnew fis-​sena 455 QEK taħt is-​superviżjoni taʼ Neħemija. Fost dawk li għenu fit-​tiswija tas-​swar kien hemm il-​bniet taʼ Sallum. Missierhom kien prinċep taʼ nofs id-​distrett taʼ Ġerusalemm. (Neħ. 3:12) Minkejja dan, il-​bniet taʼ Sallum kienu lesti jmiddu jdejhom għax-​xogħol. Dan ifakkarna fil-​ħafna nisa Kristjani li jaħdmu fuq proġetti taʼ bini madwar id-​dinja llum.

NISA LI KELLHOM IL-​BIŻAʼ T’ALLA FL-​EWWEL SEKLU

15. Ġeħova liema privileġġ ta lil Marija?

15 Xi ftit qabel u matul l-​ewwel seklu EK, Ġeħova bierek lil għadd taʼ nisa bi privileġġi mill-​aqwa. Fosthom kien hemm verġni jisimha Marija. Hi kienet għarusa lil Ġużeppi. Imma qabel ma żżewġu, hi ħarġet tqila permezz tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Alla għala għażel lil Marija biex tkun omm Ġesù? Bla dubju għax kellha kwalitajiet taʼ valur li kienu meħtiġin biex trabbi lit-​tifel perfett tagħha. Xi privileġġ kien li tkun omm l-​aqwa bniedem li qatt għex fuq l-​art!—Mt. 1:18-​25.

16. Agħti eżempju li juri l-​attitudni taʼ Ġesù lejn in-​nisa.

16 Ġesù kien qalbu tajba ħafna man-​nisa. Pereżempju, ikkunsidra mara li kienet ilha tnax-​il sena tbati bi tnixxija taʼ demm. Hi resqet lejn Ġesù f’folla u messitlu l-​libsa. Minflok ma ċanfarha, Ġesù b’qalb tajba qalilha: “Binti, il-​fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-​paċi, u kun imfejqa mill-​marda kiefra tiegħek.”—Mk. 5:25-​34.

17. Liema miraklu seħħ f’Pentekoste tas-​sena 33 EK?

17 Waqt li Ġesù u l-​appostli tiegħu kienu jivvjaġġaw, kien hemm xi nisa li kienu jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħhom. (Lq. 8:1-​3) U f’Pentekoste tas-​sena 33 EK, madwar 120 raġel u mara rċivew l-​ispirtu t’Alla b’mod speċjali. (Aqra Atti 2:1-​4.) Dan it-​tferrigħ tal-​ispirtu qaddis kien imbassar bil-​kliem: “Jien [Ġeħova] inferraʼ l-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw . . . U saħansitra fuq il-​qaddejja rġiel u nisa nferraʼ l-​ispirtu tiegħi f’dawk il-​jiem.” (Ġoel 2:28, 29) Dan il-​miraklu fil-​jum taʼ Pentekoste wera li Ġeħova appoġġa lil dawn l-​irġiel u n-​nisa li saru “l-​Israel t’Alla.” (Gal. 3:28; 6:15, 16) Fost in-​nisa Kristjani li ħadu sehem fil-​ministeru fl-​ewwel seklu kien hemm l-​erbat ibniet taʼ Filippu l-​evanġelizzatur.—Atti 21:8, 9.

“ARMATA KBIRA” TAʼ NISA

18, 19. (a) Alla liema privileġġ ta kemm lill-​irġiel u kemm lin-​nisa? (b) Is-​salmista kif jirreferi għan-​nisa li jxandru l-​aħbar tajba?

18 Minn madwar is-​sena 1875, kien hemm xi rġiel u nisa li wrew interess kbir fil-​qima vera. Dawn kienu l-​uħud li wittew it-​triq għalina billi ppritkaw il-​messaġġ taʼ Ġesù u kienu parti mit-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mt. 24:14.

19 Il-​grupp żgħir taʼ Studenti tal-​Bibbja llum kiber għal madwar 8,000,000 Xhud taʼ Ġeħova. Fl-​2013, iktar minn 11,000,000 ruħ oħra wrew interess fil-​Bibbja u fix-​xogħol tagħna billi attendew għat-​Tifkira annwali tal-​mewt taʼ Ġesù. Il-​maġġuranza minnhom kienu nisa. Ukoll, hemm iktar minn 1,000,000 Xhud fis-​servizz fultajm. F’ħafna pajjiżi, il-​biċċa l-​kbira tagħhom huma nisa. Alla tabilħaqq ta lin-​nisa leali l-​privileġġ li jieħdu sehem fit-​twettiq tal-​kliem tas-​salmista: “Ġeħova joħroġ il-​kelma; in-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.”—Salm 68:11.

Xhud taʼ Ġeħova qed tipprietka l-aħbar tajba

In-nisa li jxandru l-​aħbar tajba verament huma “armata kbira” (Ara paragrafi 18, 19)

BARKIET KBAR FIL-​FUTUR GĦAN-​NISA LI GĦANDHOM IL-​BIŻAʼ T’ALLA

20. Liema suġġetti huma tajbin għall-​qima tal-​familja jew għall-​istudju persunali?

20 M’għandniex biżżejjed spazju biex niddiskutu l-​ħafna nisa leali li huma msemmijin fil-​Bibbja. Imma lkoll kemm aħna nistgħu naqraw dwarhom fil-​Kelma t’Alla u f’artikli ppubblikati fil-​letteratura tagħna. Pereżempju, nistgħu nimmeditaw fuq il-​lealtà taʼ Rut. (Rut 1:16, 17) Jekk naqraw il-​ktieb tal-​Bibbja li hu msemmi għas-​Sultana Ester u artikli dwarha nistgħu niġu megħjunin insaħħu l-​fidi tagħna. Nistgħu nistudjaw dwar dawn in-​nisa u oħrajn matul il-​lejla tal-​Qima tal-​Familja tagħna. Jekk ngħixu waħedna nistgħu nikkunsidraw dawn is-​suġġetti matul l-​istudju persunali tagħna.

21. Nisa li jibżgħu minn Alla kif urew id-​devozzjoni tagħhom lejn Ġeħova fi żminijiet diffiċli?

21 Ġeħova ċertament li jbierek ix-​xogħol tal-​ippritkar taʼ nisa Kristjani u jappoġġahom fi żminijiet taʼ prova. Pereżempju, bl-​għajnuna tiegħu, nisa li kellhom il-​biżaʼ t’Alla żammew l-​integrità tagħhom taħt il-​ħakma Nazista u Komunista minkejja li ħafna minnhom batew u xi ftit saħansitra tilfu ħajjithom għax obdew lil Alla. (Atti 5:29) Illum bħal fil-​passat, ħutna n-​nisa u l-​aduraturi sħabhom kollha għażlu lil Alla bħala l-​Ħakkiem tagħhom. Infatti, bħalma kien fil-​każ tal-​Iżraelin tal-​qedem, Ġeħova jaqbdilhom idhom il-​leminija u jgħid: “Tibżax. Jien stess ngħinek.”—Is. 41:10-​13.

22. Fil-​futur, għal liema privileġġi nistgħu nħarsu ’l quddiem?

22 Fil-​futur qarib, irġiel u nisa li għandhom il-​biżaʼ t’Alla se jbiddlu l-​art f’ġenna u jgħinu lil miljuni taʼ wħud irxoxtati jitgħallmu dwar l-​iskopijiet taʼ Ġeħova. Sadanittant, jalla lkoll kemm aħna ngħożżu l-​privileġġ li għandna li naqduh “spalla maʼ spalla.”—Sof. 3:9.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja