LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w19 Mejju pp. 8-13
  • L-imħabba u l-ġustizzja minkejja l-ħażen

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-imħabba u l-ġustizzja minkejja l-ħażen
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • DNUB SERJU
  • L-​ANZJANI X’JAGĦMLU META XI ĦADD JAGĦMEL DNUB SERJU?
  • KIF TIPPROTEĠI LIL ULIEDEK
  • Kif Tipproteġi lil Uliedek
    Stenbaħ!—2008
  • Nipprovdu faraġ lill-vittmi t’abbuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Il-​Kriżi Tinsab Madwar Id-​dinja Kollha
    Stenbaħ!—1999
  • X’għandi nkun naf dwar l-attakki sesswali?—It-2 parti: Kif tistaʼ tħossok aħjar
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
w19 Mejju pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

L-imħabba u l-ġustizzja minkejja l-ħażen (It-3 Parti minn 4)

“Int m’intix Alla li titgħaxxaq bil-​ħażen; ħadd ħażin ma jistaʼ jgħammar miegħek.”—SALM 5:4.

GĦANJA 142 Inżommu mat-​tama tagħna sat-​tmiem

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1-3. (a) Skont Salm 5:4-6, Ġeħova kif iħossu dwar il-​ħażen? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​abbuż fuq it-​tfal hu kuntrarju għal-​“liġi tal-​Kristu”?

ALLA ĠEĦOVA jobgħod kull tip taʼ ħażen. (Aqra Salm 5:4-6.) Hu speċjalment jobgħod l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal, li hu dnub mill-​agħar u orribbli li jqażżek. Peress li nimitaw lil Ġeħova, bħala x-​Xhieda tiegħu aħna nistmerru l-​abbuż fuq it-​tfal u ma nittollerawhx fil-​kongregazzjonijiet Kristjani tagħna.—Rum. 12:9; Ebr. 12:15, 16.

2 Kwalunkwe att t’abbuż fuq it-​tfal hu assolutament kuntrarju għal-​“liġi tal-​Kristu”! (Gal. 6:2) Dan għala nistgħu ngħiduh? Bħalma tgħallimna fl-​artiklu taʼ qabel dan, il-​liġi tal-​Kristu, jiġifieri dak kollu li Ġesù għallem kemm bil-​kliem kif ukoll bl-​eżempju, hi mibnija fuq l-​imħabba u tippromwovi l-​ġustizzja. Gwidati b’din il-​liġi, il-​Kristjani veri jittrattaw lit-​tfal b’mod li jagħmilhom iħossuhom protetti u veru maħbubin. Iżda l-​abbuż fuq it-​tfal hu att magħmul b’egoiżmu u inġustizzja li jġegħelhom iħossuhom bla protezzjoni u mhux maħbubin.

3 B’dispjaċir, l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal hu problema serja mifruxa mad-​dinja kollha, u xi Kristjani veri ġew affettwati b’din il-​problema. Għala? Għax qed jiżdiedu “n-​nies mill-​agħar u l-​impusturi,” u xi wħud għandhom mnejn jipprovaw jidħlu fil-​kongregazzjoni. (2 Tim. 3:13) Ukoll, xi wħud li jgħidu li huma parti mill-​kongregazzjoni ċedew għal xewqat immorali tal-​ġisem u abbużaw sesswalment mit-​tfal. Ejja niddiskutu għala l-​abbuż fuq it-​tfal hu dnub daqstant serju. Imbagħad se nikkunsidraw kif l-​anzjani jittrattaw każi taʼ dnubiet serji, inkluż l-​abbuż fuq it-​tfal, u kif il-​ġenituri jistgħu jipproteġu lit-​tfal tagħhom.b

DNUB SERJU

4-5. L-​abbuż fuq it-​tfal għala hu dnub kontra l-​vittma?

4 Il-​konsegwenzi tal-​abbuż fuq it-​tfal idumu jinħassu għal żmien twil. Jiġu affettwati l-​vittmi kif ukoll dawk li jimpurtahom mill-​vittmi—il-​membri tal-​familja tagħhom u ħuthom irġiel u nisa Kristjani. L-​abbuż fuq it-​tfal hu dnub serju.

5 Dnub kontra l-​vittma.c Huwa dnub li tweġġaʼ lil oħrajn u ġġegħelhom ibatu. Bħalma se naraw fl-​artiklu li jmiss, dak li jabbuża mit-​tfal jagħmel propju dan—iweġġaʼ lit-​tifel jew tifla b’modi li jagħmlu ħafna ħsara. Hu jittradixxi l-​fiduċja tat-​tfal, u b’hekk ma jibqgħux iħossuhom fis-​sigurtà. It-​tfal għandhom jiġu protetti minn għemil mill-​agħar bħal dan, u dawk li kienu vittmi tiegħu jeħtieġu l-​faraġ u l-​għajnuna.—1 Tess. 5:14.

6-7. L-​abbuż fuq it-​tfal għala hu dnub kontra l-​kongregazzjoni u kontra l-​awtoritajiet governattivi?

6 Dnub kontra l-​kongregazzjoni. Meta xi ħadd li jkun parti mill-​kongregazzjoni jsir ħati t’abbuż fuq it-​tfal, hu jġib tmaqdir fuq il-​kongregazzjoni. (Mt. 5:16; 1 Pt. 2:12) Kemm hu inġust dan għall-​miljuni taʼ Kristjani leali li qegħdin ‘jiġġieldu bl-​aħrax għall-​fidi’! (Ġuda 3) Aħna ma nittollerawx fostna individwi li bla ma jindmu jagħmlu affarijiet mill-​agħar u li jġibu tmaqdir fuq l-​isem tajjeb tal-​kongregazzjoni.

7 Dnub kontra l-​awtoritajiet governattivi. Il-​Kristjani għandhom ikunu ‘sottomessi lejn l-​awtoritajiet superjuri.’ (Rum. 13:1) Aħna nuru s-​sottomissjoni tagħna billi nuru rispett xieraq lejn il-​liġijiet tal-​pajjiż. Jekk xi ħadd fil-​kongregazzjoni jsir ħati taʼ ksur taʼ liġi kriminali, bħal li jikkommetti abbuż sesswali fuq it-​tfal, hu jkun qed jidneb kontra l-​awtoritajiet governattivi. (Qabbel Atti 25:8.) L-​anzjani m’għandhomx l-​awtorità li jikkastigaw nies li jiksru l-​liġi. Madankollu, huma ma jipproteġux lil wieħed li jabbuża mit-​tfal mill-​kastig tal-​gvern għall-​abbuż fuq it-​tfal. (Rum. 13:4) Il-​midneb jaħsad dak li żeraʼ.—Gal. 6:7.

8. Ġeħova kif iqis id-​dnubiet li jsiru kontra l-​bnedmin?

8 Fuq kollox, dnub kontra Alla. (Salm 51:4) Meta bniedem jidneb kontra bniedem ieħor, hu jidneb ukoll kontra Ġeħova. Aħseb ftit dwar eżempju mil-​Liġi li Alla ta lil Iżrael. Il-​Liġi qalet li raġel li seraq lil sieħbu jew li qarraq bih ma kienx qed ‘juri fedeltà lejn Ġeħova.’ (Lev. 6:2-​4) Mela allura, meta individwu li jkun parti mill-​kongregazzjoni jabbuża minn xi tifel jew tifla, u b’hekk dawn ma jibqgħux iħossuhom fis-​sigurtà, hu ma jkunx qed juri fedeltà lejn Alla. Il-​wieħed li jabbuża jġib tmaqdir kbir fuq l-​isem taʼ Ġeħova. Għal din ir-​raġuni, l-​abbuż għandu jiġi kkundannat għal dak li hu—dnub serju kontra Alla.

9. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova x’informazzjoni Skritturali pprovdiet matul is-​snin, u għala?

9 Matul is-​snin, l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet abbundanza taʼ informazzjoni Skritturali fuq is-​suġġett tal-​abbuż fuq it-​tfal. Pereżempju, artikli f’It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! iddiskutew kif dawk li ġew abbużati sesswalment jistgħu jittrattaw maʼ wġigħ emozzjonali, kif oħrajn jistgħu jgħinuhom u jinkuraġġuhom, u kif il-​ġenituri jistgħu jipproteġu lil uliedhom. L-​anzjani rċivew taħriġ Skritturali dettaljat dwar x’jagħmlu meta xi ħadd jabbuża mit-​tfal. L-​organizzazzjoni tkompli tirrivedi l-​mod kif l-​anzjani jittrattaw id-​dnub tal-​abbuż fuq it-​tfal. Għala? Biex tkun ċerta li l-​mod tagħna taʼ kif nittrattaw mal-​kwistjoni jkun fi qbil mal-​liġi tal-​Kristu.

L-​ANZJANI X’JAGĦMLU META XI ĦADD JAGĦMEL DNUB SERJU?

10-12. (a) L-​anzjani xi jżommu f’moħħhom meta jittrattaw xi kwistjoni li tinvolvi dnub serju, u dwar xiex għandhom jaħsbu sew? (b) Skont Ġakbu 5:14, 15, l-​anzjani x’jipprovaw jagħmlu?

10 Meta l-​anzjani jittrattaw xi kwistjoni li tinvolvi dnub serju, huma jżommu f’moħħhom li l-​liġi tal-​Kristu teħtieġ li jittrattaw il-​merħla bi mħabba u li jagħmlu dak li hu tajjeb u ġust f’għajnejn Alla. B’hekk, huma għandhom jaħsbu sew dwar diversi affarijiet meta jsiru jafu li xi ħadd għamel dnub serju. L-​iktar mira importanti li jkollhom l-​anzjani hi li jonoraw lil Ġeħova u li jipproteġu r-​reputazzjoni tiegħu. (Lev. 22:31, 32; Mt. 6:9) Mira oħra importanti ħafna hi li jgħinu lil ħuthom fil-​kongregazzjoni biex jibqgħu qrib taʼ Ġeħova u li jfarrġu u jappoġġjaw lil dawk li sfaw vittmi taʼ dnub serju.

11 Ukoll, jekk min għamel il-​ħażen ikun parti mill-​kongregazzjoni u jkun nidem, l-​anzjani jipprovaw jgħinuh jerġaʼ jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. (Aqra Ġakbu 5:14, 15.) Kristjan li jċedi għal xewqa ħażina u jagħmel dnub serju jkun marid spiritwalment. Dan ifisser li ma jkunx għad għandu relazzjoni b’saħħitha maʼ Ġeħova.d F’ċertu sens, l-​anzjani huma tobba spiritwali. Huma jipprovaw ‘ifejqu lill-​marid,’ li f’dan il-​każ hu dak li dineb. Il-​parir Skritturali tagħhom jistaʼ jgħinu biex jerġaʼ jikseb ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla, imma dan hu possibbli biss jekk hu niedem ġenwinament.—Atti 3:19; 2 Kor. 2:5-​10.

12 Biċ-​ċar, l-​anzjani għandhom responsabbiltà serja. Huma jimpurtahom ħafna mill-​merħla li Alla fdalhom f’idejhom. (1 Pt. 5:1-​3) Huma jridu lil ħuthom iħossuhom fis-​sigurtà fil-​kongregazzjoni. Għalhekk, jaġixxu fil-​pront meta jirċievu rapport taʼ dnub serju, inkluż l-​abbuż fuq it-​tfal. Ikkunsidra l-​mistoqsijiet li jidhru fil-​bidu taʼ paragrafi 13, 15, u 17.

13-14. L-​anzjani jaġixxu fi qbil mal-​liġijiet tal-​pajjiż dwar li jirrapportaw allegazzjoni t’abbuż fuq it-​tfal? Spjega.

13 L-​anzjani jaġixxu fi qbil mal-​liġijiet tal-​pajjiż dwar li jirrapportaw allegazzjoni t’abbuż fuq it-​tfal lill-​awtoritajiet governattivi? Iva. F’pajjiżi fejn jeżistu liġijiet bħal dawn, l-​anzjani jaġixxu fi qbil mal-​liġijiet tal-​pajjiż dwar li jirrapportaw allegazzjonijiet t’abbuż. (Rum. 13:1) Liġijiet bħal dawn ma jmorrux kontra l-​liġi t’Alla. (Atti 5:28, 29) Allura meta jsiru jafu b’allegazzjoni, l-​anzjani mill-​ewwel jikkuntattjaw lill-​uffiċċju tal-​fergħa sabiex jistaqsu kif jistgħu jobdu l-​liġijiet dwar li jirrapportawha.

14 L-​anzjani jaċċertaw lill-​vittmi u l-​ġenituri tagħhom u oħrajn li jafu bil-​kwistjoni li huma liberi li jirrapportaw allegazzjoni t’abbuż lill-​awtoritajiet governattivi. Imma xi ngħidu jekk ir-​rapport jinvolvi lil xi ħadd li jkun parti mill-​kongregazzjoni u l-​kwistjoni mbagħad issir magħrufa fil-​komunità? Għandu l-​Kristjan li rrapportaha jħoss li ġab tmaqdir fuq l-​isem t’Alla? Le. Dak li abbuża hu l-​wieħed li jġib tmaqdir fuq isem Alla.

15-16. (a) Skont l-​1 Timotju 5:19, għala minn tal-​inqas żewġ xhieda huma meħtiġin qabel l-​anzjani jieħdu azzjoni ġudizzjali? (b) X’jagħmlu l-​anzjani meta jsiru jafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni jkun ġie akkużat b’abbuż fuq it-​tfal?

15 Fil-​kongregazzjoni, qabel ma l-​anzjani jieħdu azzjoni ġudizzjali, għala minn tal-​inqas żewġ xhieda huma meħtiġin? Din il-​ħtieġa hi parti mil-​livell għoli taʼ ġustizzja tal-​Bibbja. Meta xi ħadd jiġi akkużat bi dnub serju, imma ma jammettix li għamlu, għandu jkun hemm żewġ xhieda qabel ma l-​anzjani jkunu jistgħu jifformaw kumitat ġudizzjali. (Dt. 19:15; Mt. 18:16; aqra l-​1 Timotju 5:19.) Ifisser dan li qabel ma allegazzjoni t’abbuż tkun tistaʼ tiġi rapportata lill-​awtoritajiet, żewġ xhieda huma meħtiġin? Le. L-​anzjani jew oħrajn m’għandhomx bżonn żewġ xhieda biex jirrapportaw kwistjoni bħal din lill-​awtoritajiet governattivi lokali.

16 Meta jsiru jafu li xi ħadd fil-​kongregazzjoni jkun ġie akkużat b’abbuż fuq it-​tfal, l-​anzjani jaġixxu fi qbil maʼ kwalunkwe liġijiet tal-​pajjiż dwar li jirrapportaw il-​kwistjoni, u mbagħad jipprovaw jiskopru x’ġara eżattament. Wara dan, skont dak li tgħid il-​Bibbja, huma jiddeterminaw jekk ikollhomx bżonn jifformaw kumitat ġudizzjali. Jekk l-​individwu jiċħad l-​akkuża, l-​anzjani jikkunsidraw ix-​xhieda taʼ oħrajn. Jekk dak li għamel l-​akkuża u minn tal-​inqas persuna oħra jivverifikaw dan l-​att jew atti oħrajn t’abbuż fuq it-​tfal, imbagħad l-​anzjani jkollhom biżżejjed provi biex jifformaw kumitat ġudizzjali.e Il-​fatt li ma jkunx hemm it-​tieni xhud ma jfissirx li dak li għamel l-​akkuża mhux qed jgħid il-​verità. Anke jekk akkuża taʼ dnub serju ma tiġix stabbilita minn żewġ xhieda, l-​anzjani jirrikonoxxu li setaʼ sar dnub serju, dnub li weġġaʼ ħafna lil oħrajn. L-​anzjani jipprovdu appoġġ kontinwu lil kwalunkwe individwi li setgħu ġew imweġġgħin. Flimkien maʼ dan, l-​anzjani se joqogħdu ħafna attenti biex jipproteġu lill-​kongregazzjoni minn xi periklu li jistaʼ jkun hemm mill-​persuna li setgħet abbużat mit-​tfal.—Atti 20:28.

17-18. Spjega l-​irwol tal-​kumitat ġudizzjali.

17 X’inhu l-​irwol tal-​kumitat ġudizzjali? It-​terminu “ġudizzjali” ma jfissirx li l-​anzjani jiġġudikaw jekk dak li abbuża għandux jiġi kkastigat mill-​awtoritajiet talli kiser il-​liġi. L-​anzjani ma jindaħlux fl-​inforzar tal-​liġi; huma jħallu l-​kwistjonijiet kriminali f’idejn l-​awtoritajiet governattivi. (Rum. 13:2-​4; Titu 3:1) Minflok, l-​anzjani jiġġudikaw, jew jiddeterminaw, jekk individwu jistax jibqaʼ fil-​kongregazzjoni.

18 Meta l-​anzjani jaqdu f’kumitat ġudizzjali, l-​irwol tagħhom hu spiritwali, jew reliġjuż. Gwidati bl-​Iskrittura, huma jiġġudikaw jekk dak li abbuża hux niedem jew le. Jekk ma jindimx, jitkeċċa, u jsir avviż lill-​kongregazzjoni. (1 Kor. 5:11-​13) Jekk jindem, hu jistaʼ jibqaʼ fil-​kongregazzjoni. Madankollu, l-​anzjani se jinformawh li mhux se jitħalla jkollu privileġġi fil-​kongregazzjoni għal ħafna snin, jew forsi għall-​bqija taʼ ħajtu. Peress li l-​anzjani jimpurtahom verament mill-​protezzjoni tat-​tfal, huma jistgħu fil-​privat javżaw lill-​ġenituri fil-​kongregazzjoni li għandhom bżonn joqogħdu attenti meta wliedhom ikunu viċin dik il-​persuna. Meta l-​anzjani jagħmlu dan, huma joqogħdu attenti biex ma jikxfux l-​identità taʼ dawk li ġew abbużati.

KIF TIPPROTEĠI LIL ULIEDEK

Ġenituri jistudjaw maʼ wliedhom il-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir

Ġenituri jipproteġu lil uliedhom mill-abbuż sesswali billi jistudjaw magħhom informazzjoni addattata għalihom dwar is-sess. Biex jagħmlu dan, il-ġenituri jużaw l-informazzjoni li l-organizzazzjoni t’Alla pprovdiet. (Ara paragrafi 19-22)

19-22. X’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri biex jipproteġu lil uliedhom? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

19 Min għandu r-​responsabbiltà jipproteġi lit-​tfal mill-​periklu? Il-​ġenituri.f It-​tfal tiegħek huma rigal għalik mingħand Alla, “wirt mingħand Ġeħova.” (Salm 127:3) Hija r-​responsabbiltà tiegħek li tipproteġi dak li fdalek f’idejk. X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lil uliedek mill-​abbuż?

20 L-​ewwel, eduka lilek innifsek dwar l-​abbuż. Tgħallem dwar it-​tip taʼ individwi li jabbużaw mit-​tfal u t-​tattiki li jużaw biex iqarrqu bihom. Żomm għajnejk miftuħin għall-​perikli li jistaʼ jkun hemm. (Prov. 22:3; 24:3) Ftakar li fil-​biċċa l-​kbira, dak li jabbuża jkun xi ħadd li t-​tifel jew tifla diġà taf u tafda.

21 It-​tieni, żomm komunikazzjoni tajba maʼ wliedek. (Dt. 6:6, 7) Dan jinkludi li tkun semmiegħ tajjeb. (Ġak. 1:19) Ftakar li ħafna drabi t-​tfal iżommu lura milli jirrapportaw l-​abbuż. Għandhom mnejn jibżgħu li ma jiġux emmnuti, jew jistaʼ jkun li dak li abbużahom heddidhom biex ma jitkellmux. Jekk tħoss li hemm xi ħaġa ħażina, b’qalb tajba għinhom jitkellmu permezz taʼ mistoqsijiet li tagħmlilhom u mbagħad bil-​paċenzja ismaʼ dak li jgħidulek.

22 It-​tielet, eduka lit-​tfal tiegħek. Aqsam magħhom informazzjoni dwar is-​sess skont l-​età tagħhom. Għallimhom x’jgħidu u x’jagħmlu jekk xi ħadd jipprova jmisshom b’mod li ma jixraqx. Uża l-​informazzjoni li l-​organizzazzjoni t’Alla pprovdiet fuq kif tipproteġi lil uliedek.—Ara l-​kaxxa “Tgħallem int u għallem lil uliedek.”

Pubblikazzjonijiet u vidjows li l-ġenituri jistgħu jużaw biex jitgħallmu huma u jgħallmu lil uliedhom

Tgħallem int u għallem lil uliedek

Għall-​użu tal-​ġenituri mat-​tfal tagħhom

  • “Your Child Is in Danger!,” “How Can We Protect Our Children?,” u “Prevention in the Home” Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 t’Ottubru 1993

  • “Periklu li Jikkonċerna lil Kull Ġenitur,” “Kif Tipproteġi lil Uliedek,” u “Agħmel lill-​Familja Tiegħek Post taʼ Protezzjoni” Stenbaħ! Jannar-​Marzu, 2008

  • “Kif Tkun Missier Tajjeb” It-​Torri tal-​Għassa, Jannar-​Marzu, 2009

  • “Kellem lil Uliedek Dwar is-​Sess” It-​Torri tal-​Għassa, Jannar-​Marzu, 2011

  • Aħna nipproteġu lil uliedna, vidjow disponibbli fuq JW Broadcasting®

  • “Jehovah’s Witnesses Educate Parents and Children to Protect Against Sexual Predators,” disponibbli fuq jw.org® (Ikklikkja fuq ABOUT US > ACTIVITIES > HELPING THE COMMUNITY.)

  • “Il-​Ġenituri Kif Jistgħu Jgħallmu lil Uliedhom Dwar is-​Sess?” disponibbli fuq jw.org (Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > MISTOQSIJIET DWAR IL-​BIBBJA MWEĠBIN > STIL TAʼ ĦAJJA U MORALI.)

  • Tgħallem mill-​Għalliem il-Kbir, kapitli 10 u 32

  • Sir ħabib taʼ Ġeħova—Ipproteġi lit-​tfal tiegħek, vidjow disponibbli fuq jw.org (Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > TFAL > SIR ĦABIB TAʼ ĠEĦOVA.)

Għaż-​żgħażagħ

  • Dak li jgħidu żgħażagħ oħra—Sexual Harassment, vidjow disponibbli fuq jw.org (Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ > DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK.)

  • “Kif Nistaʼ Nipproteġi Ruħi mill-​Predaturi Sesswali?” Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, l-​1 Volum, kapitlu 32

  • “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—X’għandi nkun naf dwar l-​attakki sesswali?—L-​1 parti: Prekawzjonijiet,” disponibbli fuq jw.org (Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ > IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU.)

  • “X’għandi nkun naf dwar l-​attakki sesswali?” Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-​żgħażagħ jistaqsu, Mistoqsija 8

Faraġ għall-​vittmi

  • “Help for the Victims of Incest” It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​1 t’Ottubru 1983

  • “The Innocent Victims of Child Abuse” u “The Secret Wounds of Child Abuse” Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 t’Ottubru 1991

  • “Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—X’għandi nkun naf dwar l-​attakki sesswali?—It-​2 parti: Kif tistaʼ tħossok aħjar,” disponibbli fuq jw.org (Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ > IŻ-​ŻGĦAŻAGĦ JISTAQSU.)

  • “Ġeħova għamel tant għalija” vidjow disponibbli fuq JW Broadcasting (Ikklikkja fuq VIDJOWS REKORDJATI > INTERVISTI U ESPERJENZI > IL-​VERITÀ TBIDDEL IL-​ĦAJJIET.)

  • “Nipprovdu faraġ lill-​vittmi t’abbuż” It-​Torri tal-​Għassa, Mejju 2019, Artiklu għall-​istudju 20

23. Aħna kif inqisu l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal, u liema mistoqsija se titwieġeb fl-​artiklu li jmiss?

23 Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna nqisu l-​abbuż sesswali fuq it-​tfal bħala dnub serju u att kriminali terribbli. Peress li qegħdin taħt il-​liġi tal-​Kristu, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jipproteġux lil dawk li jabbużaw mill-​konsegwenzi taʼ dnubiethom. Sadanittant, x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil xi ħadd minn ħutna li sofra minħabba abbuż? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

INT KIF TWIEĠEB?

  • L-​abbuż fuq it-​tfal għala hu dnub serju?

  • Meta l-​anzjani jittrattaw maʼ każi taʼ dnub serju, dwar xiex għandhom jaħsbu?

  • Il-​ġenituri kif jistgħu jipproteġu lit-​tfal tagħhom mill-​abbuż?

GĦANJA 103 Ir-​ragħajja—Irġiel bħala għotjiet

a Dan l-​artiklu se jikkunsidra kif nistgħu nipproteġu lit-​tfal mill-​abbuż sesswali. Se nitgħallmu kif l-​anzjani jaġixxu għall-​benefiċċju tal-​kongregazzjoni u kif il-​ġenituri jistgħu jipproteġu lil uliedhom.

b ESPRESSJONIJIET SPJEGATI: L-​abbuż sesswali fuq it-​tfal jiġri meta adult juża tifel jew tifla biex jissodisfa x-​xewqat sesswali tiegħu. Dan jistaʼ jinkludi l-​att sesswali; is-​sess orali jew anali; it-​tmesmis tal-​partijiet privati, tas-​sider, jew tal-​warrani; jew atti immorali oħra. Waqt li l-​biċċa l-​kbira mill-​vittmi huma bniet, ħafna subien jiġu abbużati wkoll. Għalkemm il-​biċċa l-​kbira taʼ dawk li jabbużaw huma rġiel, xi nisa wkoll jabbużaw mit-​tfal.

c ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-​artiklu u fil-​wieħed li jmiss, il-​kelma “vittma” tirreferi għal xi ħadd li ġie abbużat sesswalment meta kien tifel jew tifla. Aħna nużaw dan it-​terminu biex ikun ċar li min ġie abbużat ġie mweġġaʼ u ttieħed vantaġġ minnu u li hu innoċenti.

d Il-​mard spiritwali mhux skuża għal dnub serju. Il-​midneb hu responsabbli għalkollox għall-​għażliet u azzjonijiet ħżiena tiegħu u jrid jagħti kont lil Ġeħova.—Rum. 14:12.

e Tifel jew tifla qatt mhi se tiġi mitluba mill-​anzjani biex tkun preżenti meta dawn ikellmu lill-​akkużat fuq l-​abbuż. Ġenitur jew adult ieħor fdat mit-​tifel jew tifla jistaʼ jgħid lill-​anzjani dak li t-​tifel jew tifla tgħid li jkun ġara. B’dan il-​mod, it-​tfal ma jkollhomx għalfejn isofru iktar.

f L-​informazzjoni mogħtija hawn lill-​ġenituri tapplika wkoll għal xi ħadd li jrabbi tifel jew tifla li mhix tiegħu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja