Aħna Nippridkaw Aħbar Tajba
1 Xi privileġġ meraviljuż għandna li nġorru “l-bxara t-tajba fuq ħwejjeġ tajba!” (Rum. 10:15, Karm Żammit) Aħna għandna messaġġ rifreskanti x’naqsmu maʼ nies li madwarhom ħlief inkwiet u disperazzjoni m’hemmx. Kif nistgħu ngħinuhom jirrikonoxxu li aħna qed noffru aħbar tajba dwar xi ħaġa aħjar?—Is. 52:7.
2 Ipprepara Messaġġ Pożittiv: Il-konversazzjonijiet tagħna fil-ministeru jkollhom effett tajjeb jekk niffokaw fuq affarijiet li jibnu. Għalhekk, meta nkunu qed nippreparaw il-preżentazzjoni tagħna u nirrevedu l-pubblikazzjoni li nkunu se noffru, irridu nenfasizzaw l-aspetti pożittivi tal-messaġġ. Jekk nitkellmu dwar it-tama tagħna bbażata fuq il-Bibbja b’ċertezza u b’entużjażmu, nistgħu nistennew riżultati inkuraġġanti.—Prov. 25:11.
3 Għalkemm aħna nipprovaw nuru lin-nies li nifhmuhom meta dawn jesprimu l-mod kif ġew effettwati mill-kundizzjonijiet tad-dinja li sejrin għall-agħar, irridu nuruhom li s-soluzzjoni vera għall-problemi tal-bniedem hi s-Saltna t’Alla. Anki meta nkunu qed niddiskutu dwar “jum il-vendetta” li ġej taʼ Jehovah, irridu nuru kif dan tassew ifisser “il-bxara t-tajba lill-fqajrin.” (Is. 61:1, 2) Aħna nistgħu nassiguraw lis-semmiegħa tagħna li kulma jagħmel Jehovah fl-aħħar mill-aħħar iġib l-akbar ferħ u l-aħjar riżultat possibbli.
4 Ippreżenta l-Verità b’Ferħ Veru: Meta n-nies jinnotaw l-espressjoni ferriħija taʼ wiċċna u t-ton kunfidenti taʼ leħinna, ikunu iktar lesti li jisimgħuna. Jekk aħna nirriflettu ħarsa ottimista, is-semmiegħa tagħna se jindunaw li aħna ‘nifirħu bit-tama.’ (Rum. 12:12) B’hekk, huma forsi jkunu iktar inklinati li jwieġbu b’mod pożittiv għall-aħbar tajba. Ċertament, dejjem għandna raġuni tajba biex nuru attitudni pożittiva u ferriħija f’kull aspett tal-ministeru tagħna.
5 Bħala ministri taʼ l-aħbar tajba, aħna nagħmlu ferm iktar milli ninformaw lil dak li jkun. L-ippridkar tagħna jagħti tama żgura taʼ ħajja aħjar kemm issa kif ukoll fil-futur. (1 Tim. 4:8) Hekk kif navviċinaw lil kull persuna, l-attitudni pożittiva tagħna se tkun tirrifletti f’dak li ngħidu u se tgħin lin-nies biex jaċċettaw l-aħbar tajba. Billi nagħtu attenzjoni għal dak li ngħidu u kif ngħiduh, ejja nħajru lil uħud taʼ qalb onesta biex iħaddnu l-aħbar tajba eċċitanti li qed nippridkaw!