ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 24
Eħilsu minn kull idea li tmur kontra t-tagħlim t’Alla!
“Qed inwaqqgħu r-raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-għarfien dwar Alla.”—2 KOR. 10:5.
GĦANJA 124 Dejjem leali
ĦARSA BIL-QUDDIEMa
1. Liema twissija kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani midlukin?
“TIBQGĦUX,” wissa l-appostlu Pawlu. Tibqgħux xiex? “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema.” (Rum. 12:2) Pawlu kiteb dan il-kliem lill-Kristjani tal-ewwel seklu. Għala kien ta twissija daqstant diretta lil irġiel u nisa li diġà kienu dedikati lil Alla u midlukin bl-ispirtu qaddis?—Rum. 1:7.
2-3. Satana kif jipprova jbegħedna minn Ġeħova, iżda aħna kif nistgħu nneħħu kompletament affarijiet li huma “stabbiliti fis-sod” f’moħħna?
2 Pawlu kien konċernat għaliex xi Kristjani milli jidher kienu qed jiġu influwenzati minn ideat u filosofiji taʼ ħsara li nsibu fid-dinja taʼ Satana. (Efes. 4:17-19) Dan jistaʼ jiġri lil kull wieħed minna. F’attentat iddisprat biex ibegħedna minn Ġeħova, Satana, l-alla taʼ din is-sistema, juża diversi tattiki. Waħda minnhom hi li jieħu vantaġġ minn xi xewqa li għandu mnejn ikollna biex inkunu ambizzjużi jew famużi. Hu jistaʼ saħansitra jipprova juża l-affarijiet li tgħallimna mid-dar, mill-iskola, u min-nies madwarna sabiex iġegħelna naħsbu bil-mod li jridna hu.
3 Huwa possibbli għalina li nneħħu kompletament affarijiet li huma “stabbiliti fis-sod” f’moħħna? (2 Kor. 10:4) Innota kif iwieġeb Pawlu: “Qed inwaqqgħu r-raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-għarfien dwar Alla; u qed injassru kull ħsieb biex nagħmluh ubbidjenti lejn il-Kristu.” (2 Kor. 10:5) Iva, bl-għajnuna taʼ Ġeħova, attwalment nistgħu nneħħu r-raġunar ħażin. L-istess bħalma l-mediċina tistaʼ tgħinna nneħħu l-effetti ħżiena taʼ xi marda, hekk ukoll il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinna nneħħu l-effetti ħżiena tad-dinja taʼ Satana.
“INBIDLU BILLI ĠEDDU MOĦĦKOM”
4. Ħafna minna x’bidliet kellna nagħmlu meta aċċettajna l-verità?
4 Aħseb ftit fil-bidliet li kellek bżonn tagħmel meta aċċettajt il-verità tal-Kelma t’Alla u ddeċidejt li taqdi lil Ġeħova. Għal ħafna minna, dan kien jinvolvi li nwaqqfu ċerta mġiba ħażina. (1 Kor. 6:9-11) Kemm aħna grati li Ġeħova għenna nieqfu nagħmlu dawn il-prattiki ħżiena!
5. Liema żewġ affarijiet jiġu deskritti f’Rumani 12:2?
5 Madankollu, qatt m’għandna nħossuna li m’għandniex bżonn nagħmlu iżjed bidliet. Għalkemm waqafna nagħmlu dnubiet serji li konna nagħmlu qabel il-magħmudija, xorta rridu nibqgħu naħdmu iebes biex nevitaw kwalunkwe ħaġa li tħajjarna nerġgħu nagħmluhom. Kif nistgħu nagħmlu dan? Pawlu jwieġeb: “Tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom.” (Rum. 12:2) Allura jeħtieġ li nagħmlu żewġ affarijiet. L-ewwel, jeħtieġ li ma ‘nibqgħux magħġunin,’ jew influwenzati, minn din id-dinja. It-tieni, jeħtieġ li ‘ninbidlu’ billi nibdlu l-mod kif naħsbu.
6. X’nitgħallmu mill-ħsieb li hemm fil-kliem taʼ Ġesù mniżżel f’Mattew 12:43-45?
6 Il-bidla li kellu f’moħħu Pawlu tinvolvi iktar milli nibdlu fuq fuq il-mod kif nidhru. Din taffettwa kull parti minna. (Ara l-kaxxa “Inbdilt għalkollox jew għat-taparsi?”) Neħtieġu li ninbidlu kompletament—l-attitudnijiet l-iktar profondi, is-sentimenti, u x-xewqat tagħna. Allura, kulħadd għandu bżonn jistaqsi lilu nnifsu: ‘Il-bidliet li qed nagħmel biex insir Kristjan jaffettwaw biss kif nidher għal oħrajn, jew verament qed insir Kristjan f’qalbi u f’moħħi?’ Fil-kliem imniżżel f’Mattew 12:43-45, Ġesù wriena x’hemm bżonn isir. (Aqra.) Il-ħsieb wara dan il-kliem jenfasizza din il-verità importanti: Mhuwiex biżżejjed li neħilsu minn ħsibijiet ħżiena; jeħtieġ li l-vojt tagħhom nimlewh bi ħsibijiet li Alla japprova.
‘IĠĠEDDU FIL-FORZA LI QED TQANQAL LIL MOĦĦKOM’
7. Kif nistgħu nibdlu dak li aħna minn ġewwa?
7 Huwa possibbli li nibdlu x-xewqat bażiċi tagħna jew min tassew aħna minn ġewwa? Il-Kelma t’Alla twieġeb: ‘Iġġeddu fil-forza li qed tqanqal lil moħħkom, u ilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efes. 4:23, 24) Iva, possibbli nibdlu dak li aħna minn ġewwa, imma mhux faċli nagħmlu dan. Għandna bżonn nagħmlu iktar milli rrażżnu xewqat u azzjonijiet ħżiena. Jeħtieġ li nibdlu ‘l-forza li qed tqanqal lil moħħna.’ Dan jinvolvi li nibdlu x-xewqat, l-imġiba, u r-raġunijiet tagħna għala nagħmlu l-affarijiet. Dan jeħtieġ azzjoni kontinwa.
8-9. L-esperjenza taʼ wieħed ħu kif tenfasizza l-bżonn li ninbidlu minn ġewwa?
8 Ejja nikkunsidraw l-eżempju taʼ ħu li kien persuna vjolenti fil-passat. Wara li waqaf jixrob u jiġġieled, hu kkwalifika għall-magħmudija u ta xhieda mill-aħjar fil-komunità żgħira fejn kien jgħix. Iżda lejla waħda, ftit wara li tgħammed, hu ġie ttestjat b’mod li ma stenniex. Sakranazz ġie għandu u sfidah għal ġlieda. Għall-ewwel ħuna rreżista l-ħeġġa li ġietu biex jiġġieled. Imma meta r-raġel fl-aħħar dagħa bl-isem taʼ Ġeħova, ħuna ma felaħx iżomm. Hu ħareġ u ta xebgħa kif kien imiss lir-raġel. X’kienet il-problema? Għalkemm l-istudju tal-Bibbja tiegħu kien għenu jrażżan it-tendenzi vjolenti tiegħu, kien għadu mhux kapaċi jbiddel il-forza li tqanqal lil moħħu. Fi kliem ieħor, ma biddilx dak li verament kien minn ġewwa.
9 Madankollu, il-ħu ma qatax qalbu. (Prov. 24:16) Bl-għajnuna tal-anzjani, kompla miexi ’l quddiem. Fl-aħħar ikkwalifika għal anzjan. Imbagħad lejla waħda, eżatt ħdejn is-Sala tas-Saltna, ġie wiċċ imb wiċċ maʼ sfida simili għal dik li ffaċċja snin qabel. Sakranazz kien se jagħti xebgħa tajba lil wieħed mill-anzjani l-oħra. X’għamel ħuna? B’mod kalm u umli, hu rraġuna mar-raġel fis-sakra, mewwet it-tensjoni, u anke għenu jasal id-dar. X’kien ġara? Ħuna kien biddel il-forza li tqanqal lill-moħħ. Fil-fond taʼ qalbu, hu kien inbidel f’persuna paċifika u umli—kollox għat-tifħir taʼ Ġeħova!
10. X’inhu involut f’li nagħmlu dawn il-bidliet?
10 Bidliet bħal dawn ma jseħħux mil-lum għal għada; lanqas ma jsiru malajr u mingħajr sforzi. Forsi jkollna bżonn nagħmlu “sforz ħerqan” għal tul taʼ snin. (2 Pt. 1:5) Ma jfissirx li għax ilna s-snin “fil-verità” allura għamilna l-bidliet kollha. Aħna jeħtieġ li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inbiddlu dak li aħna minn ġewwa. Xi passi bażiċi se jgħinuna nagħmlu din il-bidla. Ejja naraw uħud minnhom.
KIF INBIDDLU L-FORZA LI TQANQAL LIL MOĦĦNA
11. It-talb kif jgħinna nbiddlu l-forza li tqanqal lil moħħna?
11 It-talb hu l-ewwel pass importanti. Għandna bżonn nitolbu bħalm’għamel is-salmista: “Oħloq fija qalb pura, O Alla, u poġġi ġewwa fija spirtu ġdid, wieħed sod.” (Salm 51:10) Għandna nammettu li neħtieġu nbiddlu l-forza li tqanqal lil moħħna u nitolbu l-għajnuna taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nagħmlu l-bidla? Nistgħu niġu inkuraġġiti bil-wegħda taʼ Ġeħova lill-Iżraelin stinati fi żmien Eżekjel: “Nagħtihom qalb waħda, u ndaħħal fihom spirtu ġdid . . . u nagħtihom qalb tal-laħam,” jiġifieri, waħda lesta li ssegwi l-gwida t’Alla. (Eżek. 11:19) Ġeħova kien lest li jgħin lil dawk l-Iżraelin biex jinbidlu, u hu lest li jgħin lilna wkoll.
12-13. (a) Skont Salm 119:59, fuq xiex għandna bżonn nimmeditaw? (b) X’mistoqsijiet għandek tistaqsi lilek innifsek?
12 Il-meditazzjoni hi t-tieni pass vitali. Aħna u naqraw bir-reqqa l-Kelma t’Alla kuljum, jeħtieġ li nieħdu l-ħin biex nimmeditaw, jew naħsbu fil-fond, dwar liema ħsibijiet u sentimenti għandna bżonn inbiddlu. (Aqra Salm 119:59; Ebr. 4:12; Ġak. 1:25) Aħna għandna nidentifikaw kwalunkwe tendenza li jistaʼ jkollna biex ninġibdu lejn l-ideat tad-dinja. Għandna nammettu onestament x’inhuma d-dgħufijiet tagħna u mbagħad naħdmu iebes biex neħilsu minnhom.
13 Pereżempju, staqsi lilek innifsek: ‘Hemm xi traċċa taʼ għira f’qalbi?’ (1 Pt. 2:1) ‘Inħossni kburi, anke jekk ftit, minħabba t-trobbija, l-edukazzjoni, jew l-istat finanzjarju tiegħi?’ (Prov. 16:5) ‘Inħossni aħjar minn dawk li m’għandhomx l-affarijiet li għandi jien jew li huma taʼ razza differenti?’ (Ġak. 2:2-4) ‘Inħossni miġbud lejn dak li għandha x’toffri d-dinja taʼ Satana?’ (1 Ġw. 2:15-17) ‘Nieħu pjaċir b’divertiment immorali u vjolenti?’ (Salm 97:10; 101:3; Għam. 5:15) It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet personali jistgħu jġegħluk tirrealizza fuq xiex għandek bżonn taħdem. Billi negħlbu dak li jistaʼ jidher bħala raġunar ‘stabbilit fis-sod’ f’qalbna, aħna se nogħġbu lil Missierna tas-sema.—Salm 19:14.
14. Għala hu tant importanti li nagħżlu ħbieb tajbin?
14 Li nagħżlu ħbieb tajbin hu t-tielet pass meħtieġ. Nirrealizzawx jew le, aħna influwenzati bil-kbir minn dawk li nkunu magħhom. (Prov. 13:20) Fuq ix-xogħol jew l-iskola, x’aktarx li nkunu mdawrin b’dawk li ma jgħinuniex niżviluppaw ħsibijiet li jogħġbu lil Alla. Madankollu, nistgħu nsibu l-aħjar nies li nistgħu nkunu ħbieb magħhom fil-laqgħat Kristjani tagħna. Proprju hemm nistgħu niġu mmotivati, jew imqanqlin, għall-“imħabba u l-għemejjel tajbin.”—Ebr. 10:24, 25.
“ISSODAW FIL-FIDI”
15-16. Satana kif jipprova jbiddel il-ħsibijiet tagħna?
15 Ftakar iżda, li Satana hu determinat li jbiddel il-ħsibijiet tagħna. Hu juża kull tip taʼ raġunar biex jeqred l-influwenza tajba li l-Kelma t’Alla kellha fuq il-mod kif naħsbu.
16 Satana jkompli jistaqsi l-istess mistoqsija li staqsa lil Eva fil-ġnien tal-Għeden: “Veru li Alla qalilkom li . . . ?” (Ġen. 3:1) Fid-dinja li qiegħda fil-kontroll taʼ Satana, spiss nisimgħu mistoqsijiet taʼ sfida, bħalm’huma dawn: ‘Veru li Alla ma japprovax żwieġ bejn tnejn tal-istess sess? Veru li Alla ma jridekx tiċċelebra l-Milied u l-birthdays? Veru li Alla jistenna li tirrifjuta trasfużjoni tad-demm? Veru li Alla taʼ mħabba jistenna li tevita li tassoċja maʼ qraba maħbubin u ħbieb maqtugħin mis-sħubija?’
17. X’għandna nagħmlu meta niġu ffaċċjati b’mistoqsijiet li jisfidaw it-twemmin tagħna, u Kolossin 2:6, 7 x’juri li jistaʼ jkun ir-riżultat?
17 Aħna għandna bżonn inkunu konvinti mit-twemmin tagħna. Jekk inħallu mistoqsijiet taʼ sfida mhux imwieġba f’moħħna, jistaʼ jibda jkollna dubji serji. Dawn id-dubji jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jgħawġu l-ħsibijiet tagħna u jeqirdulna l-fidi. Mela, x’għandna bżonn nagħmlu? Il-Kelma t’Alla tgħidilna biex inbiddlu lil moħħna, sabiex inkunu nistgħu nagħtu prova lilna nfusna “x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.” (Rum. 12:2) Permezz taʼ studju regolari, nistgħu nagħtu prova lilna nfusna tal-veritajiet li tgħallimna mill-Bibbja. Nistgħu nkunu konvinti għalkollox li l-livelli taʼ Ġeħova huma tajbin. Imbagħad, bħal siġra b’għeruq b’saħħithom, se nkunu ‘sodi fil-fidi.’—Aqra Kolossin 2:6, 7.
18. X’se jgħinna nipproteġu lilna nfusna mill-effetti ħżiena tad-dinja taʼ Satana?
18 Ħadd ma jistaʼ jsaħħaħlek il-fidi tiegħek, allura kompli ġġedded fil-forza li tqanqal lil moħħok. Itlob kontinwament; ittallab għall-għajnuna tal-ispirtu taʼ Ġeħova. Immedita fil-fond; kompli eżamina l-ħsibijiet u l-motivi tiegħek. Sib ħbieb tajbin; kun imdawwar b’individwi li se jgħinuk tbiddel il-ħsibijiet tiegħek. Billi tagħmel dan, se teħles u tipproteġi lilek innifsek mill-effetti ħżiena tad-dinja taʼ Satana u twaqqaʼ b’suċċess “ir-raġunamenti u kull kburija li tqum kontra l-għarfien dwar Alla.”—2 Kor. 10:5.
GĦANJA 50 It-talba tiegħi taʼ dedikazzjoni
a Kemm jekk għat-tajjeb u kemm jekk għall-ħażin, il-ħsibijiet tagħna huma influwenzati mit-trobbija, il-kultura, u l-edukazzjoni tagħna. Għandna mnejn insibu li ċerti attitudnijiet ħżiena saru parti mill-personalità tagħna u huma diffiċli biex neħilsu minnhom. Dan l-artiklu se jurina kif nistgħu nikkontrollaw kwalunkwe tendenza ħażina li stajna żviluppajna.