LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 10/15 pp. 3-6
  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • HI SSIB IL-FERĦ FL-IPPRITKAR
  • KIF IKAMPAW MINKEJJA LI MA JAFUX IL-LINGWA SEW
  • XI NGĦIDU GĦAX-XOGĦOL SEKULARI?
  • “GAWDI L-VJAĠĠ”
  • SIGUR, SEMPLIĊI, U EĊĊITANTI
  • “ANKI LILI KELLHOM BŻONN”
  • Jiddikjaraw l-Aħbar Tajba fl-Għelieqi tar-Ross tat-Tajwan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Terremot!
    Stenbaħ!—2000
  • Il-Familja Tagħna fl-Aħħar Tingħaqad!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Mgħallem Minn Jehovah sa Minn Żgħożiti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 10/15 pp. 3-6
Choong Keon u Julie

Offrew lilhom infushom minn rajhom—Fit-Tajwan

SA MADWAR ħames snin ilu, Choong Keon u Julie, koppja miżżewġa li issa għandhom madwar 35 sena, kienu qed jaqdu bħala pijunieri regulari f’Sydney, l-​Awstralja. “Kellna xogħol sekulari part-​time u konna ngħixu ħajja komda,” jirrakkonta Choong Keon. “Fejn konna ngħixu, it-​temp kien sabiħ u l-​mod taʼ ħajja kien wieħed rilassat. Konna kuntenti ngħixu qrib tal-​familja u l-​ħbieb tagħna.” Xorta waħda, lil Choong Keon u Julie bdiet tniggiżhom il-​kuxjenza. Għala? Għax kienu jafu li ċ-​ċirkustanzi tagħhom kienu jippermettulhom jagħmlu iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova, imma huma żammew lura milli jagħmlu l-​bidliet meħtiġin.

Imbagħad, f’konvenzjoni fl-​2009, huma semgħu taħdita li messitilhom qalbhom. Il-​kelliemi indirizza lil dawk li setgħu jkabbru l-​ministeru tagħhom bil-​kliem: “Aħsbu dwar dan l-​eżempju: Sewwieq jistaʼ jdawwar il-​karozza tiegħu lejn ix-​xellug jew lejn il-​lemin, imma biss jekk il-​karozza tkun miexja. B’mod simili, Ġesù jistaʼ jidderiġina biex inkabbru l-​ministeru tagħna, imma biss jekk inkunu mexjin—jekk inkunu qed nagħmlu sforz kbir biex nilħqu l-​mira tagħna.”a Il-​koppja ħassew li l-​kelliemi kien bħallikieku qed ikellem lilhom direttament. F’dik l-​istess konvenzjoni, ġew intervistati koppja missjunarja li kienu qed jaqdu fit-​Tajwan. Huma tkellmu dwar il-​ferħ tagħhom fil-​ministeru u enfasizzaw li kien għad hemm bżonn ħafna għajnuna. Għal darb’oħra, Choong Keon u Julie ħassew li dan il-​kliem kien bħallikieku indirizzat lilhom.

Julie tgħid: “Wara dik il-​konvenzjoni, tlabna lil Ġeħova biex jagħtina l-​kuraġġ ħalli nieħdu l-​pass biex immorru ngħixu t-​Tajwan.” Hi żiedet tgħid: “Imma konna beżgħanin. Kien qisu se naqbżu ġo baħar fond għall-​ewwel darba.” Skrittura li għenithom jagħmlu din il-​“qabża” kienet Ekkleżjasti 11:4, dan il-​vers jgħid: “Min joqgħod għassa tar-​riħ ma jiżrax; u min joqgħod iħares lejn is-​sħab ma jaħsadx.” Choong Keon jgħid: “Iddeċidejna li ma noqogħdux ‘għassa u nħarsu’ imma minflok nibdew ‘niżirgħu u naħsdu.’” Huma talbu fuq li talbu, qraw bijografiji taʼ missjunarji, ikkuntattjaw bl-​e-​mail lil dawk li diġà kienu marru joqogħdu t-​Tajwan, biegħu l-​karozzi u l-​għamara tagħhom, u waslu t-​Tajwan tliet xhur wara.

HI SSIB IL-FERĦ FL-IPPRITKAR

Bħalissa hemm iktar minn 100 ħu u oħt minn pajjiżi barranin li qed jaqdu fit-​Tajwan fi nħawi fejn il-​bżonn għall-​pubblikaturi tas-​Saltna hu kbir. Dawn ġejjin mill-​Awstralja, il-​Britannja, Franza, il-​Ġappun, l-​Istati Uniti, il-​Kanada, il-​Korea, u Spanja, u l-​età tagħhom tvarja bejn 21 u 73 sena. Fosthom hemm iktar minn 50 oħt mhix miżżewġa. X’għen lil dawn l-​aħwa żelużi biex iwettqu l-​ministeru tagħhom f’pajjiż barrani? Ejja nsiru nafu.

Laura

Laura

Laura, oħt mhix miżżewġa mill-​Kanada, taqdi bħala pijuniera fil-​Punent tat-​Tajwan. Imma sa xi għaxar snin ilu, xejn ma kien jogħġobha x-​xogħol tal-​ippritkar. Hi tispjega li ma tantx kienet toħroġ fil-​ministeru, u għalhekk ma kinitx tieħu pjaċir. Imbagħad xi ħbieb fil-​Kanada staqsewha biex tmur magħhom il-​Messiku biex tieħu sehem fix-​xogħol tal-​ippritkar għal xahar. Hi tgħid, “Din kienet l-​ewwel darba li qattajt ħafna ħin fil-​ministeru, u tgħidx kemm ħadt pjaċir—kienet xi ħaġa li vera ma kontx qed nistennieha!”

Din l-​esperjenza pjaċevoli qanqlet lil Laura biex tikkunsidra li tmur f’kongregazzjoni taʼ lingwa barranija fil-​Kanada. Hi bdiet tattendi kors tal-​lingwa Ċiniża, qdiet maʼ grupp taċ-​Ċiniż, u għamlet mira li tmur tgħix it-​Tajwan. Din il-​mira laħqitha f’Settembru tal-​2008. “Domt madwar sena biex inħossni komda fl-​ambjent ġdid tiegħi,” tgħid Laura, “imma issa lanqas biss nimmaġinani mmur lura l-​Kanada.” Kif tħossha dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar? “Tgħidx kemm nieħu pjaċir,” tgħid hi. “M’hemm xejn li jagħtik iktar sodisfazzjon milli tara kif l-​istudenti tal-​Bibbja jbiddlu ħajjithom hekk kif isiru jafu lil Ġeħova. Il-​fatt li naqdi fit-​Tajwan tani l-​opportunità biex għal darba wara l-​oħra nesperjenza dan il-​ferħ kbir.”

KIF IKAMPAW MINKEJJA LI MA JAFUX IL-LINGWA SEW

Brian u Michelle

Brian u Michelle

Brian u Michelle, koppja li għandhom madwar 35 sena mill-​Istati Uniti, marru joqogħdu t-​Tajwan xi tmien snin ilu. Għall-​ewwel ħassew li ma kellhomx sehem utli fil-​ministeru. Imma ħu li kien ilu jaqdi bħala missjunarju qalilhom: “Anki jekk biss tagħtu fuljett lil xi ħadd, għandkom tiftakru li x’aktarx din tkun l-​ewwel darba li dak l-​individwu jingħata messaġġ dwar Ġeħova. Allura diġà qed ikollkom sehem importanti fil-​ministeru!” Dan il-​kumment inkuraġġanti għen bil-​kbir lil Brian u lil Michelle biex ma jaqtgħux qalbhom. Ħu ieħor qalilhom: “Biex ma tiġux skuraġġiti, tikkalkulawx kemm għamiltu progress fil-​lingwa Ċiniża minn jum għal jum, imma minn assemblea għal oħra.” U tabilħaqq, huma għamlu progress u qed juru li llum huma pijunieri effettivi.

X’jistaʼ jqanqal lilek biex tidħol għall-​biċċa xogħol li titgħallem lingwa barranija? Ipprova żur il-​pajjiż fejn tixtieq taqdi. Mur il-​laqgħat, assoċja mal-​aħwa lokali, u mur magħhom fil-​ministeru. Brian jgħid: “Wara li tara kemm ħafna jwieġbu b’mod favorevoli għall-​messaġġ tas-​Saltna u tesperjenza l-​imħabba mill-​qalb tal-​aħwa, se tiġi mqanqal biex tilqaʼ l-​isfidi li taqdi f’pajjiż barrani.”

XI NGĦIDU GĦAX-XOGĦOL SEKULARI?

Kristin u Michelle

Kristin u Michelle

Diversi pijunieri li marru jgħixu fit-​Tajwan, fejn il-​bżonn hu akbar, setgħu jmantnu lilhom infushom billi jgħallmu l-​Ingliż. Kristin u Michelle ibigħu l-​frott tal-​baħar. Kristin jispjega, “Qatt ma kont għamilt dan ix-​xogħol qabel, imma dan jgħinni biex inkun nistaʼ nibqaʼ fil-​pajjiż.” Maż-​żmien, Kristin kellu klijenti li jixtru mingħandu regolarment. Dan ix-​xogħol part-​time jippermettilu jmantni lilu nnifsu u lil martu, u jħallilhom biżżejjed ħin biex iqattgħuh fl-​attività primarja tagħhom—ix-​xogħol taʼ pijunier, li fih jistadu għall-​bnedmin.

“GAWDI L-VJAĠĠ”

William u Jennifer, koppja mill-​Istati Uniti, waslu t-​Tajwan madwar sebaʼ snin ilu. William jgħid: “Peress li ridna nitgħallmu l-​lingwa, naqdu bħala pijunieri, nieħdu ħsieb il-​kongregazzjoni, u naqilgħu biżżejjed flus biex ngħixu, kultant konna nħossuna eżawriti.” X’għenhom biex jirnexxu u jibqgħu ferħanin? Huma pprovaw jagħmlu miri raġunevoli. Pereżempju, billi ma stennewx wisq minnhom infushom waqt li kienu qed jitgħallmu ċ-​Ċiniż, huma ma kinux skuraġġiti għalkollox meta l-​progress kien bil-​mod.

William u Jennifer

William u Jennifer

William jiftakar li darba indokratur li jivvjaġġa qallu, “Gawdi l-​vjaġġ, u mhux biss id-​destinazzjoni.” Fi kliem ieħor, wara li nagħmlu mira spiritwali, għandna nieħdu pjaċir b’dak li nagħmlu biex nilħqu l-​mira. William jgħid li dan il-​parir għen lilu u lil martu biex ikunu flessibbli, biex jagħtu widen għall-​pariri li jagħtuhom l-​aħwa responsabbli tal-​lokal, u biex jaġġustaw il-​mod kif jagħmlu l-​affarijiet sabiex il-​ministeru tagħhom ikun taʼ suċċess f’pajjiż ġdid. Hu jżid jgħid, “Dan il-​parir għenna wkoll niftakru biex nieħdu ftit ħin u ngawdu s-​sbuħija naturali tal-​gżira fejn konna qed naqdu.”

Bħal William u Jennifer, Megan, oħt pijuniera mhix miżżewġa mill-​Istati Uniti, qed ‘tgawdi l-​vjaġġ tagħha,’ jiġifieri s-​servizz tagħha, waqt li qed tipprova tilħaq il-​mira li titkellem biċ-​Ċiniż b’mod iktar fluwenti. Kull tmiem il-​ġimgħa hi tingħaqad maʼ grupp taʼ pubblikaturi li jippritkaw f’territorju affaxxinanti—il-​port taʼ Kaohsiung, l-​akbar port fit-​Tajwan. Megan qed jirnexxilha taqsam l-​aħbar tajba minn vapur għal vapur u tipprietka lil sajjieda mill-​Bangladexx, il-​Filippini, l-​Indja, l-​Indoneżja, it-​Tajlandja, u l-​Vanwatu. “Peress li s-​sajjieda ma jdumux ħafna fil-​port, nibdew studju tal-​Bibbja hemmhekk dak il-​ħin stess. Biex nilħaq lil kulħadd, spiss nistudja maʼ grupp taʼ erbgħa min-​nies jew ħamsa fl-​istess ħin.” U kif inhi sejra fil-​lingwa Ċiniża? Hi tgħid, “Nixtieq li nistaʼ nitgħallem iktar malajr, imma nżomm f’moħħi dak li darba qalli ħu, ‘Agħmel l-​almu tiegħek, u Ġeħova żgur ikun miegħek.’”

Megan

Megan

SIGUR, SEMPLIĊI, U EĊĊITANTI

Qabel ma Cathy, mill-​Britannja, marret tgħix f’pajjiż ieħor, hi għamlet riċerka biex tara liema pajjiż barrani jkun sigur għal oħt mhix miżżewġa. Hi fetħet qalbha fit-​talb maʼ Ġeħova u kitbet lil diversi uffiċċji tal-​fergħa biex issir taf x’perikli jistaʼ jkun hemm għal oħt mhix miżżewġa. Wara dan, hi kkunsidrat bir-​reqqa t-​tweġibiet għall-​ittri tagħha u kkonkludiet li kien xieraq għaliha li tmur it-​Tajwan.

Fl-​2004, meta kellha 31 sena, Cathy marret toqgħod it-​Tajwan, fejn qed tgħix ħajja sempliċi kemm jistaʼ jkun. Hi tirrakkonta: “Staqsejt lill-​aħwa minn fejn nistaʼ nixtri l-​frott u l-​ħaxix bi prezz irħis. Il-​parir tajjeb tagħhom għenni biex il-​flus iservuni aktar.” X’jgħinha żżomm ħajja sempliċi? Cathy tgħid: “Spiss nitlob lil Ġeħova biex jgħinni nkun kuntenta b’ikel sempliċi u bi lbies li ma tantx jiswa flus. Inħoss li Ġeħova jwieġeb it-​talb tiegħi billi jgħallimni x’inhuma l-​bżonnijiet tiegħi u billi jgħinni nkun kuntenta avolja m’għandix kulma nixtieq.” Hi żiedet tgħid: “Jien inħobb il-​ħajja sempliċi tiegħi għax tgħinni niffoka fuq l-​affarijiet spiritwali.”

Cathy

Cathy

Imma l-​ħajja taʼ Cathy mhijiex biss sempliċi imma wkoll eċċitanti. Hi tispjega għala: “Nistaʼ nipprietka fi nħawi fejn ħafna nies iwieġbu b’mod favorevoli għall-​aħbar tajba. Dan ferħ taʼ veru!” Meta waslet it-​Tajwan, kien hemm żewġ kongregazzjonijiet taċ-​Ċiniż fil-​belt fejn kienet bdiet taqdi bħala pijuniera, imma llum hemm sebaʼ kongregazzjonijiet. Cathy tgħid: “Li nara dan it-​tkabbir tal-​għaġeb b’għajnejja stess u li jkolli sehem fil-​ħsad jagħmel il-​ħajja tiegħi taʼ kuljum verament eċċitanti!”

“ANKI LILI KELLHOM BŻONN”

Choong Keon u Julie, li ssemmew fil-​bidu, issa kif inhuma sejrin fl-​inkarigu tagħhom? Choong Keon għall-​ewwel ħass li ma tantx kien utli fil-​kongregazzjoni minħabba li ċ-​Ċiniż tiegħu kien limitat. Imma l-​aħwa tal-​lokal kienu jaħsbuha mod ieħor. “Meta nqasmet il-​kongregazzjoni tagħna f’żewġ kongregazzjonijiet, jien ingħatajt ħafna iktar responsabbiltajiet bħala qaddej ministerjali,” jgħid Choong Keon. “F’dak iż-​żmien, verament ħassejt li kont qed naqdi fejn il-​bżonn kien akbar. Kemm ħadt pjaċir,” jgħid hu bi tbissima, “li anki lili kellhom bżonn!” Illum hu jaqdi bħala anzjan. Julie żżid tgħid: “Inħossu sodisfazzjon u ferħ li qatt ma ħassejna qabel. Ġejna hawnhekk biex ngħinu, imma nħossu li aħna ġejna megħjuna b’din l-​esperjenza eċċitanti. Nirringrazzjaw lil Ġeħova talli qed iħallina naqduh hawnhekk!”

F’ħafna pajjiżi, għad hemm il-​bżonn taʼ iktar nies biex jaħdmu fil-​ħsad spiritwali. Se tispiċċa l-​iskola u ma tafx x’se taqbad tagħmel b’ħajtek? Int ġuvni jew xebba u tixtieq tkun aktar utli fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Tixtieq li l-​familja tiegħek ikollha ħafna memorji sbieħ fis-​servizz taʼ Ġeħova? Irtirajt u għandek ħajja mimlija esperjenza taʼ valur li tistaʼ taqsamha m’oħrajn? Tistaʼ tkun żgur li hemm barkiet għonja jistennewk jekk tiddeċiedi li tkabbar il-​ministeru tiegħek billi taqdi fejn hemm iktar bżonn taʼ pubblikaturi tas-​Saltna.

a Ara l-ktieb Nagħtu Xhieda bir-Reqqa Dwar is-Saltna t’Alla, kapitlu 16, paragrafi 5-6.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja