Oqgħod Attent għax-Xogħlijiet Meraviljużi t’Alla
1 Għal tlett ijiem tant sbieħ aħna ltqajna għall-Konvenzjoni Distrettwali “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla.” Neħħejna minn moħħna l-ħsibijiet tal-ħajja taʼ kuljum u kkonċentrajna fuq ix-xogħlijiet meraviljużi taʼ Jehovah. L-iskop tal-programm kien biex ikabbar il-fidi tagħna f’Alla u fil-Kelma tiegħu, insaħħu r-relazzjoni tagħna miegħu, u nżidu ż-żelu tagħna għall-ministeru. Kif qed nibbenefikaw mill-affarijiet li ġejna mgħallmin?—Ġw. 13:17.
2 Il-Familji Jobdu l-Kelma t’Alla: Is-simposju “Obdi l-Kelma t’Alla” għenna neżaminaw il-kundizzjoni spiritwali tal-familji tagħna. It-tfal jieħdu pjaċir jitgħallmu. B’hekk, ġenituri devoti ġew inkuraġġiti biex l-istudju tal-Bibbja tal-familja jagħmluh bħala l-pedament biex jibnu familja b’saħħitha spiritwalment. Ħafna mill-kapijiet tal-familja qed jiddiskutu maʼ wliedhom iż-żgħar il-browxer il-ġdid Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla! Dan se jgħinhom jiżviluppaw relazzjoni hienja u fiż-żgur maʼ Jehovah. Ġenituri, għallmu lil uliedkom kif għandhom joqogħdu attenti għal dak li jħoss Alla. Uru l-imħabba tagħkom stess għalih u għall-affarijiet li jagħmel. (Salm 103:2) Aħdmu flimkien biex tpoġġu u tilħqu miri spiritwali u biex tkunu involuti bis-sħiħ f’li taqdu lil Jehovah.
3 Il-Kelma t’Alla Ddawwal il-Mogħdija Tagħna: Ħadna ħafna pjaċir li rċivejna l-ktieb il-ġdid Il-Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-Bnedmin Kollha I. Fejn wasalt fil-qari taʼ dan l-ewwel volum? Il-ktieb taʼ Isaija jbassar il-ġudizzji mhux pjaċevoli fuq il-ġnus li jiċħdu ’l Alla kif ukoll il-barkiet sbieħ tas-Saltna għan-nies t’Alla. (Is. 34:2; 35:10) Ukoll, dan jibni l-fidi u l-fiduċja f’Jehovah u fil-mod kif hu jagħmel l-affarijiet.—Is. 12:2-5.
4 Waqt li tkun qed taqra Il-Profezija taʼ Isaija I, int tistaʼ mill-bidunett tara kif Isaija żamm l-integrità tiegħu lejn Jehovah hekk kif kien imdawwar bil-ħażen. Meta rċieva l-istedina biex ikun il-messaġġier t’Alla, Isaija wieġeb: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Is. 6:8) Li timmedita fuq l-ispirtu li wera taʼ li jkun lest li jaġixxi se jinkuraġġik biex tkompli tippriedka l-aħbar tajba, billi jkollok sehem sħiħ f’li “l-ġnus kollha jkollhom xhieda.”—Mt. 24:14.
5 Jekk noqogħdu attenti għax-xogħlijiet taʼ Jehovah se nkunu qed infaħħru ferm il-kobor tiegħu. Għalhekk, għożżu l-privileġġ li tagħmlu dak li tgħid il-Kelma t’Alla!