LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 11/15 pp. 8-12
  • Għala rridu nkunu qaddisin?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala rridu nkunu qaddisin?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN
  • URU LI INTOM QADDISIN BILLI TKUNU UBBIDJENTI
  • UBBIDJENZA SĦIĦA GĦAL-​LIĠI T’ALLA DWAR ID-​DEMM
  • ĠEĦOVA GĦALA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN?
  • Qis b’Mod Xieraq il-Valur tar-Rigal tal-Ħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Irrispetta l-għotja tal-ħajja
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Id-Demm li Tassew Isalva l-Ħajjiet
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
  • Id-Demm–Vitali għall-Ħajja
    Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 11/15 pp. 8-12
Mosè jlibbes lil Aron l-ilbies tal-Qassis il-Kbir waqt li l-erbaʼ wlied t’Aron josservaw

Għala rridu nkunu qaddisin?

“Tridu tkunu qaddisin.”—LEV. 11:45.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Il-​fatt li Aron u wliedu ġew maħsulin, għala għandu jkollu sinifikat kbir għall-​poplu kollu taʼ Ġeħova?

  • L-​ubbidjenza tagħna kif inhi marbuta maʼ li nuru li aħna qaddisin?

  • Kif għandna nħossuna rigward il-​liġi taʼ Ġeħova dwar id-​demm?

1. Il-​ktieb tal-​Levitiku kif jistaʼ jgħinna?

ĠEĦOVA jistenna li l-​qaddejja kollha tiegħu jkunu qaddisin, jiġifieri nodfa f’sens spiritwali, morali, u fiżiku. Għalkemm il-​qdusija tissemma matul il-​Bibbja kollha, din il-​kwalità tissemma l-​iktar fil-​ktieb tal-​Levitiku. Se niġu megħjuna nkunu nafu kif nistgħu nkunu qaddisin jekk nifhmu u napprezzaw dan il-​ktieb.

2. X’inhuma xi affarijiet li nsibu fil-​ktieb tal-​Levitiku?

2 Il-​ktieb tal-​Levitiku, li nkiteb mill-​profeta Mosè, hu parti mill-​“Iskrittura kollha” li “tiswa biex tgħallem.” (2 Tim. 3:16) Isem Ġeħova jidher bejn wieħed u ieħor 10 darbiet f’kull kapitlu tal-​ktieb. Fehma aħjar tal-​ktieb tal-​Levitiku se ssaħħaħna biex ma nagħmlu xejn li jistaʼ jġib tmaqdir fuq l-​isem t’Alla. (Lev. 22:32) F’dan il-​ktieb, spiss insibu l-​kliem “Jien Ġeħova,” u dan għandu jfakkarna biex nobdu lil Alla. F’dan l-​artiklu u f’taʼ warajh se nsibu xi teżori prezzjużi li jinsabu fil-​ktieb tal-​Levitiku li se jgħinuna nkunu qaddisin fil-​qima tagħna lil Alla.

ĠEĦOVA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN

3, 4. It-​tindif taʼ Aron u taʼ wliedu xi rrappreżenta? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Aqra Levitiku 8:5, 6. Ġeħova għażel lil Aron biex jaqdi bħala l-​qassis il-​kbir t’Iżrael, u wliedu kellhom jaqdu bħala qassisin għall-​ġens. Aron jagħti stampa taʼ Ġesù Kristu u wlied Aron jagħtu stampa tal-​Kristjani midlukin. Allura x’kien ifisser il-​fatt li Aron ġie maħsul? Kien ifisser li Ġesù kellu bżonn jiġi mnaddaf? Le, għax Ġesù ma kellux dnub u kien “bla tinġis,” u b’hekk ma kellux għalfejn jiġi mnaddaf, jew maħsul. (Ebr. 7:26; 9:14) Imma, wara li Aron ġie maħsul, hu ta stampa taʼ Ġesù, li hu nadif u ġust. Allura, it-​tindif taʼ wlied Aron x’jirrappreżenta?

4 It-​tindif taʼ wlied Aron jirrappreżenta t-​tindif taʼ dawk li jintgħażlu biex ikunu qassisin fis-​sema. Il-​magħmudija tal-​midlukin għandha x’taqsam mat-​tindif taʼ wlied Aron? Le, il-​magħmudija ma tnaddafhomx mid-​dnub; minflok, tissimbolizza l-​fatt li l-​individwu jkun iddedika ruħu kompletament lil Alla Ġeħova. Il-​midlukin jitnaddfu “permezz tal-​kelma.” Dan ifisser li jridu japplikaw b’qalbhom kollha t-​tagħlim taʼ Kristu f’ħajjithom. (Efes. 5:25-​27) B’hekk, jiġu mqaddsin u mnaddfin.

5. Għala nistgħu ngħidu li n-​nagħaġ oħrajn jitnaddfu permezz tal-​Kelma t’Alla?

5 Xi ngħidu dwar in-​“nagħaġ oħrajn”? (Ġw. 10:16) Ulied Aron ma kinux jirrappreżentaw il-​“folla kbira” magħmula min-​nagħaġ oħrajn taʼ Ġesù. (Riv. 7:9) Imma dawn l-​uħud mgħammdin ukoll jitqaddsu u jitnaddfu permezz tal-​Kelma t’Alla. Meta dawk li għandhom it-​tama għall-​art ipoġġu l-​fidi f’dak li tgħid il-​Bibbja dwar il-​qawwa tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma jitqanqlu biex iqimu lil Ġeħova “lejl u nhar.” (Riv. 7:13-​15) It-​tindif tal-​midlukin u tan-​nagħaġ oħrajn hu xi ħaġa kontinwa. Għalhekk, ‘iżommu kondotta tajba.’ (1 Pt. 2:12) Min jaf kemm jieħu pjaċir Ġeħova meta jara l-​indafa u l-​unità tal-​midlukin u tan-​nagħaġ oħrajn, li jagħtu widen lir-​Ragħaj tagħhom Ġesù u li b’lealtà jimxu warajh!

6. Għala għandna nagħmlu eżami tagħna nfusna fuq bażi regulari?

6 Il-​fatt li l-​qassisin t’Iżrael kellhom ikunu nodfa fiżikament, xi jfisser għalina llum? L-​istudenti tal-​Bibbja tagħna spiss jinnotaw kemm huma nodfa l-​postijiet fejn inqimu. Ukoll, jinnotaw kemm aħna nodfa u kemm nilbsu pulit. Imma minbarra dan, kull min irid iqim lil Ġeħova jrid ikollu “qalbu nadifa.” (Aqra Salm 24:3, 4; Is. 2:2, 3.) Għalhekk, minbarra li rridu nkunu nodfa fiżikament, irridu wkoll naqdu lil Ġeħova b’moħħ u b’qalb nadifa. Dan jitlob minna li nagħmlu eżami tagħna nfusna fuq bażi regulari. Kultant, jistaʼ jagħti l-​każ li jkollna bżonn nagħmlu bidliet kbar f’ħajjitna ħalli nkunu qaddisin. (2 Kor. 13:5) Pereżempju, xi ħadd mgħammed li apposta jara l-​pornografija għandu jsaqsi lilu nnifsu, ‘Qed nuri li jien qaddis?’ Imbagħad għandu jikseb l-​għajnuna biex itemm dan il-​vizzju mill-​agħar.—Ġak. 5:14.

URU LI INTOM QADDISIN BILLI TKUNU UBBIDJENTI

7. Fi qbil maʼ Levitiku 8:22-​24, Ġesù x’eżempju ħalla?

7 Meta ġie stabbilit is-​saċerdozju t’Iżrael, tpoġġa d-​demm taʼ muntun fuq il-​widna l-​leminija, is-​subaʼ l-​kbir tal-​id il-​leminija, u s-​subaʼ l-​kbir tas-​sieq il-​leminija tal-​Qassis il-​Kbir Aron u taʼ wliedu. (Aqra Levitiku 8:22-​24.) Dan l-​użu tad-​demm wera li l-​qassisin b’ubbidjenza kienu se jagħmlu l-​almu tagħhom biex iwettqu dmirijiethom. B’mod simili, il-​Qassis il-​Kbir Ġesù ħalla eżempju perfett għall-​midlukin u għan-​nagħaġ oħrajn. Hu ta widen għall-​gwida t’Alla, uża jdejh biex iwettaq ir-​rieda taʼ Ġeħova, u saqajh qatt ma żvijaw mit-​triq qaddisa tal-​ħajja.—Ġw. 4:31-​34.

8. L-​aduraturi kollha taʼ Ġeħova, x’għandhom jagħmlu?

8 Il-​Kristjani midlukin u n-​nagħaġ oħrajn għandhom isegwu l-​eżempju tal-​Qassis il-​Kbir Ġesù li żamm l-​integrità tiegħu lejn Alla. L-​aduraturi kollha taʼ Ġeħova għandhom jobdu l-​gwida t’Alla li tinsab fil-​Bibbja, u b’hekk jevitaw li jnikktu l-​ispirtu tiegħu. (Efes. 4:30) Iridu ‘jiddrittaw il-​mogħdijiet għal saqajhom.’—Ebr. 12:13.

9. Tliet aħwa li ħadmu mill-​qrib maʼ membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna, kif esprimew ruħhom, u dak li qalu kif jistaʼ jgħinek tibqaʼ qaddis?

9 Ikkunsidra kif esprimew ruħhom mill-​qalb tliet aħwa rġiel li għandhom it-​tama għall-​art. Dawn l-​irġiel ilhom għaxriet taʼ snin jaħdmu mill-​qrib maʼ membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Wieħed minnhom qal: “Filwaqt li kien privileġġ uniku taʼ servizz, din is-​sħubija mill-​qrib minn żmien għal żmien kixfet li, minkejja l-​fatt li dawn l-​aħwa huma midlukin bl-​ispirtu, xorta waħda huma imperfetti. Iżda, waħda mill-​miri tiegħi tul is-​snin kienet li nobdi lil dawk li qed jieħdu t-​tmexxija.” It-​tieni ħu qal: “Skritturi bħal dik tat-​2 Korintin 10:5, dwar ‘ubbidjenza lejn il-​Kristu,’ għenuni nkun ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-​tmexxija u nikkoopera magħhom. L-​ubbidjenza dejjem tiġi mill-​qalb.” It-​tielet ħu qal: “Il-​fatt li tħobb dak li jħobb Ġeħova u tobgħod dak li jobgħod hu, kif ukoll li l-​ħin kollu tfittex il-​gwida tiegħu u tagħmel dak li jogħġbu, ifisser li tkun ubbidjenti lejn l-​organizzazzjoni tiegħu u lejn dawk li qed juża biex javvanza l-​iskop tiegħu fuq l-​art.” Dan il-​ħu kien sar jaf li Nathan Knorr, li sar membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, mill-​ewwel aċċetta dak li ntqal fl-​artiklu “Twelid tal-​ġens” li deher fit-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1925, avolja xi wħud iddubitaw dak li kien hemm miktub. Din l-​ubbidjenza tassew impressjonat lill-​ħu. Billi timmedita fuq dak li qalu dawn it-​tliet aħwa, tistaʼ tiġi megħjun tkun ubbidjenti lejn Alla u tibqaʼ qaddis.

UBBIDJENZA SĦIĦA GĦAL-​LIĠI T’ALLA DWAR ID-​DEMM

10. Kemm hu importanti li nobdu l-​liġi t’Alla dwar id-​demm?

10 Aqra Levitiku 17:10. Ġeħova kkmanda lill-​Iżraelin biex ma jieklu l-​ebda “tip taʼ demm.” Il-​Kristjani wkoll huma kmandati biex jitbiegħdu mid-​demm tal-​bnedmin u tal-​annimali. (Atti 15:28, 29) Anki s-​sempliċi ħsieb li Alla ‘jdawwar wiċċu kontrina’ u jaqtagħna minn fost il-​kongregazzjoni tiegħu jqabbadna l-​bard. Aħna nħobbuh u rridu nobduh. Anke meta tkun kwistjoni taʼ ħajja jew mewt, aħna determinati li ma nċedux għal dak li jgħidulna wħud li ma jafux lil Ġeħova u li ma jridux jobduh. Iva, aħna nistennew li niġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt talli ma niħdux demm, imma xorta nagħżlu li nobdu lil Alla. (Ġuda 17, 18) X’se jgħinna nkunu ‘deċiżi b’mod sod’ li ma niklux demm u ma naċċettawx trasfużjoni tad-​demm?—Dt. 12:23.

11. Għala nistgħu ngħidu li Jum it-​Tpattija kien iktar minn sempliċi ritwal?

11 F’Jum it-​Tpattija, li kien isir kull sena, il-​qassis il-​kbir t’Iżrael tal-​qedem kien juża d-​demm tal-​annimali. Dan jgħinna nifhmu l-​ħarsa t’Alla lejn id-​demm. Id-​demm kien jintuża biss għal skop speċjali. Kien jintuża biex ipatti għad-​dnubiet taʼ dawk li jfittxu l-​maħfra taʼ Ġeħova. Il-​qassis il-​kbir kien iroxx id-​demm tal-​barri u l-​gidi quddiem l-​għatu tal-​arka tal-​patt. (Lev. 16:14, 15, 19) Din l-​azzjoni wittiet it-​triq biex Ġeħova jaħfer id-​dnubiet tal-​Iżraelin. Minbarra dan, Ġeħova ddikjara li jekk raġel kien joqtol annimal għall-​ikel, kellu jferraʼ d-​demm tiegħu u jgħattih bit-​trab, “għax ir-​ruħ [jew il-​ħajja] taʼ kull tip taʼ laħam hi demmu.” (Lev. 17:11-​14) Kien dan kollu ritwal mhux importanti? Le. L-​użu tad-​demm f’Jum it-​Tpattija, u l-​kmand li jixxerred id-​demm mal-​art, hu fi qbil mal-​kmand li Ġeħova qabel kien ta lil Noè u d-​dixxendenti tiegħu dwar id-​demm. (Ġen. 9:3-​6) Alla Ġeħova kien ikkmanda li ħadd ma setaʼ jieħu d-​demm biex isostni ħajtu. Dan xi jfisser għall-​Kristjani?

12. L-​ittra taʼ Pawlu lill-​Kristjani Ebrajċi, x’rabta tagħmel bejn id-​demm u l-​maħfra?

12 L-​appostlu Pawlu spjega li d-​demm kellu l-​qawwa jnaddaf meta kiteb: “Kważi kollox jitnaddaf bid-​demm skond il-​Liġi, u jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” (Ebr. 9:22) Iżda, il-​valur tas-​sagrifiċċji tal-​annimali kien temporanju. Pawlu semma li dawn is-​sagrifiċċji kienu jfakkru lill-​Iżraelin li huma kienu midinbin u li kellhom bżonn sagrifiċċju akbar biex ineħħi d-​dnubiet tagħhom għalkollox. Iva, il-​Liġi kienet “dell taʼ l-​affarijiet tajbin li għandhom jiġu, imma mhux ir-​realtà tagħhom.” (Ebr. 10:1-​4) Allura, il-​maħfra tad-​dnub kif kienet se ssir possibbli?

13. Il-​fatt li Ġesù ppreżenta l-​valur tad-​demm tiegħu lil Ġeħova, xi jfisser għalik?

13 Aqra Efesin 1:7. Ġesù miet bħala sagrifiċċju għall-​bnedmin kollha, u dan għandu sinifikat kbir għal dawk li jħobbu lilu u lil Missieru. (Gal. 2:20) Minkejja dan, dak li Ġesù għamel wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu kien dak li verament ħelisna, u b’hekk għamilha possibbli li jinħafrulna dnubietna. Dan jidher minn dak li ġara f’Jum it-​Tpattija. Dakinhar, il-​qassis il-​kbir kien jieħu ftit mid-​demm tal-​annimali sagrifikati fl-​Iktar Qaddis u kien jippreżentah quddiem Alla, bħallikieku fil-​preżenza tiegħu. (Lev. 16:11-​15) B’mod simili, Ġesù daħal fis-​smewwiet bil-​valur tad-​demm uman tiegħu u ppreżentah lil Ġeħova. (Ebr. 9:6, 7, 11-​14, 24-​28) Kemm aħna grati li dnubietna jiġu maħfurin u l-​kuxjenza tagħna mnaddfa għax neżerċitaw il-​fidi fid-​demm taʼ Ġesù!

14, 15. Għala hu importanti li nifhmu u nobdu l-​liġi t’Alla dwar id-​demm?

14 Forsi issa tifhem aħjar għala Ġeħova jikkmandana biex ma nieklu l-​ebda “tip taʼ demm.” (Lev. 17:10) Qed tifhem int għala Alla jqis id-​demm bħala xi ħaġa sagra? Għax id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. (Ġen. 9:4) Ma taqbilx li għandna naċċettaw il-​ħarsa t’Alla lejn id-​demm u nobdu l-​kmand tiegħu biex nitbiegħdu minnu? L-​uniku mod kif jistaʼ jkollna paċi m’Alla hu billi jkollna fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u billi nifhmu li d-​demm hu prezzjuż ħafna għall-​Ħallieq tagħna.—Kol. 1:19, 20.

15 Kull wieħed minna jistaʼ ħabta u sabta jsib ruħu f’sitwazzjoni li jkollu jiddeċiedi jekk jaċċettax trasfużjoni tad-​demm, frazzjonijiet tad-​demm, jew xi proċeduri mediċi li jinvolvu d-​demm. Għalhekk, hu importanti ħafna li titlob lil Ġeħova, tagħmel riċerka, u tieħu deċiżjoni soda qabel ma tinqalaʼ xi emerġenza. Dan se jgħinek tkun sod f’li tirrifjuta d-​demm. Żgur li qatt ma rridu nweġġgħu lil Ġeħova billi naċċettaw xi ħaġa li jikkundanna! Illum, ħafna tobba u oħrajn iħeġġuna nagħtu d-​demm bit-​tama li jiġu salvati l-​ħajjiet tan-​nies. Però, il-​poplu qaddis taʼ Ġeħova jagħraf il-​fatt li l-​Ħallieq għandu d-​dritt jgħidilna kif għandu jintuża d-​demm. Għalih “kwalunkwe tip taʼ demm” hu sagru. Irridu nkunu determinati li nobdu l-​liġi tiegħu dwar id-​demm. Bil-​kondotta qaddisa tagħna, nuruh biċ-​ċar li tassew napprezzaw id-​demm taʼ Ġesù li permezz tiegħu ġejna salvati. Dan hu l-​uniku demm li jagħmel possibbli l-​maħfra tad-​dnub u l-​ħajja taʼ dejjem.—Ġw. 3:16.

Oħt Kristjana fl-isptar titkellem maʼ professjonisti mediċi

Determinat int li tobdi l-liġi taʼ Ġeħova dwar id-demm? (Ara paragrafi 14, 15)

ĠEĦOVA GĦALA JISTENNA LI NKUNU QADDISIN?

16. In-​nies taʼ Ġeħova għala jridu jkunu qaddisin?

16 Meta Alla kien qed jeħles lill-​Iżraelin mill-​jasar fl-​Eġittu, intqalilhom: “Jien Ġeħova li qed intellagħkom mill-​art taʼ l-​Eġittu biex nurikom li jien Alla; u intom tridu tkunu qaddisin, għaliex jien qaddis.” (Lev. 11:45) Ġeħova stenna li l-​Iżraelin ikunu qaddisin għax hu qaddis. U Ġeħova għadu jistenna l-​istess ħaġa minna llum. Il-​ktieb tal-​Levitiku juri dan b’mod ċar.

17. Kif tħossok issa dwar il-​ktieb Bibliku tal-​Levitiku?

17 Żgur li bbenefikajt minn din id-​diskussjoni taʼ xi punti mill-​ktieb tal-​Levitiku. X’aktarx li issa tapprezza dan il-​ktieb tal-​Bibbja ħafna iktar u tifhem aħjar ir-​raġunijiet għala rridu nkunu qaddisin. Imma, hemm xi ħaġa oħra li nistgħu nitgħallmu mill-​ktieb tal-​Levitiku? Dan il-​ktieb Bibliku kif jistaʼ jgħinna nqimu lil Alla b’mod nadif? Se niddiskutu dan fl-​artiklu li jmiss.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja