Segwi Lil Ġesù Kontinwament
1 Darba minnhom Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.” (Matt. 16:24) Aħna ċertament li rridu nirreaġixxu b’mod pożittiv għall-kliem taʼ Ġesù. Ejjew neżaminaw x’tinvolvi kull frażi taʼ l-istedina tiegħu.
2 “Għandu Jiċħad Lilu Nnifsu”: Meta niddedikaw ħajjitna lil Jehovah, aħna niċħdu lilna nfusna. It-tifsira bażika tal-kelma Griega tradotta “jiċħad” hija “li jgħid le.” Dan ifisser li minn jeddna nabbandunaw l-ambizzjonijiet, ix-xewqat, il-kumditajiet, u l-pjaċiri egoistiċi tagħna stess—li nkunu determinati li nogħġbu lil Jehovah għall-eternità kollha.—Rum. 14:8; 15:3.
3 “Jerfaʼ Salibu”: Il-ħajja taʼ Kristjan hija ħajja taʼ li jġorr iz-zokk tat-tortura taʼ servizz bħala sagrifiċċju lil Jehovah. Mod wieħed kif jistaʼ jiġi rifless l-ispirtu taʼ li tissagrifika lilek innifsek huwa billi tħabrek fil-ministeru. S’issa din is-sena, ħafna pubblikaturi kienu qegħdin igawdu x-xogħol taʼ pijunier awżiljarju. Forsi int wieħed minnhom u tistaʼ tikkonferma li l-barkiet li tikseb ipattu bil-wisq iktar għas-sagrifiċċji li tagħmel. Dawk li ma jistgħux jaqdu bħala pijunieri awżiljarji taʼ spiss għamlu arranġamenti biex iqattgħu iktar ħin fix-xogħol taʼ l-ippridkar bħala pubblikaturi tal-kongregazzjoni. Għal dan l-għan, xi kongregazzjonijiet qegħdin jipprogrammaw il-laqgħat tagħhom għas-servizz taʼ l-għalqa xi ftit minuti qabel minn dak li kienu jagħmluhom is-soltu. Bil-wasla tar-rebbiegħa, ħafna pubblikaturi japprezzaw dan il-perijodu itwal fis-servizz taʼ l-għalqa. Xi wħud kellhom riżultati eċċellenti wkoll meta ddeċidew li jżuru ‘dar oħra biss’ jew li jaħdmu ‘għal ftit minuti oħra.’
4 Mod ieħor kif jiġi muri l-ispirtu taʼ li tissagrifika lilek innifsek huwa billi tpoġġi miri persunali. B’ippjanar għaqli u billi rranġaw l-iskeda tagħhom, xi wħud saru pijunieri regulari fil-waqt li oħrajn bdew jieħdu sehem bħala pijunieri awżiljarji.
5 “Jimxi Warajja”: Għalkemm id-dixxipli taʼ Ġesù ġarrbu ħafna provi, huma ġew inkuraġġiti biż-żelu u bl-issaportar tiegħu fil-ministeru. (Ġwn. 4:34) Ħassewhom imġeddin fl-ispirtu tagħhom bil-preżenza tiegħu u bil-messaġġ tiegħu. Dan hu għala dawk li mxew warajh irriflettew ferħ ġenwin. (Matt. 11:29) Ejjew bl-istess mod ninkuraġġixxu wieħed lill-ieħor biex nissaportu f’dan ix-xogħol mill-iktar importanti taʼ li nxandru dwar is-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli.
6 Jalla lkoll kemm aħna nirreaġixxu b’mod pożittiv għall-istedina taʼ Ġesù biex nimxu warajh billi nikkultivaw l-ispirtu taʼ li nissagrifikaw lilna nfusna. Hekk kif nagħmlu dan, se jkollna ferħ kbir issa u nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn saħansitra barkiet akbar fil-futur.