LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 11/15 pp. 18-22
  • “Il-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Il-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​PATT T’ALLA MAL-​POPLU TIEGĦU
  • ĠEĦOVA JSALVA LILL-​POPLU TIEGĦU
  • IL-​POPLU T’ALLA JSIR ĠENS
  • DAWK MHUX IŻRAELIN SETGĦU JQIMU MAL-​POPLU T’ALLA
  • ĠENS TAʼ XHIEDA
  • POPLU RIBELLUŻ
  • Imweldin fil-Ġens Magħżul minn Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Jehovah Hu Alla taʼ Pattijiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Xhieda Kontra l-Allat Foloz
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 11/15 pp. 18-22
Abraham iżomm lil ibnu Iżakk li għadu kif jitwieled waqt li żewġ nisa jieħdu ħsieb lil Sara

“Il-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova”

“Hieni l-​poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!”—SALM 144:15.

ARA JEKK TISTAX TWIEĠEB

  • Ġeħova meta beda jkollu poplu fuq l-​art?

  • L-​Iżraelin b’liema mod kellhom ikunu ġens taʼ xhieda?

  • L-​Iżraelin kif saru żleali, u Ġeħova x’bassar?

1. Xi wħud x’jemmnu dwar dawk li jaqdu ’l Alla?

ILLUM ħafna nies jgħidu li r-​reliġjonijiet il-​kbar ma tantx jgħinu lill-​bniedem. Xi wħud jaħsbu li Alla ma jistax japprova dawn ir-​reliġjonijiet minħabba li ma jgħallmux il-​verità dwaru u jagħmlu affarijiet mill-​agħar. Madankollu, spiss jemmnu li Alla jaċċetta n-​nies tajba taʼ kull reliġjon. Ma jemmnux li Alla jistenna li dawk li jaqduh għandhom jieqfu jieħdu sehem fir-​reliġjon falza. Imma jaqbel dan mal-​ħsieb t’Alla? Ejja nsibu t-​tweġiba billi naraw x’tgħid il-​Bibbja dwar il-​qaddejja veri taʼ Ġeħova matul l-​istorja.

IL-​PATT T’ALLA MAL-​POPLU TIEGĦU

2. (a) Min sar il-​poplu taʼ Ġeħova? (b) X’identifikahom bħala poplu li kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Madwar 4,000 sena ilu, Ġeħova għażel grupp biex ikun il-​poplu tiegħu fuq l-​art. Fil-​Bibbja, Abraham huwa msejjaħ “il-​missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-​fidi” u kien il-​mexxej taʼ familja kbira ħafna, b’mijiet taʼ qaddejja. (Rum. 4:11; Ġen. 14:14) Il-​mexxejja f’Kangħan kienu jqisuh bħala “kap taʼ tribù maħtur minn Alla” u ttrattawh b’rispett. (Ġen. 21:22; 23:6) Ġeħova għamel patt, jew ftehim, m’Abraham u d-​dixxendenti tiegħu. (Ġen. 17:1, 2, 19) Alla qal lil Abraham: “Dan hu l-​patt tiegħi li se tħarsu intom, bejni u bejnkom, u nislek warajk: Kull raġel u tifel fostkom irid jiġi ċirkonċiż. . . . U dan għandu jservi bħala sinjal tal-​patt bejni u bejnkom.” (Ġen. 17:10, 11) Fi qbil maʼ dan, Abraham innifsu, l-​irġiel, u t-​tfal subien kollha taʼ daru ġew ċirkonċiżi. (Ġen. 17:24-​27) Iċ-​ċirkonċiżjoni identifikat id-​dixxendenti t’Abraham bħala l-​uniku poplu li kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova.

3. Id-​dixxendenti t’Abraham kif saru poplu?

3 In-​neputi t’Abraham kien Ġakobb, jew Iżrael. Dan kellu 12-​il tifel. (Ġen. 35:10, 22b-​26) Maż-​żmien, dawn saru l-​missirijiet tat-​12-​il tribù taʼ Iżrael. (Atti 7:8) Ġużeppi, l-​iben taʼ Ġakobb, ittieħed l-​Eġittu, u iktar tard il-​Fargħun tah awtorità kbira. Matul żmien taʼ ġuħ, Ġużeppi kellu taħt il-​ħarsien tiegħu t-​tqassim tal-​ikel għall-​pajjiż kollu. Minħabba dan il-​ġuħ, Ġakobb u l-​familja tiegħu marru l-​Eġittu. (Ġen. 41:39-​41; 42:6) Id-​dixxendenti taʼ Ġakobb żdiedu ħafna u ssejħu “ġemgħa taʼ popli.”—Ġen. 48:4; aqra Atti 7:17.

ĠEĦOVA JSALVA LILL-​POPLU TIEGĦU

4. Għall-​ewwel, liema relazzjoni kien hemm bejn l-​Eġizzjani u d-​dixxendenti taʼ Ġakobb?

4 Id-​dixxendenti taʼ Ġakobb għexu iktar minn 200 sena f’parti mill-​Eġittu msejħa Gosen. (Ġen. 45:9, 10) Il-​Fargħun kien stieden lill-​Iżraelin biex jgħixu l-​Eġittu minħabba li kien jaf lil Ġużeppi u kien jirrispettah. (Ġen. 47:1-​6) Għal xi 100 sena kienu fil-​paċi mal-​Eġizzjani. L-​Iżraelin kienu jgħixu fi bliet żgħar u jrabbu l-​annimali. Għalkemm l-​Eġizzjani kienu jobogħdu lil nies li jirgħu n-​nagħaġ, kellhom jobdu lill-​Fargħun u jħallu lill-​Iżraelin jgħixu hemm.—Ġen. 46:31-​34.

5, 6. (a) Is-​sitwazzjoni tal-​poplu t’Alla kif inbidlet fl-​Eġittu? (b) Għala ma qatluhx lil Mosè, u Ġeħova x’għamel għall-​poplu Tiegħu?

5 Imma s-​sitwazzjoni tal-​poplu t’Alla nbidlet taʼ taħt fuq. “Għadda ż-​żmien u fl-​Eġittu laħaq sultan ġdid li ma kienx jafu lil Ġużeppi. U qal lill-​poplu tiegħu: ‘Ara! In-​nies taʼ wlied Israel huma iktar fl-​għadd u iktar setgħanin minna.’ Għaldaqstant, l-​Eġizzjani jassru b’tirannija lil ulied Israel. U baqgħu jagħmlulhom ħajjithom kollha mrar b’jasar iebes fix-​xogħol tat-​tajn magħmul mit-​tafal u tal-​madum u b’kull tip taʼ jasar fir-​rabaʼ, iva, kull tip taʼ jasar li fih użawhom b’tirannija bħala lsiera.”—Eżo. 1:8, 9, 13, 14.

6 Dan il-​Fargħun il-​ġdid ikkmanda wkoll biex it-​trabi subien kollha tal-​Iżraelin jiġu maqtula mat-​twelid. (Eżo. 1:15, 16) F’dan iż-​żmien twieled Mosè minn mara Iżraelija leali, Ġokebed. Meta Mosè kellu tliet xhur, ommu ħbietu qalb il-​qasab tax-​Xmara Nil, fejn sabitu bint il-​Fargħun. Iktar tard hi adottatu. Fortunatament, hi ħalliet lill-​omm Mosè biex tieħu ħsiebu għall-​ewwel snin taʼ ħajtu, u hu sar qaddej leali taʼ Ġeħova. (Eżo. 2:1-​10; Ebr. 11:23-​25) Ġeħova ra li l-​poplu tiegħu kien qed isofri u ddeċieda li juża lil Mosè biex joħroġhom mill-​Eġittu. (Eżo. 2:24, 25; 3:9, 10) B’dan il-​mod, Ġeħova “feda,” jew salva, lill-​Iżraelin.—Eżo. 15:13; aqra Dewteronomju 15:15.

IL-​POPLU T’ALLA JSIR ĠENS

7, 8. Il-​poplu taʼ Ġeħova kif sar ġens qaddis?

7 Għalkemm Ġeħova kien għadu m’organizzax lill-​Iżraelin bħala ġens bil-​liġijiet u s-​saċerdozju, hu għażilhom bħala l-​poplu tiegħu. B’hekk, Mosè u Aron kellhom l-​istruzzjoni biex lill-​Fargħun jgħidulu: “Hekk qal Ġeħova, l-​Alla taʼ Israel, ‘Ibgħat lin-​nies tiegħi sabiex jiċċelebrawli festa fix-​xagħri.’”—Eżo. 5:1.

8 Kien hemm bżonn l-​10 kastigi u l-​qerda tal-​Fargħun u l-​armata tiegħu fil-​Baħar l-​Aħmar sabiex jeħles lill-​ulied t’Iżrael mill-​moħqrija tal-​Eġizzjani. (Eżo. 15:1-​4) Inqas minn tliet xhur wara, Ġeħova għamel patt mal-​Iżraelin fuq il-​Muntanja Sinaj u għamel din il-​wegħda importanti: “Jekk tassew tobdu kliemi u tħarsu l-​patt tiegħi, imbagħad issiru l-​proprjetà speċjali tiegħi mill-​popli l-​oħrajn kollha, . . . ġens qaddis.”—Eżo. 19:5, 6.

9, 10. (a) Skont kif inhu spjegat f’​Dewteronomju 4:5-​8, il-​Liġi kif għamlet lill-​Iżraelin differenti mill-​ġnus l-​oħra? (b) L-​Iżraelin x’kellhom jagħmlu biex juru li kienu “poplu qaddis għal Ġeħova”?

9 Għal sekli sħaħ, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kienu jitmexxew mill-​kapijiet tal-​familja li kienu jaqdu bħala mexxejja, imħallfin, u qassisin. Fl-​Eġittu, l-​Iżraelin kienu jużaw din is-​sistema taʼ tmexxija qabel ma saru lsiera. (Ġen. 8:20; 18:19; Ġob 1:4, 5) Madankollu, wara li Ġeħova ħeles lill-​Iżraelin mill-​jasar, hu tahom liġijiet li kienu jagħmluhom differenti mill-​ġnus kollha l-​oħra. (Aqra Dewteronomju 4:5-​8; Salm 147:19, 20.) Il-​Liġi ħejjiet grupp taʼ nies minn tribù partikulari biex ikunu qassisin għall-​ġens. Barra minn hekk, il-​Liġi qalet li “x-​xjuħ,” li kienu rispettati għall-​għarfien u l-​għerf tagħhom, kellhom ikunu mħallfin. (Dt. 25:7, 8) Il-​Liġi tat lill-​poplu istruzzjonijiet dwar kif għandha ssir il-​qima tagħhom u dwar il-​ħajja taʼ kuljum tagħhom.

10 Eżatt qabel ma l-​Iżraelin daħlu fl-​Art Imwiegħda, Ġeħova rripetielhom il-​liġijiet tiegħu, u Mosè qalilhom: “Ġeħova qanqlek biex illum tgħid li se tkun il-​poplu tiegħu, proprjetà speċjali, sewwasew bħalma wiegħdek, u li int se tosserva l-​kmandamenti kollha tiegħu, u li hu se jgħollik ’il fuq mill-​ġnus l-​oħrajn kollha li għamel, u dan iġib tifħir u isem tajjeb u ġmiel, waqt li turi li int poplu qaddis għal Ġeħova Alla tiegħek.”—Dt. 26:18, 19.

DAWK MHUX IŻRAELIN SETGĦU JQIMU MAL-​POPLU T’ALLA

11, 12. Min beda jaqdi mal-​poplu t’Alla?

11 Għalkemm l-​Iżraelin kienu l-​ġens fuq l-​art magħżul minn Ġeħova, hu ħalla nies li ma kinux Iżraelin jgħixu mal-​poplu tiegħu. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid li “kotra mħallta kbira ħafna taʼ barranin,” fosthom Eġizzjani, ingħaqdu mal-​Iżraelin meta Alla ħariġhom mill-​Eġittu. (Eżo. 12:38) Aktarx, magħhom kien hemm xi “qaddejja tal-​Fargħun” li kienu obdew it-​twissija taʼ Mosè matul is-​sebaʼ kastig.—Eżo. 9:20.

12 Eżatt qabel ma l-​Iżraelin qasmu x-​Xmara Ġordan biex jidħlu f’Kangħan, Mosè qalilhom li għandhom ‘iħobbu lir-​resident barrani’ li jgħix magħhom. (Dt. 10:17-​19) Il-​poplu magħżul t’Alla kellu jaċċetta fil-​komunità tiegħu kwalunkwe barrani li kien lest li jobdi l-​liġijiet bażiċi mogħtija mingħand Mosè. (Lev. 24:22) Xi residenti barranin saru qaddejja taʼ Ġeħova. Dawn ħassew bħalma ħassitha Rut il-​Mowabija, li qalet lil Nagħomi l-​Iżraelija: “Il-​poplu tiegħek ikun il-​poplu tiegħi, u Alla tiegħek, Alla tiegħi.” (Rut 1:16) Dawk mhux Iżraelin kienu jissejħu proseliti, u l-​irġiel u t-​tfal subien kienu jiġu ċirkonċiżi. (Eżo. 12:48, 49) Ġeħova kien ferħan li jilqagħhom fost il-​poplu magħżul tiegħu.—Num. 15:14, 15.

L-Iżraelin jilqgħu lill-barranin fit-tinda tagħhom

L-Iżraelin kienu jħobbu lir-residenti barranin (Ara paragrafi 11-13)

13. Dawk li ma kinux Iżraelin, x’kellhom jagħmlu jekk riedu jaqdu lil Ġeħova?

13 Waħda mit-​talbiet taʼ Salamun ukoll turi li Ġeħova approva lill-​qaddejja li ma kinux Iżraelin. Meta t-​tempju kien ġie ddedikat, Salamun talab: “Kif ukoll lill-​barrani, li m’huwiex parti mill-​poplu tiegħek Israel u li jiġi minn art imbiegħda minħabba ismek il-​kbir u idek b’saħħitha u driegħek maħruġ ’il barra, u jiġi u jitlob lejn din id-​dar, isimgħu mis-​smewwiet, mill-​post stabbilit fejn tgħammar, u agħmel skond dak kollu li jsejjaħlek għalih il-​barrani; sabiex il-​popli kollha taʼ l-​art ikunu jafu lil ismek, u jibżgħu minnek bħalma jagħmel il-​poplu tiegħek Israel, u jkunu jafu li ismek ġie msejjaħ fuq din id-​dar li bnejt jien.” (2 Kron. 6:32, 33) Anki fi żmien Ġesù, dawk li ma kinux Iżraelin u li riedu jaqdu lil Ġeħova setgħu jagħmlu dan billi jaqdu mal-​poplu magħżul Tiegħu.—Ġw. 12:20; Atti 8:27.

ĠENS TAʼ XHIEDA

14, 15. L-​Iżraelin b’liema mod kellhom ikunu ġens taʼ xhieda għal Ġeħova?

14 L-​Iżraelin kienu jqimu lill-​Alla tagħhom, Ġeħova, imma ġnus oħra kienu jqimu lill-​allat tagħhom stess. Għaldaqstant kellha titwieġeb mistoqsija importanti: Min kien l-​Alla l-​veru? Fi żmien Isaija, Ġeħova qal li din il-​mistoqsija kellha tiġi mwieġba bl-​istess mod bħalma titwieġeb mistoqsija f’każ legali fil-​qorti. Hu qal li kieku l-​allat tal-​ġnus kienu reali, kien ikollhom iġibu x-​xhieda tagħhom stess għal dan il-​każ. Hu qal: “Ħa jġibu x-​xhieda tagħhom, sabiex jiġu dikjarati ġusti, jew ħa jisimgħu u jgħidu, ‘Din hi l-​verità!’”—Is. 43:9.

15 L-​allat tal-​ġnus ma setgħux jagħtu prova li huma allat taʼ vera. Kienu sempliċement idoli li ma jitkellmux u li kien hemm bżonn min iġorrhom. (Is. 46:5-​7) Mill-​banda l-​oħra, Ġeħova qal lill-​poplu tiegħu Iżrael: “Intom ix-​xhieda tiegħi, . . . iva, il-​qaddej tiegħi li jien għażilt, sabiex tkunu tafu u jkollkom il-​fidi fija, u sabiex tifhmu li jien l-​istess Wieħed. Qabli ma ssawwar ebda Alla, u warajja baqaʼ ma kien hemm ħadd. Jien—jien Ġeħova, u m’hemm ebda salvatur ħliefi. . . . Għalhekk, intom ix-​xhieda tiegħi, . . . u jien Alla.”—Is. 43:10-​12.

16. Alla xi stenna mill-​poplu tiegħu?

16 Bħal xhieda f’każ legali fil-​qorti, il-​poplu taʼ Ġeħova kellu l-​unur li jagħti prova li Ġeħova hu l-​uniku Alla veru. Hu sejħilhom “il-​poplu li sawwart għalija, sabiex jirrakkonta dwari affarijiet li jistħoqqilhom tifħir.” (Is. 43:21) Kienu magħrufa bħala l-​poplu taʼ Ġeħova. Minħabba li Ġeħova ħeles lill-​Iżrael mill-​Eġittu, hu stenna li jobduh mill-​qalb u li jigglorifikawh bħala s-​Sovran tagħhom. Dwar l-​attitudni li suppost kellhom, il-​profeta Mikea jgħid: “Il-​popli kollha, min-​naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu; imma aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mik. 4:5.

POPLU RIBELLUŻ

17. Ġeħova għala qabbel lill-​Iżraelin maʼ dielja bla użu?

17 B’dispjaċir, l-​Iżraelin ma kinux leali lejn Alla tagħhom, Ġeħova. Huma ħallew lilhom infushom jiġu influwenzati minn ġnus li kienu jqimu allat magħmulin mill-​injam u l-​ġebel, u għamlu ħafna artali għal qima falza. Madwar 2,800 sena ilu, il-​profeta Ħosea qal li Iżrael kien bħal dielja li m’għadhiex tagħmel frott tajjeb. Hu żied: “Qalbhom saret ipokrita; issa se jinstabu ħatjin.” (Ħos. 10:1, 2) Madwar 150 sena wara, Ġeremija wkoll qabbel lill-​Iżraelin li kienu ribellużi maʼ dielja. Iddeskriviehom bħala dielja mill-​aħjar li saret bla użu. Permezz taʼ Ġeremija, Ġeħova qal: “Fejn huma allatek li għamilt għalik? Ħa jqumu huma jekk jistgħu jsalvawk fi żmien il-​gwaj tiegħek.” Hu żied jgħid: “Il-​poplu tiegħi nsieni.”—Ġer. 2:21, 28, 32.

18, 19. (a) Ġeħova kif bassar li se jagħmel poplu ġdid għal ismu? (b) X’se neżaminaw fl-​artiklu li jmiss?

18 L-​Iżraelin kienu qed jagħmlu frott ħażin għax ma kinux qed iqimu lil Ġeħova kif suppost. Ma baqgħux ikunu x-​xhieda tiegħu, imma minflok bdew iqimu lill-​idoli. B’hekk, Ġesù qal lill-​mexxejja ipokriti Lhud taʼ żmienu: “Is-​saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħti l-​frott minnha.” (Mt. 21:43) Dawk biss li qegħdin fil-​‘patt il-​ġdid,’ imbassar minn Ġeħova permezz tal-​profeta tiegħu Ġeremija, setgħu jagħmlu parti minn dan il-​ġens il-​ġdid, jiġifieri l-​Iżrael spiritwali. Rigward l-​Iżraelin spiritwali li kienu se jiddaħħlu f’dan il-​patt il-​ġdid, Ġeħova pprofetizza: “Insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-​poplu tiegħi.”—Ġer. 31:31-​33.

19 Wara li l-​Iżraelin urew li kienu żleali, Ġeħova għażel l-​Iżrael spiritwali biex ikun il-​poplu tiegħu fl-​ewwel seklu. Imma min hu l-​poplu tiegħu fuq l-​art illum? Dawk taʼ qalb onesta, kif jistgħu jagħrfu l-​qaddejja veri t’Alla? Dan hu s-​suġġett tal-​artiklu li jmiss.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja