Nintensifikaw ix-Xiehda hekk kif Riesaq it-Tmiem
1 L-istaġun tal-ħsad huwa żmien mimli ferħ. Huwa wkoll żmien għal xogħol iebes. Hemm biss żmien limitat biex tinġabar iż-żargħa. Il-ħaddiema ma jażżardawx jitnikkru f’xogħolhom.
2 Billi tkellem b’mod figurattiv, Ġesù qabbel “tmiem id-dinja” maʼ żmien il-ħsad. (Mt. 13:39) Qed ngħixu fil-konklużjoni taʼ din is-sistema t’affarijiet, fejn fadal żmien limitat biex tingħata xiehda “fid-dinja kollha.” (Mt. 24:14) Hekk kif it-tmiem riesaq dejjem eqreb, għandna bżonn nintensifikaw sehemna fil-ministeru. Għala? Ġesù spjega: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.”—Mt. 9:37, 38; Rum. 12:11.
3 Naħdmu b’Urġenza: Meta Ġesù beda x-xogħol grandjuż tiegħu taʼ l-ippridkar, kellu biss tliet snin u nofs biex iwettaq dak li kien ġie inkarigat jagħmel. Hu ppriedka b’sens t’urġenza, billi qal: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna taʼ Alla . . . , għax għalhekk kont mibgħut.”—Lq. 4:43.
4 Ġesù nissel sens simili t’urġenza fid-dixxipli tiegħu. (Mk. 13:32-37) Kien għalhekk li “kuljum, fit-tempju u fi djarhom [“minn dar għal dar,” New World Translation], kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.” (Atti 5:42) Attivitajiet inqas importanti ma kellhomx il-prijorità f’ħajjithom. Minkejja li kienu ftit, irnexxielhom jippridkaw l-aħbar tajba “lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.”—Kol. 1:23.
5 Għandna iktar għalfejn nikkultivaw dak l-istess sens t’urġenza issa, peress li ‘t-tmiem taʼ kollox hu qrib.’ (1 Pt. 4:7) Jehovah ffissa jum u siegħa għat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet. (Mt. 24:36) Ix-xogħol taʼ l-ippridkar se jkun intemm fiż-żmien li baqaʼ. Huwa minħabba f’hekk li nkomplu nżidu l-isforzi tagħna biex nilħqu iżjed u iżjed nies bl-aħbar tajba.
6 Billi nintensifikaw sehemna fix-xogħol t’għoti taʼ xiehda hekk kif riesaq it-tmiem, se jkollna s-sodisfazzjon li ngħidu lil Jehovah, bħalma qallu Ġesù: ‘Temmejna x-xogħol li tajtna nagħmlu.’—Ġw. 17:4.