LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 8/15 pp. 29-30
  • Mistoqsijiet mill-qarrejja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Mistoqsijiet mill-qarrejja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Materjal Simili
  • L-Irxoxt—Tagħlim li Jeffettwak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Għandi tama f’Alla”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Il-Qawwa tat-Tama taʼ l-Irxoxt
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 8/15 pp. 29-30

MISTOQSIJIET MILL-QARREJJA

Ġesù qal lis-Sadduċej li dawk li jiġu rxoxtati “la jiżżewġu u lanqas jingħataw fiż-żwieġ.” (Lq. 20:34-36) Kien qed jitkellem dwar l-irxoxt fuq l-art?

Din hi mistoqsija importanti, speċjalment jekk tlift lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek fil-​mewt. Forsi għandek xewqa qawwija li terġaʼ tingħaqad fiż-​żwieġ mas-​sieħeb jew is-​sieħba rxoxtata tiegħek fid-​dinja l-​ġdida. Wieħed armel qal: “Jien u marti m’għażilniex li ntemmu ż-​żwieġ tagħna. Kienet ix-​xewqa taʼ qalbna li nibqgħu magħqudin fil-​qima bħala koppja miżżewġa għal dejjem. Dawn is-​sentimenti ma nbidlux għalija.” Hemm xi raġuni soda biex nittamaw li dawk li jiġu rxoxtati se jkunu jistgħu jiżżewġu? Fi kliem sempliċi, it-​tweġiba hi li ma nafux.

Għal bosta snin, il-​pubblikazzjonijiet tagħna qalu li l-​kliem taʼ Ġesù dwar l-​irxoxt u ż-​żwieġ x’aktarx li jirreferi għall-​irxoxt fuq l-​art. Qalu wkoll li fid-​dinja l-​ġdida, dawk li jirxoxtaw milli jidher mhux se jiżżewġu.a (Mt. 22:29, 30; Mk. 12:24, 25; Lq. 20:34-​36) Filwaqt li ma nistgħux inkunu dommatiċi, jistaʼ jagħti l-​każ li kliem Ġesù jirreferi għall-​irxoxt fis-​sema? Ejja neżaminaw x’qal Ġesù.

Ġesù lil min kien qed ikellem meta għamel din l-​istqarrija dwar l-​irxoxt? (Aqra Luqa 20:27-​33.) Kien qed ikellem lis-​Sadduċej. Il-​membri taʼ dan il-​grupp reliġjuż ma kinux jemmnu fl-​irxoxt u pprovaw jonsbu lil Ġesù b’mistoqsija dwar l-​irxoxt u ż-​żwieġ bejn armla u ħu żewġha.b Ġesù wieġeb: “Ulied din is-​sistema jiżżewġu u jingħataw fiż-​żwieġ, imma dawk li tqiesu denji li jiksbu s-​sistema li ġejja u l-​irxoxt mill-​imwiet la jiżżewġu u lanqas jingħataw fiż-​żwieġ. Fil-​fatt, lanqas jistgħu jmutu iktar, għax huma bħall-​anġli, u huma wlied Alla għax ikunu wlied l-​irxoxt.”—Lq. 20:34-​36.

Il-​pubblikazzjonijiet tagħna għala qalu li Ġesù x’aktarx li kien qed jitkellem dwar l-​irxoxt fuq l-​art? Din il-​konklużjoni hi bbażata primarjament fuq żewġ raġunijiet. L-​ewwel, hu mifhum li s-​Sadduċej probabbilment kellhom f’moħħhom irxoxt fuq l-​art u li Ġesù kien se jwiġibhom fi qbil maʼ dan. It-​tieni, Ġesù temm it-​tweġiba tiegħu billi rrefera għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb—patrijarki leali li se jiġu rxoxtati fuq l-​art.—Lq. 20:37, 38.

Madankollu, jidher li Ġesù setaʼ kellu f’moħħu l-​irxoxt fis-​sema. Fuq liema bażi nistgħu naslu għal din il-​konklużjoni? Ejja nikkunsidraw żewġ frażijiet importanti.

“Dawk li tqiesu denji li jiksbu . . . l-​irxoxt mill-​imwiet.” Il-​midlukin leali ‘jitqiesu denji tas-​saltna t’Alla.’ (2 Tess. 1:5, 11) Minħabba s-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa, Alla jqis lill-​midlukin bħala li huma ġusti. B’hekk, meta dawn imutu Alla jqishom bħala li huma ħelsin mid-​dnub. (Rum. 5:1, 18; 8:1) Dawn l-​uħud jissejħu ‘henjin u qaddisin’ u jitqiesu denji taʼ rxoxt fis-​sema. (Riv. 20:5, 6) B’kuntrast, l-​uħud li se jiġu rxoxtati għal ħajja fuq l-​art se jinkludu lil “dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Jistgħu dawn ‘jitqiesu denji’ taʼ rxoxt?

“Lanqas jistgħu jmutu iktar.” Ġesù ma qalx: “Mhumiex se jmutu iktar.” Minflok, hu qal: “Lanqas jistgħu jmutu iktar.” Traduzzjonijiet oħrajn jittraduċu din il-​frażi bħala “m’għadhomx suġġettati għall-​mewt” u “l-​mewt m’għadx għandha qawwa fuqhom.” Il-​midlukin li jibqgħu leali jiġu rxoxtati fis-​sema. Hemmhekk huma se jkunu immortali. Dan ifisser li ma jistgħux imutu u li ħajjithom ma tistax tinqered. (1 Kor. 15:53, 54) Il-​mewt ma jibqax ikollha qawwa fuq dawk li jingħataw irxoxt fis-​sema.c

Skont l-​informazzjoni li ddiskutejna s’issa, x’nistgħu nikkonkludu? Aħna sirna nafu li Ġesù setaʼ kien qed jirreferi għal irxoxt fis-​sema. Jekk inhu hekk, mela aħna nifhmu tliet affarijiet dwar dawk li jiġu rxoxtati fis-​sema: (1) Ma jiżżewġux, (2) ma jistgħux imutu, u (3) b’xi modi huma simili għall-​anġli fis-​sema. Imma jekk Ġesù kien qed jirreferi għal irxoxt fis-​sema, dan iqajjem ċerti mistoqsijiet.

L-​ewwel, Ġesù għala kien se jirreferi għall-​irxoxt fis-​sema meta wieġeb lis-​Sadduċej, li x’aktarx kellhom f’moħħhom irxoxt fuq l-​art? Ġesù mhux dejjem wieġeb l-​opponenti tiegħu fi qbil maʼ dak li kienu qed jaħsbu. Pereżempju, lil xi Lhud li talbuh jurihom sinjal, hu qal: “Ġarrfu dan it-​tempju u fi tlett ijiem intellgħu.” Ġesù x’aktarx li kien jaf li kienu qed jaħsbu dwar il-​bini tat-​tempju, “imma hu kien qed jitkellem dwar it-​tempju taʼ ġismu.” (Ġw. 2:18-​21) Forsi Ġesù ma ħassx li kellu għalfejn iwieġeb lis-​Sadduċej, li ma kinux sinċieri u li ma kinux jemmnu fl-​irxoxt jew fl-​eżistenza tal-​anġli. (Prov. 23:9; Mt. 7:6; Atti 23:8) Minflok, Ġesù forsi ried jagħti lid-​dixxipli tiegħu xi dettalji dwar l-​irxoxt fis-​sema. Huma kienu wħud sinċieri li kien se jkollhom it-​tama li jmorru fis-​sema.

It-​tieni, Ġesù għala kien se jtemm id-​diskussjoni tiegħu b’referenza għal Abraham, Iżakk, u Ġakobb, li se jiġu rxoxtati għall-​ħajja fuq l-​art? (Aqra Mattew 22:31, 32.) Qabel ma semma lil dawn l-​irġiel leali, Ġesù beda l-​istqarrija tiegħu bil-​kliem “rigward l-​irxoxt tal-​mejtin.” Din il-​frażi forsi tagħti x’jifhem li se jkun hemm bidla fid-​diskussjoni minn irxoxt fis-​sema għal irxoxt fuq l-​art. Ġesù kien jaf li s-​Sadduċej kienu jaċċettaw il-​kitbiet taʼ Mosè, u allura kkwota l-​kliem li Alla qal lil Mosè ħdejn l-​għollieqa taqbad bin-​nar. Ġesù ried jagħti prova lis-​Sadduċej li rxoxt fuq l-​art hu parti mill-​iskop t’Alla.—Eżo. 3:1-​6.

It-​tielet, jekk kliem Ġesù dwar l-​irxoxt u ż-​żwieġ japplika għall-​irxoxt fis-​sema, ifisser dan li dawk li jiġu lura fl-​irxoxt fuq l-​art se jkunu jistgħu jiżżewġu? Il-​Kelma t’Alla ma tagħtix tweġiba ċara għal din il-​mistoqsija speċifika. Jekk Ġesù kien fil-​fatt qed jitkellem dwar l-​irxoxt fis-​sema, mela kliemu ma jispjegax jekk dawk li jirxoxtaw fuq l-​art humiex se jkunu jistgħu jiżżewġu fid-​dinja l-​ġdida.

Sadanittant, aħna nafu li l-​Kelma t’Alla tgħid fiċ-​ċert li l-​mewt ittemm ir-​rabta taż-​żwieġ. Għalhekk, armel, jew armla, m’għandux għalfejn iħossu ħati jekk jagħżel li jerġaʼ jiżżewweġ. Din hi deċiżjoni persunali, u dawn l-​uħud m’għandhomx jiġu kritikati talli jfittxu l-​kumpanija u l-​imħabba taʼ sieħeb jew sieħba fiż-​żwieġ.—Rum. 7:2, 3; 1 Kor. 7:39.

Naturalment, aħna forsi għandna bosta mistoqsijiet dwar il-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida. Minflok ma noqogħdu nispekulaw bla bżonn fuq it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, irridu nistennew u naraw. Imma minn dan nistgħu nkunu ċerti: Bnedmin ubbidjenti se jkunu ferħanin, għax Ġeħova se jissodisfa l-​bżonnijiet u x-​xewqat tagħhom kollha bl-​aqwa mod possibbli.—Salm 145:16.

a Ara t-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 taʼ Ġunju 1987, paġni 30-​31.

b Fi żmien il-​Bibbja kien hemm id-​drawwa li armla tiżżewweġ lil ħu żewġha. Jekk raġel kien imut u ma jkollux ulied subien, l-​armla tiegħu kienet tiżżewweġ lil ħuh. B’hekk, setgħu jkollhom tifel biex l-​isem tal-​familja ma jispiċċax.—Ġen. 38:8; Dt. 25:5, 6.

c Dawk li jiġu rxoxtati fuq l-​art se jkollhom il-​prospett li jirċievu l-​ħajja taʼ dejjem, mhux l-​immortalità. Biex titgħallem iktar dwar id-​differenza bejn l-​immortalità u l-​ħajja taʼ dejjem, ara t-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 tʼApril 1984, paġni 30-​31.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja