LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 10/15 pp. 13-17
  • Issiru “saltna ta’ qassisin”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Issiru “saltna ta’ qassisin”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • PATT LI JIPPROTEĠI LIN-NISEL
  • JIĠI FFORMAT ĠENS ĠDID
  • IL-PATT IL-ĠDID ISIR VALIDU
  • PATT LI JIPPERMETTI LIL OĦRAJN ISALTNU MAʼ KRISTU
  • GĦANDEK FIDI LI MA TITĦARRIKX FIS-​SALTNA T’ALLA?
  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid
    Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Barkiet Akbar Permezz tal-Patt il-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Jehovah Hu Alla taʼ Pattijiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 10/15 pp. 13-17
Ġesù qed jistabbilixxi l-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej

Issiru “saltna taʼ qassisin”

“Issiru għalija saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.”—EŻO.19:6.

TISTAʼ TISPJEGA?

Billi tuża ċ-ċart “Kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu” fl-artiklu taʼ qabel, irrivedi . . .

  • l-patt tal-Liġi.

  • l-patt il-ġdid.

  • l-patt tas-Saltna.

1, 2. In-​nisel tal-​mara għala kellu bżonn il-​protezzjoni?

L-​EWWEL profezija fil-​Bibbja hi vitali biex nifhmu kif l-​iskop t’Alla se jirnexxi. Meta għamel il-​wegħda fl-​Għeden, l-​Alla l-​veru ddikjara: “Inqanqal għadwa bejnek [Satana] u bejn il-​mara u bejn nislek u nisilha.” Kemm kienet se tkun ħarxa din l-​għadwa? “Hu [in-​nisel tal-​mara] jisħaqlek rasek [taʼ Satana] u int tisħaqlu għarqubu,” qal Ġeħova. (Ġen. 3:15) L-​għadwa bejn is-​serp u l-​mara tant kienet se tkun ħarxa li Satana kien se jagħmel minn kollox biex jeqred in-​nisel tagħha.

2 Mhux taʼ b’xejn li s-​salmista talab hekk dwar il-​poplu t’Alla: “Ara, l-​għedewwa tiegħek qamu f’rewwixta; u dawk mimlijin mibegħda għalik refgħu rashom. B’makakkerija huma jkomplu jgħidu diskors kunfidenzjali kontra l-​poplu tiegħek; u jikkonfoffaw kontra dawk li int ħbejt. Qalu: ‘Ejjew ħa nqaċċtuhom darba għal dejjem u ma jibqgħux ġens iżjed.’” (Salm 83:2-​4) Il-​mira taʼ Satana kienet li jeqred u jikkorrompi l-​linja taʼ dixxendenza tan-​nisel. Biex jipproteġi lin-​nisel u jiggarantixxi li s-​Saltna t’Alla taħt it-​tmexxija taʼ Kristu tkun taʼ suċċess, Ġeħova għamel arranġamenti legali oħrajn.

PATT LI JIPPROTEĠI LIN-NISEL

3, 4. (a) Il-​patt tal-​Liġi meta sar validu, u l-​ġens t’Iżrael x’qabel li jagħmel? (b) Il-​patt tal-​Liġi għala ġie disinjat?

3 Hekk kif id-​dixxendenti t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb saru jgħoddu bil-​miljuni, Ġeħova għamel ġens minnhom—il-​ġens t’Iżrael tal-​qedem. Permezz taʼ Mosè, Alla għamel patt uniku maʼ dan il-​ġens. Ġeħova tahom il-​Liġi, u l-​Iżraelin qablu li jobduha. Il-​Bibbja tgħid: “[Mosè] ħa l-​ktieb tal-​patt u qrah biex jisimgħuh in-​nies. Imbagħad huma qalu: ‘Aħna lesti li nagħmlu kulma qal Ġeħova u nobduh.’ Għalhekk, Mosè ħa d-​demm [tal-​barrin bħala sagrifiċċji] u raxxu fuq in-​nies u qal: ‘Dan hu d-​demm tal-​patt li Ġeħova għamel magħkom skond dan il-​kliem kollu li għadkom kemm smajtu.’”—Eżo. 24:3-8.

4 Il-​patt tal-​Liġi sar validu ħdejn il-​Muntanja Sinaj fis-​sena 1513 QEK. Permezz taʼ dan il-​patt, Ġeħova għażel lill-​ġens t’Iżrael tal-​qedem għal skop speċjali. Ġeħova issa sar ‘l-​Imħallef tagħhom, Dak li jagħtihom l-​istatuti, u s-​Sultan tagħhom.’ (Is. 33:22) L-​istorja t’Iżrael turi x’jiġri meta n-​nies jew jobdu jew jinjoraw il-​livelli ġusti t’Alla. Ubbidjenza għal-​Liġi t’Alla kienet tfisser li l-​Iżraelin ma setgħux jiżżewġu nies pagani jew iqimu allat oħrajn. Il-​Liġi kienet disinjata biex tipproteġi lin-​nisel t’Abraham mill-​korruzzjoni.—Eżo. 20:4-​6; 34:12-​16.

5. (a) Il-​patt tal-​Liġi ta liema opportunità lill-​Iżraelin? (b) Alla għala ċaħad lill-​Iżraelin?

5 Il-​patt tal-​Liġi pprovda wkoll arranġament għal saċerdozju, u dan ta lemħa t’arranġament akbar fil-​futur. (Ebr. 7:11; 10:1) Infatti, permezz taʼ dan il-​patt, l-​Iżraelin kellhom l-​opportunità u l-​privileġġ uniku li jsiru “saltna taʼ qassisin,” dment li jobdu l-​liġijiet taʼ Ġeħova. (Aqra Eżodu 19:5, 6.) Madankollu, huma m’obdewx. L-​Iżraelin m’aċċettawx lill-​Messija, il-​parti primarja tan-​nisel t’Abraham. Minflok, huma ċaħdu lil Ġesù u Alla ċaħad lilhom.

Alla jagħmel il-patt tal-Liġi ħdejn il-Muntanja Sinaj mal-ġens t’Iżrael

Id-diżubbidjenza t’Iżrael ma kinitx tfisser li l-patt tal-Liġi kien falla (Ara paragrafi 3-6)

6. X’kien l-​iskop tal-​Liġi?

6 Peress li ma baqgħux leali lejn Alla, il-​ġens t’Iżrael ma sarx saltna taʼ qassisin. Imma dan ma jfissirx li l-​Liġi kienet falliet. Il-​Liġi pproteġiet lin-​nisel u għenet lin-​nies jidentifikaw lill-​Messija. Meta Ġesù ġie fuq l-​art u ġie identifikat, il-​Liġi kienet irnexxiet. Il-​Bibbja tgħid: “Kristu hu t-​tmiem tal-​Liġi.” (Rum. 10:4) Allura liema grupp kien se jkollu l-​opportunità li jsir saltna taʼ qassisin? Ġeħova għamel kuntratt legali ieħor biex jifforma ġens ġdid.

JIĠI FFORMAT ĠENS ĠDID

7. Ġeħova x’bassar permezz taʼ Ġeremija dwar patt ġdid?

7 Ħafna qabel ma ġie kanċellat il-​patt tal-​Liġi, Ġeħova bassar permezz tal-​profeta Ġeremija li Hu kien sa jagħmel “patt ġdid” mal-​ġens t’Iżrael. (Aqra Ġeremija 31:31-​33.) Dan il-​patt kien se jkun differenti mill-​patt tal-​Liġi fis-​sens li kien se jagħmilha possibbli li d-​dnubiet jinħafru mingħajr il-​bżonn li jsiru sagrifiċċji tal-​annimali. Kif kien se jagħmel dan?

8, 9. (a) Id-​demm imxerred taʼ Ġesù xi jwettaq? (b) Liema opportunità kellhom dawk fil-​patt il-​ġdid? (Ara l-​ewwel stampa.)

8 Sekli wara, Ġesù stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej fl-​14 taʼ Nisan fis-​sena 33 EK. Rigward il-​kies bl-​inbid, hu qal lill-​11-​il appostlu leali tiegħu: “Dan il-​kies jirrappreżenta l-​patt il-​ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.” (Lq. 22:20) Skont ir-​rakkont taʼ Mattew, Ġesù qal: “Dan jirrappreżenta d-​‘demm tiegħi tal-​patt,’ li se jixxerred għal ħafna għall-​maħfra tad-​dnubiet.”—Mt. 26:27, 28.

9 Id-​demm imxerred taʼ Ġesù jagħmel il-​patt il-​ġdid validu. Permezz taʼ dan id-​demm hu possibbli wkoll li d-​dnubiet jinħafru darba għal dejjem. Ġesù mhuwiex parti mill-​patt il-​ġdid. Peress li hu bla dnub, m’għandux bżonn il-​maħfra. Imma Alla jistaʼ juża l-​valur tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù għall-​benefiċċju tal-​bnedmin. Setaʼ wkoll jadotta lil ċerti bnedmin leali “bħala wlied” billi jidlikhom bl-​ispirtu qaddis. (Aqra Rumani 8:14-​17.) Ġeħova jistaʼ jqishom bħal Ibnu, Ġesù, li hu bla dnub. Dawn il-​midlukin kienu se jsiru “werrieta bi sħab maʼ Kristu” u jkollhom l-​opportunità li jsiru “saltna taʼ qassisin.” Dan kien privileġġ li setaʼ kellu l-​ġens t’Iżrael taħt il-​Liġi. Rigward il-​“werrieta bi sħab maʼ Kristu,” l-​appostlu Pietru qal: “Intom ‘razza magħżula, saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali, sabiex ixxandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilkom mid-​dlam għal ġod-​dawl tiegħu taʼ l-​għaġeb.” (1 Pt. 2:9) Kemm hu vitali l-​patt il-​ġdid! Dan jippermetti lid-​dixxipli taʼ Ġesù jsiru l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham.

IL-PATT IL-ĠDID ISIR VALIDU

10. Il-​patt il-​ġdid meta sar validu, u għala ma sarx validu qabel?

10 Il-​patt il-​ġdid meta sar validu? Dan ma kienx meta Ġesù rrefera għalih fl-​aħħar lejl tiegħu fuq l-​art. Biex dan jibda jopera, id-​demm taʼ Ġesù kellu jixxerred u l-​valur tiegħu kellu jiġi preżentat lil Ġeħova fis-​sema. Barra minn hekk, l-​ispirtu qaddis kellu jitferraʼ fuq dawk li kienu se jkunu “werrieta bi sħab maʼ Kristu.” Għaldaqstant, il-​patt il-​ġdid sar validu f’Pentekoste tas-​sena 33 EK meta d-​dixxipli leali taʼ Ġesù ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis.

11. Il-​patt il-​ġdid kif għamilha possibbli biex kemm il-​Lhud kif ukoll il-​Ġentili jsiru parti minn Iżrael spiritwali, u kemm kien se jkun hemm fil-​patt il-​ġdid?

11 Meta Ġeħova ħabbar permezz taʼ Ġeremija li kien se jagħmel patt ġdid maʼ Iżrael, dan indika li l-​patt tal-​Liġi eventwalment ma kienx se jkun meħtieġ. Il-​Liġi spiċċat meta sar validu l-​patt il-​ġdid. (Ebr. 8:13) Meta seħħ dan, Alla setaʼ jqis kemm lil-​Lhud kif ukoll lill-​Ġentili mhux ċirkonċiżi bl-​istess mod, ladarba “ċ-​ċirkonċiżjoni [tagħhom] hi dik fil-​qalb bl-​ispirtu, u mhux b’xi liġi miktuba.” (Rum. 2:29) Billi għamel il-​patt il-​ġdid magħhom, Alla kien se jqiegħed il-​liġijiet tiegħu “f’moħħhom, u [jiktibhom] fi qlubhom.” (Ebr. 8:10) Il-​patt il-​ġdid jinkludi 144,000 midluk. Dawn jifformaw ġens ġdid li jissejjaħ “l-​Israel t’Alla,” jew Iżrael spiritwali.—Gal. 6:16; Riv. 14:1, 4.

12. Liema xebh hemm bejn il-​patt tal-​Liġi u l-​patt il-​ġdid?

12 X’xebh hemm bejn il-​patt tal-​Liġi u l-​patt il-​ġdid? Il-​patt tal-​Liġi kien bejn Ġeħova u l-​ġens t’Iżrael; il-​patt il-​ġdid hu bejn Ġeħova u Iżrael spiritwali. Mosè kien il-​medjatur tal-​patt tal-​Liġi; Ġesù hu l-​Medjatur tal-​patt il-​ġdid. Il-​patt tal-​Liġi sar validu permezz tad-​demm t’annimal; il-​patt il-​ġdid sar validu permezz tad-​demm imxerred taʼ Ġesù. Mosè kien il-​mexxej tal-​ġens t’Iżrael fil-​patt tal-​Liġi; Ġesù, il-​Kap tal-​kongregazzjoni, hu l-​Mexxej taʼ dawk fil-​patt il-​ġdid.—Efes. 1:22.

13, 14. (a) Il-​patt il-​ġdid kif inhu konness mas-​Saltna? (b) X’inhu neċessarju biex Iżrael spiritwali jkun jistaʼ jsaltan maʼ Kristu fis-​sema?

13 Il-​patt il-​ġdid hu konness mas-​Saltna fis-​sens li jipproduċi ġens qaddis li l-​membri tiegħu għandhom il-​privileġġ li jsiru slaten u qassisin f’din is-​Saltna tas-​sema. Dan il-​ġens jifforma l-​parti sekondarja tan-​nisel t’Abraham. (Gal. 3:29) B’hekk, il-​patt il-​ġdid isaħħaħ il-​patt Abrahamiku.

14 Il-​patt il-​ġdid jipproduċi lil Iżrael spiritwali u hu l-​bażi legali biex il-​midlukin isiru “werrieta bi sħab maʼ Kristu.” Imma l-​midlukin kif jistgħu jsaltnu maʼ Ġesù bħala slaten u qassisin fis-​sema? Ftehim legali ieħor jagħmel dan possibbli.

PATT LI JIPPERMETTI LIL OĦRAJN ISALTNU MAʼ KRISTU

15. Ġesù liema patt persunali għamel mal-​appostli leali tiegħu?

15 Wara li stabbilixxa l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, Ġesù għamel patt mal-​appostli leali tiegħu, li spiss jissejjaħ il-​patt tas-​Saltna. (Aqra Luqa 22:28-​30.) Kuntrarju għall-​pattijiet l-​oħrajn, Ġeħova mhuwiex inkluż f’dan il-​patt. Minflok, dan hu patt persunali bejn Ġesù u l-​midlukin. Meta qal, “bħalma Missieri għamel [patt] miegħi,” Ġesù milli jidher kien qed jirreferi għall-​patt li Ġeħova kien għamel miegħu biex ikun “qassis għal dejjem bl-​istess mod taʼ Melkisedek.”—Ebr. 5:5, 6.

16. Xi jsir possibbli għall-​Kristjani midlukin permezz tal-​patt tas-​Saltna?

16 Il-​11-​il appostlu leali kienu ‘baqgħu maʼ Ġesù fil-​provi tiegħu.’ Il-​patt tas-​Saltna assigurahom li huma kienu se jkunu miegħu fis-​sema u joqogħdu fuq tronijiet biex isaltnu bħala slaten u jaqdu bħala qassisin. Madankollu, dawk il-​11 ma kinux se jkunu l-​uniċi wħud li jgawdu dan il-​privileġġ. Ġesù glorifikat deher lill-​appostlu Ġwanni f’viżjoni u qal: “Lil min jirbaħ nagħtih li joqgħod bil-​qiegħda miegħi fuq it-​tron tiegħi, bħalma jien irbaħt u qgħadt bil-​qiegħda maʼ Missieri fuq it-​tron tiegħu.” (Riv. 3:21) B’hekk, il-​patt tas-​Saltna jsir mal-​144,000 Kristjan midluk. (Riv. 5:9, 10; 7:4) Dan hu l-​patt li jifforma bażi legali biex huma jkunu jistgħu jsaltnu maʼ Ġesù fis-​sema. Dan hu simili għal għarusa li tintgħażel biex tiżżewweġ sultan. Meta huma jiżżewġu, ikun possibbli li anki l-​għarusa tirrenja mas-​sultan. Infatti, l-​Iskrittura tirreferi għall-​Kristjani midlukin bħala “l-​għarusa” taʼ Kristu, “verġni safja” mwiegħda fiż-​żwieġ lill-​Kristu.—Riv. 19:7, 8; 21:9; 2 Kor. 11:2.

GĦANDEK FIDI LI MA TITĦARRIKX FIS-​SALTNA T’ALLA?

17, 18. (a) Irrivedi sitt pattijiet li kkunsidrajna u li huma konnessi mas-​Saltna. (b) Għala jistaʼ jkollna fidi li ma titħarrikx fis-​Saltna?

17 Il-​pattijiet kollha li kkunsidrajna f’dawn iż-​żewġ artikli huma kollha konnessi m’aspett vitali wieħed jew iktar tas-​Saltna. (Ara ċ-​ċart “Kif Alla se jwettaq l-​iskop tiegħu” fl-artiklu taʼ qabel.) Dan il-​fatt jenfasizza li l-​arranġament tas-​Saltna hu bbażat b’mod sod fuq ftehim legali. Aħna nistgħu nkunu konvinti għal kollox li Alla se juża s-​Saltna tiegħu taħt it-​tmexxija taʼ Kristu biex iwettaq l-​iskop Tiegħu għall-​bnedmin u għall-​art.—Riv. 11:15.

Ġesù u l-Kristjani midlukin qed isaltnu mis-sema

Permezz tas-Saltna t’Alla taħt it-tmexxija taʼ Kristu, Ġeħova se jwettaq l-iskop tiegħu għall-art (Ara paragrafi 15-18)

18 M’hemm ebda dubju li s-​Saltna hi l-​unika soluzzjoni għall-​problemi tal-​umanità. Aħna fiduċjużi għall-​aħħar li se ġġib benefiċċji dejjiema għall-​bnedmin kollha. Mela jalla ngħidu lil oħrajn bil-​ħeġġa kollha dwar din il-​verità meraviljuża!—Mt. 24:14.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja