LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • wp19 Nru. 1 pp. 4-5
  • X’jismu Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’jismu Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA L-​ISEM T’ALLA HU IMPORTANTI
  • X’JIRRIVELA DAN L-​ISEM
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
  • Għala Għandna Nużaw l-Isem t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Onora l-Isem il-Kbir ta’ Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
wp19 Nru. 1 pp. 4-5

X’jismu Alla?

Meta tipprova ssir taf lil xi ħadd, aktarx li l-​ewwel ħaġa li tagħmel hi li tistaqsi, “X’jismek?” Kieku kellek tistaqsi din il-​mistoqsija lil Alla, x’jgħid hu?

“Jien Ġeħova. Dak hu ismi.”—Isaija 42:8.

Huwa dan l-​isem ġdid għalik? Jistaʼ jkun, għax ħafna tradutturi tal-​Bibbja ma tantx jużaw isem Alla, jekk biss jużawh. Ħafna drabi jpoġġu t-​titlu “MULEJ” minfloku. Iżda isem Alla fil-​fatt jidher xi 7,000 darba fit-​test tal-​lingwa oriġinali tal-​Bibbja. L-​isem fih erbaʼ konsonanti Ebrajċi, li huma ekwivalenti għal JĦWH jew JHVH, u matul l-​istorja ġie tradott “Jehovah” bl-​Ingliż.

L-isem t’Alla bl-Ebrajk fir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet

Romblu tal-Baħar il-Mejjet tas-Salmi L-1 seklu wara Kristu, BL-EBRAJK

L-isem t’Alla bl-Ingliż fit-traduzzjoni tal-Bibbja taʼ Tyndale

Traduzzjoni taʼ Tyndale 1530, BL-INGLIŻ

L-isem t’Alla bl-Ispanjol fil-verżjoni tal-Bibbja taʼ Reina-Valera

Verżjoni taʼ Reina-Valera 1602, BL-ISPANJOL

Isem Alla biċ-Ċiniż fil-Bibbja tal-Union Version

Union Version 1919, BIĊ-ĊINIŻ

L-​isem t’Alla jidher bosta drabi fit-​test Ebrajk u jinsab f’ħafna traduzzjonijiet

GĦALA L-​ISEM T’ALLA HU IMPORTANTI

L-​isem hu importanti għal Alla nnifsu. Ħadd ma ta isem lil Alla; hu għażlu għalih innifsu. Ġeħova ddikjara: “Dan hu ismi għal dejjem, u din hi t-​tifkira tiegħi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.” (Eżodu 3:15) Fil-​Bibbja, isem Alla jidher iktar spiss minn kwalunkwe titlu ieħor li għandu, bħal Dak li Jistaʼ Kollox, Missier, Mulej, jew Alla, u iktar spiss minn ismijiet persunali oħra, bħal Abraham, Mosè, David, jew Ġesù. Iktar minn hekk, hi r-​rieda taʼ Ġeħova li ismu jkun magħruf. Il-​Bibbja tgħid: “Biex in-​nies ikunu jafu li int, li ismek hu Ġeħova, int waħdek l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha.”—Salm 83:18.

L-​isem hu importanti għal Ġesù. Fit-​talba li hi magħrufa bħala t-​talba tal-​Missierna, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu bil-​ħrara lil Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” (Mattew 6:9) Ġesù nnifsu talab lil Alla: “Missier, igglorifika lil ismek.” (Ġwanni 12:28) Ġesù għamilha prijorità f’ħajtu li jigglorifika isem Alla; minħabba f’hekk setaʼ jgħid fit-​talb: “Għarrafthom ismek u nibqaʼ ngħarrfu.”—Ġwanni 17:26.

L-​isem hu importanti għal dawk li jafu lil Alla. In-​nies t’Alla fil-​passat fehmu li l-​protezzjoni u s-​salvazzjoni tagħhom kienu jmorru id f’id mal-​isem uniku t’Alla. “Isem Ġeħova hu torri b’saħħtu. Fih jidħol jiġri l-​ġust u jingħata l-​protezzjoni.” (Proverbji 18:10) “Kulmin isejjaħ isem Ġeħova jsalva.” (Ġoel 2:32) Il-​Bibbja turi li isem Alla kien se jiddistingwi lil dawk li kienu jaqduh. “Għax il-​popli kollha, min-​naħa tagħhom, se jimxu kull wieħed f’isem l-​alla tiegħu; imma aħna, min-​naħa tagħna, se nimxu f’isem Ġeħova Alla tagħna għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.”—Mikea 4:5; Atti 15:14.

X’JIRRIVELA DAN L-​ISEM

L-​isem jidentifika lil Alla b’mod uniku. Ħafna studjużi jikkonkludu li l-​isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Alla Ġeħova għenna nifhmu xi jfisser ismu meta kellem lil Mosè u rrefera għalih innifsu b’dan il-​kliem: “JIEN SE NSIR DAK LI RRID INSIR.” (Eżodu 3:14) Għalhekk, isem Alla jgħidilna iktar mis-​sempliċi fatt li hu l-​Ħallieq tal-​affarijiet kollha. Ismu jesprimi l-​abbiltà li hu jġiegħel lilu nnifsu kif ukoll il-​ħolqien tiegħu jsir dak kollu li hemm bżonn isir biex jitwettaq l-​iskop tiegħu. Filwaqt li t-​titli jistgħu jiddeskrivu l-​pożizzjoni, l-​awtorità, jew il-​qawwa t’Alla, ismu biss, Ġeħova, jirrappreżenta dak kollu li hu u li jistaʼ jsir.

L-​isem jirrivela kemm Alla hu interessat fina. It-​tifsir tal-​isem t’Alla jagħti x’jifhem li hu jibqaʼ juri affezzjoni lejn il-​ħolqien tiegħu, li jinkludi lilna. Iktar minn hekk, il-​fatt li Alla għamel lil ismu magħruf juri li hu jridna nsiru nafuh. Wara kollox, hu ħa l-​inizjattiva biex jgħidilna ismu ħafna żmien ilu, qabel ma twelidna jew saħansitra ħsibna dwaru. B’mod ċar, Alla ma jridniex inqisuh bħala xi alla ’l bogħod minna u li ma jistax ikollna relazzjoni qrib miegħu, imma bħala Persuna reali, xi ħadd li nistgħu nersqu qrib lejh.—Salm 73:28.

Li nużaw isem Alla jirrivela kemm jinteressana minnu. Biex nagħtu eżempju, għandek mnejn tgħid lil xi ħadd li tixtieq tagħmel ħbieb miegħu biex jindirizzak b’ismek. Kif tħossok kieku dak l-​individwu b’mod persistenti jirrifjuta li jagħmel dan? Maż-​żmien aktarx li titħasseb jekk dak l-​individwu jridx verament ikun ħabib tiegħek. U l-​istess ħaġa maʼ Alla. Ġeħova qal lill-​bnedmin x’jismu u jinkuraġġina biex nużaw dak l-​isem. Meta nagħmlu hekk, nuru lil Ġeħova li rridu nersqu eqreb tiegħu. Hu saħansitra jinnota lil “dawk li jaħsbu fuq [jew, “jgħożżu”, Il-​Bibbja, Saydon] ismu.”—Malakija 3:16.

Li nitgħallmu dwar l-​isem t’Alla hu l-​ewwel pass importanti biex insiru nafuh. Imma m’għandniex nieqfu hemm. Għandna bżonn insiru nafu lill-​Persuna wara dak l-​isem. Irridu nitgħallmu x’tip taʼ persuna hu.

X’JISMU ALLA? Alla jismu Ġeħova. Dan l-​isem b’mod uniku jidentifika lil Alla bħala Persuna, bħala l-​wieħed li jistaʼ jwettaq l-​iskop tiegħu

MIN ĦALAQ LIL ALLA?

Din hi mistoqsija li ħafna ħasbu dwarha. Forsi int ukoll. Nistgħu npoġġuha b’dan il-​mod: Jekk l-​univers, u dak kollu li hemm fih, kellu bidu jew ħallieq, mela min ħalaq lil Alla?

Ix-​xjentisti b’mod ġenerali jaqblu li l-​univers kellu bidu. Fi qbil maʼ din l-​idea bażika, l-​ewwel vers tal-​Bibbja jgħid: “Fil-​bidu Alla ħalaq is-​smewwiet u l-​art.”—Ġenesi 1:1.

L-​istilel u l-​pjaneti kollha ma jistax ikun li nħalqu waħedhom. Biex xi ħaġa tibda teżisti, bilfors li xi ħadd irid joħloqha. Mingħajr ħallieq, dak kollu li hawn madwarna, inkluż aħna stess, kieku ma jeżistix. Iva, jekk ma jkunx hemm bidu lanqas ikun hemm riżultat aħħari. Għalhekk, żgur li hemm ħallieq! Hu spirtu setgħan ħafna, u ismu hu Ġeħova.—Ġwanni 4:24.

Dwar Alla, il-​Bibbja tgħid: “Qabel ma twieldu l-​muntanji, jew ġibt l-​art, kif ukoll l-​art produttiva, . . . minn dejjem għal dejjem int Alla.” (Salm 90:2) Għalhekk, Alla ma ġiex maħluq; hu minn dejjem kien jeżisti. Imbagħad, “fil-​bidu” hu ħalaq l-​univers.—Rivelazzjoni 4:11.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja