LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 10/15 pp. 18-22
  • Ġrajjiet importanti fil-ħajja tiegħi ta’ servizz tas-Saltna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġrajjiet importanti fil-ħajja tiegħi ta’ servizz tas-Saltna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-WIRT SPIRITWALI TIEGĦI
  • L-​INKARIGI TAL-​FAMILJA TAGĦNA
  • L-INKARIGU MISSJUNARJU TIEGĦI
  • ĊITTADIN RISPETTAT ISIR XHUD
  • GĦAMILT GĦAŻLIET SODISFAĊENTI
  • Ġeħova verament għenni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Il-Perseveranza Ġġib il-Ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kif Tliet Konvenzjonijiet Influwenzawli Ħajti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 10/15 pp. 18-22
Mildred Olson

Bijografija

Ġrajjiet importanti fil-ħajja tiegħi taʼ servizz tas-Saltna

Kif rakkontata minn Mildred Olson

Fl-1947, xi qassisin Kattoliċi f’Santa Ana, El Salvador, ipprovaw jaqilgħu l-​inkwiet lix-​Xhieda. Waqt li l-​aħwa kienu qed jagħmlu l-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa taʼ kull ġimgħa, xi subien waddbu ġebel kbir minn ġol-​bieb li kien miftuħ tad-​dar missjunarja. Imbagħad il-​qassisin ġew ħdejn id-​dar missjunarja u magħhom ġabu marmalja rrabjata. Xi wħud fil-​marmalja kellhom torċi tan-​nar f’idhom, waqt li oħrajn kienu qed iġorru l-​idoli. Għal sagħtejn sħaħ, dawn waddbu ġebel lejn il-​bini u għajtu: “Għomor twil lill-​Verġni!” u, “Jalla Ġeħova jmut!” Huma riedu jbeżżgħu lill-​missjunarji ħalli jitilqu. Dan nafu għax jien kont waħda mill-​missjunarji f’dik il-​laqgħa 67 sena ilu.a

SENTEJN qabel ma seħħet din il-​ġrajja msemmija hawn fuq, jien u Evelyn Trabert iggradwajna mir-​rabaʼ klassi tal-​Iskola taʼ Gilegħad (Watchtower Bible School of Gilead), li dak iż-​żmien kienet issir viċin Ithaca, New York. Aħna ġejna inkarigati biex naqdu bħala missjunarji f’El Salvador, u jien qdejt hemmhekk għal kważi 29 sena. Imma qabel ma nirrakkonta l-​ħajja tiegħi bħala missjunarja, ħalli nispjega għala ddeċidejt li nidħol f’dan ix-​xogħol.

IL-WIRT SPIRITWALI TIEGĦI

Fl-​1923, is-​sena meta twilidt jien, il-​ġenituri tiegħi, John u Eva Olson, kienu qed joqogħdu Spokane, Washington, l-​Istati Uniti tal-​Amerika. Huma kienu Luterani imma m’aċċettawx it-​tagħlim tal-​knisja dwar in-​nar tal-​infern, ladarba ma setgħux jemmnu kif Alla li jħobb setaʼ jittortura lin-​nies. (1 Ġw. 4:8) Missieri kien jaħdem f’forn, u lejla minnhom wieħed li kien jaħdem miegħu serraħlu moħħu li l-​Bibbja ma tgħallimx li l-​infern hu post taʼ turment. Il-​ġenituri tiegħi ma damux ma bdew jistudjaw max-​Xhieda taʼ Ġeħova u saru jafu x’tgħallem verament il-​Bibbja dwar il-​ħajja wara l-​mewt.

Dak iż-​żmien kelli biss disaʼ snin, imma għadni niftakar kemm kienu eċċitati l-​ġenituri tiegħi b’dak li kienu qed jitgħallmu. L-​entużjażmu tagħhom kiber saħansitra iktar meta tgħallmu x’jismu l-​Alla l-​veru, Ġeħova, u ġew meħlusin mid-​duttrina tat-​Trinità. Jien bħal sponża bdejt nixrob dan it-​tagħlim Skritturali meraviljuż—‘verità li teħles’ lil dak li jkun. (Ġw. 8:32) Għaldaqstant, qatt ma qist l-​istudju tal-​Bibbja bħala xi ħaġa taʼ dwejjaq, imma dejjem ħadt pjaċir neżamina l-​Kelma t’Alla. Għalkemm kont nistħi, kont noħroġ mal-​ġenituri tiegħi fix-​xogħol tal-​ippritkar. Huma tgħammdu fl-​1934. Fl-​1939, meta kelli 16-​il sena, jien ingħaqadt magħhom bħala qaddejja mgħammda taʼ Ġeħova.

Mildred Olson mal-ġenituri tagħha

M’ommi u missieri fl-assemblea tal-1941 f’St. Louis, Missouri

Fis-​sajf tal-​1940, il-​ġenituri tiegħi biegħu d-​dar tagħhom, u t-​tlieta li aħna dħalna fil-​ministeru full-​time bħala pijunieri f’Coeur d’Alene, Idaho. Konna ngħixu f’appartament mikri fuq garaxx taʼ mekkanik. Id-​dar tagħna kienet tintuża wkoll għal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Dak iż-​żmien, ma tantx kien hemm kongregazzjonijiet li kellhom Swali tas-​Saltna, allura kienu jiltaqgħu fi djar privati jew f’postijiet mikrijin.

Fl-​1941, jien u l-​ġenituri tiegħi attendejna l-​assemblea f’St. Louis, Missouri. L-​aħħar ġurnata taʼ din l-​assemblea kien jisimha “Il-​Ġurnata tat-​Tfal,” u dawk li kellhom bejn 5 snin u 18-​il sena qagħdu bilqiegħda eżatt quddiem il-​palk. Lejn l-​aħħar tat-​taħdita tiegħu, Ħuna Joseph F. Rutherford kellem lilna t-​tfal: ‘Intom it-​tfal kollha li qbiltu li tobdu lil Alla u s-​Sultan tiegħu, jekk jogħġobkom qumu bilwieqfa!’ Ilkoll kemm aħna qomna bilwieqfa. Imbagħad, Ħuna Rutherford qal: “Araw, iktar minn 15,000 Xhud ġdid tas-​Saltna!” Kien proprju f’dak il-​mument li jien iddeċidejt li ridt inkun pijuniera għall-​kumplament taʼ ħajti.

L-​INKARIGI TAL-​FAMILJA TAGĦNA

Ftit xhur wara l-​assemblea f’St. Louis, bħala familja morna noqogħdu fin-​Nofsinhar taʼ Kalifornja. Hemmhekk, fil-​belt taʼ Oxnard, l-​inkarigu tagħna kien li nifformaw kongregazzjoni. Konna noqogħdu f’karavan żgħir b’sodda waħda. Is-​“sodda” tiegħi kelli nagħmilha kull filgħaxija fuq il-​mejda tal-​ikel—bidla kbira minn meta kelli l-​kamra tas-​sodda tiegħi!

Eżatt qabel ma morna Kalifornja, il-​Ġappun attakka lil Pearl Harbor fil-​Ħawajj, fis-​7 taʼ Diċembru 1941. L-​għada, l-​Istati Uniti daħlu fit-​Tieni Gwerra Dinjija. Dak iż-​żmien, kien hemm sottomarini Ġappuniżi fil-​baħar fil-​viċin, allura l-​awtoritajiet ordnaw lil dawk kollha li kienu jgħixu viċin il-​kosta biex jitfu d-​dwal tagħhom billejl. Id-​dlam ċappa għamilha diffiċli għas-​sottomarini biex jimmiraw il-​bombi tagħhom fuq l-​art.

Xi xhur wara, f’Settembru tal-​1942, attendejna l-​Assemblea Teokratika tad-​Dinja l-​Ġdida fi Cleveland, Ohio. Hemmhekk tajna widen hekk kif Ħuna Nathan H. Knorr għamel it-​taħdita “Il-​Paċi—Tistaʼ Tibqaʼ?” Hu ddiskuta Rivelazzjoni kapitlu 17, li jiddeskrivi “bhima salvaġġa” li “kienet, imma m’hijiex, u madankollu waslet biex titlaʼ mill-​abbiss.” (Riv. 17:8, 11) Ħuna Knorr spjega li “l-​bhima salvaġġa” kienet il-​Lega tan-​Nazzjonijiet li waqfet l-​attivitajiet tagħha fl-​1939. Il-​Bibbja bassret li organizzazzjoni oħra kienet se tieħu post il-​Lega, u li dan kien se jġib żmien iktar paċifiku. Dan hu preċiż dak li ġara wara li spiċċat it-​Tieni Gwerra Dinjija u l-​Ġnus Magħquda ħadet post il-​Lega tan-​Nazzjonijiet. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova mbagħad firxu x-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom madwar id-​dinja, u x’żieda kbira kien hemm minn dakinhar ’il quddiem!

Id-diploma minn Gilegħad taʼ Mildred Olson

Id-diploma tiegħi minn Gilegħad

Din il-​profezija għenitni nifhem li kien hemm ħafna xogħol xi jsir. Meta tħabbar li s-​sena taʼ wara kienet se tibda l-​Iskola taʼ Gilegħad, tnisslet fija x-​xewqa li nsir missjunarja. Fl-​1943, ġejt inkarigata bħala pijuniera f’Portland, Oregon. Dak iż-​żmien, konna nużaw fonografu biex lill-​inkwilini nsemmgħulhom taħditiet fuq l-​għatba tal-​bieb, u mbagħad konna noffrulhom letteratura Biblika dwar is-​Saltna t’Alla. Għamilt dik is-​sena kollha naħseb dwar is-​servizz missjunarju.

Fl-​1944, tgħidx kemm fraħt meta rċivejt stedina għall-​Iskola taʼ Gilegħad flimkien mal-​ħabiba għażiża tiegħi Evelyn Trabert. Għal ħames xhur, l-​għalliema tagħna wrewna kif niksbu l-​ferħ mill-​istudju tagħna tal-​Bibbja. L-​umiltà tagħhom ħalliet impressjoni kbira fuqna. Kultant, waqt li konna nkunu qed nieklu, dawn l-​aħwa kienu jaqdu bħala wejters. Aħna ggradwajna fit-​22 taʼ Jannar 1945.

L-INKARIGU MISSJUNARJU TIEGĦI

Jien u Evelyn, flimkien maʼ Leo u Esther Mahan, wasalna fl-​inkarigu tagħna f’El Salvador f’Ġunju tal-​1946. L-​għalqa hemmhekk kienet ‘bajda għall-​ħsad.’ (Ġw. 4:35) Ftit xhur wara li wasalna, kellna l-​ewwel assemblea tas-​circuit tagħna f’Santa Ana. Stidinna lin-​nies biex jattendu u fraħna ħafna meta ġew kważi 500 ruħ. L-​ippritkar tagħna tgħidx kemm irrabja lill-​kleru, u ġimgħa wara ppjanaw l-​attakk mill-​marmalja msemmi fil-​bidu taʼ dan ir-​rakkont. Huma pprovaw ibeżżgħuna u riduna nitilqu. Imma dan għamilna saħansitra iktar determinati biex nibqgħu u ngħinu lin-​nies. Avolja l-​kleru kien wissa lin-​nies biex ma jaqrawx il-​Bibbja, u ftit biss setgħu jixtru kopja persunali, ħafna kienu għatxana għall-​verità. Huma apprezzaw l-​isforzi tagħna biex nitgħallmu l-​Ispanjol ħalli nkunu nistgħu ngħallmuhom dwar l-​Alla l-​veru, Ġeħova, u dwar il-​wegħda prezzjuża tiegħu biex jagħmel l-​art ġenna.

Mildred Olson u erbgħa minn tal-klassi tagħha taʼ Gilegħad

Ħamsa mill-klassi tiegħi f’Gilegħad li ġejna mibgħutin El Salvador. Mix-xellug għal-lemin: Evelyn Trabert, Millie Brashier, Esther Mahan, jien, u Leo Mahan

Rosa Ascencio kienet waħda mill-​ewwel studenti tiegħi. Wara li bdiet tistudja l-​Bibbja, hi sseparat minn mar-​raġel li kienet qed tgħix miegħu. Imbagħad anki hu beda jistudja l-​Bibbja. Huma żżewġu, imbagħad tgħammdu, u saru Xhieda żelużi taʼ Ġeħova. Rosa kienet l-​ewwel pijuniera regulari minn Santa Ana.b

Rosa kellha ħanut żgħir tal-​growser. Meta kienet toħroġ fil-​ministeru, hi kienet tagħlaq il-​ħanut b’fiduċja li Ġeħova kien se jipprovdi l-​bżonnijiet tagħha. Meta kienet terġaʼ tiftaħ il-​ħanut wara ftit sigħat, dejjem kien ikollha biżżejjed nies biex jixtru mingħandha. Hi esperjenzat personalment kemm hu minnu l-​kliem f’​Mattew 6:33 u baqgħet leali sal-​mewt.

Sitta minna l-​missjunarji konna nikru dar mingħand negozjant magħruf sew. Darba minnhom, wieħed qassis żar lir-​raġel u wissieh li jekk kien se jkompli jikrilna d-​dar, hu u martu kienu se jiġu skomunikati. Ir-​raġel ma beżax mill-​qassis u qallu li ma kienx jimpurtah jekk jitkeċċa mill-​knisja. Hu diġà kien diżgustat minħabba ftit mill-​affarijiet li kienu għamlu l-​kleru. Hu aċċertana li stajna nibqgħu fid-​dar kemm ridna.

ĊITTADIN RISPETTAT ISIR XHUD

L-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova f’San Salvador

L-uffiċċju tal-fergħa li nbena fl-1955

Fil-​belt kapitali, San Salvador, missjunarja oħra kienet qed tistudja l-​Bibbja mal-​mara taʼ inġinier jismu Baltasar Perla. Dan ir-​raġel qalbu tajba kien tilef il-​fidi tiegħu f’Alla wara li ra l-​ipokrisija tal-​mexxejja reliġjużi. Meta wasal il-​waqt biex jinbena uffiċċju tal-​fergħa, Baltasar, għalkemm kien għadu ma sarx Xhud, offra li jiddisinja l-​uffiċċju u jgħin fil-​bini tiegħu mingħajr ħlas.

Matul il-​kostruzzjoni tal-​uffiċċju tal-​fergħa, Baltasar ħadem maʼ ħafna Xhieda u sar konvint li kien sab ir-​reliġjon vera. Hu tgħammed fit-​22 taʼ Lulju 1955, u martu, Paulina, tgħammdet ftit wara. Iż-​żewġt itfal tagħhom qed jaqdu lil Ġeħova lealment. Binhom, li wkoll jismu Baltasar, ilu jaqdi fil-​Betel taʼ New York dawn l-​aħħar 49 sena. Hemmhekk jappoġġa x-​xogħol tal-​ippritkar mad-​dinja kollha u hu membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Istati Uniti.c

Meta bdejna nżommu l-​konvenzjonijiet fʼSan Salvador, Ħuna Perla għenna nġibu l-​permess biex nużaw ġinnasju kbir. Għall-​ewwel li konna niltaqgħu hemmhekk ftit konna nużaw siġġijiet. Imma kull sena n-​nies żdiedu u ma domniex ma mlejnieh il-​ġinnasju, tant li ma kellniex biżżejjed siġġijiet! Stajna naraw li Ġeħova kien qed ibierek l-​isforzi tagħna. F’dawk l-​okkażjonijiet taʼ ferħ, stajt nara lil dawk li kont studjajt il-​Bibbja magħhom. Immaġina kemm ħassejtni ferħana meta l-​istudenti li kelli qabel introduċewni man-​“neputijiet” tiegħi—uħud mgħammdin ġodda li huma kienu studjaw magħhom!

F. W. Franz qed ikellem lill-missjunarji f’konvenzjoni

Ħuna F. W. Franz jindirizza lill-missjunarji f’konvenzjoni

F’assemblea minnhom, wieħed ħu ġie fuqi u qalli li ried jiskuża ruħu. Jien m’għaraftux u kont kurjuża x’ħa jgħid. Hu qal, “Jien kont wieħed mis-​subien li waddbulkom il-​ġebel f’Santa Ana.” Issa kien qed jaqdi lil Ġeħova miegħi! Qalbi kienet se tfur bil-​ferħ. Din il-​konversazzjoni kkonfermatli li l-​ministeru full-​time hu l-​iktar karriera premjanti li xi ħadd jistaʼ jagħżel.

Mildred Olson u oħrajn f’assemblea tas-circuit f’El Salvador

L-ewwel assemblea tas-circuit li attendejna f’El Salvador

GĦAMILT GĦAŻLIET SODISFAĊENTI

Għal kważi 29 sena, jien komplejt fix-​xogħol missjunarju f’El Salvador, l-​ewwel fil-​belt taʼ Santa Ana, imbagħad f’Sonsonate, wara f’Santa Tecla, u fl-​aħħar f’San Salvador. Fl-​1975, wara ħafna talb, iddeċidejt li nitlaq l-​inkarigu missjunarju tiegħi u mmur lura Spokane. Il-​ġenituri leali tiegħi kienu qed jikbru fl-​età u kellhom bżonn l-​għajnuna tiegħi.

Missieri miet fl-​1979, u jien dort b’ommi għal tmien snin oħra. Peress li kienet dgħajfa ħafna, hi ma tantx setgħet tagħmel wisq mingħajr l-​għajnuna tiegħi. Hi mietet taʼ 94 sena. Dan kien żmien diffiċli ħafna għalija. L-​istress u l-​emozzjonijiet li ħassejt ħallewni eżawrita. Imradt bil-​ħruq taʼ SantʼAntnin li kien taʼ wġigħ kbir. Imma ħassejt l-​appoġġ tad-​dirgħajn kollhom imħabba taʼ Ġeħova madwari. Hu wieġeb it-​talb tiegħi u għenni nissaporti dan iż-​żmien diffiċli. Ġeħova żamm il-​wegħda tiegħu li jġorrni anki fi xjuħiti.—Is. 46:4.

Fl-​1990, mort noqgħod Omak, Washington. Hemmhekk erġajt ħassejtni utli fit-​territorju tal-​lingwa Spanjola, u diversi studenti tal-​Bibbja tiegħi tgħammdu. Minn Novembru tal-​2007, ma stajtx nibqaʼ nieħu ħsieb id-​dar tiegħi f’Omak, u allura mort noqgħod f’appartament fil-​belt viċin taʼ Chelan, Washington. Il-​kongregazzjoni tal-​Ispanjol hawnhekk ilha tieħu ħsiebi b’mod tajjeb minn dak iż-​żmien ’il quddiem, u għal dan jien grata ħafna. Ladarba jien l-​unika Xhud avanzata fl-​età hawnhekk, l-​aħwa b’qalb tajba “adottawni” bħala “nannithom.”

Għalkemm għażilt li ma niżżewwiġx u ma jkollix familja ħalli nkun nistaʼ naqdi iktar bis-​sħiħ fil-​ministeru “mingħajr distrazzjoni,” għandi ħafna tfal spiritwali. Irraġunajt li f’din il-​ħajja, ma jistax ikolli kollox. (1 Kor. 7:34, 35) Għalhekk, iddeċidejt li niffoka fuq dak li hu l-​iktar importanti, jiġifieri, li naqdi lil Ġeħova b’qalbi kollha. U fid-​dinja l-​ġdida se jkolli ħafna ħin biex nagħmel kulma nixtieq nagħmel. L-​iskrittura favorita tiegħi hi dik taʼ Salm 145:16, din tassigurana li Ġeħova se ‘jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’

Mildred Olson fix-xogħol tal-ippritkar

Is-servizz taʼ pijunier jgħinni nibqaʼ attiva u jagħtini skop fil-ħajja

Issa għandi 91 sena u s-​saħħa tiegħi mhix ħażina, allura għadni naqdi bħala pijuniera. Is-​servizz taʼ pijunier jgħinni nibqaʼ attiva u jagħtini skop fil-​ħajja. Meta l-​ewwel wasalt f’El Salvador, ix-​xogħol tal-​ippritkar kien għadu qed jibda. Minkejja l-​oppożizzjoni kontinwa taʼ Satana, issa hemm iktar minn 39,000 pubblikatur f’dan il-​pajjiż. Dan verament saħħaħ il-​fidi tiegħi. Jidher ċar li m’hemm ebda dubju li l-​ispirtu qaddis t’Alla qed jappoġġa l-​isforzi tal-​poplu tiegħu!

a Ara n-​1981 Yearbook of Jehovah’s Witnesses, paġni 45-​46.

b 1981 Yearbook, paġni 41-​42.

c 1981 Yearbook, paġni 66-​67, 74-​75.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja