Ejja Lkoll Nagħtu Ġieħ lil Jehovah u lil Ibnu
Kif Kull Min Jattendi għall-Mafkar Nhar it-8 t’April Jistaʼ Jibbenefika b’Mod Iktar Sħiħ
1 Lil min jingħata ġieħ speċjali llum? Lil dawk li d-dinja tistmah ħafna dak li jagħmlu. Ħafna drabi, madankollu, dak li jagħmlu malajr jintesa. Iżda xi ngħidu għal dawk l-għemejjel li bihom jibbenefikaw il-bnedmin kollha? Dawn se nagħtuhom l-attenzjoni mill-qrib tagħna filwaqt li nosservaw l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej, wara nżul ix-xemx nhar it-8 t’April, 2001.
2 Min jixraqlu l-akbar ġieħ? Il-Bibbja twieġeb: “Jistħoqqlok, Mulej . . . li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha.” (Apk. 4:11) Bħala l-Ħallieq, Jehovah huwa l-Ħakkiem Sovran taʼ l-Univers. Dejjem se jkun jixraqlu li jingħata ġieħ!—1 Tim. 1:17.
3 Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla, għamel ħafna affarijiet importanti li se jġibu barkiet bla tmiem fuq il-bnedmin. Hu imita lil Missieru b’mod perfett. (Ġw. 5:19) L-ubbidjenza perfetta u s-servizz leali tiegħu għamluh “jistħoqqlu . . . li jirċievi l-qawwa u l-għana u l-għerf u s-saħħa u l-ġieħ u l-glorja u t-tifħir.” (Apk. 5:12) Missieru tah il-ġieħ billi qegħdu fuq it-tron bħala Sultan. (Salm 2:6-8) U aħna se jkollna l-opportunità li nagħtu ġieħ kemm lill-Missier u kemm lill-Iben hekk kif nosservaw l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej fit-8 t’April, 2001.
4 B’dispjaċir ngħidu, li ftit huma dawk li matul l-istorja tal-bniedem taw lil Jehovah u lil Ibnu l-ġieħ li jistħoqqilhom. Xi drabi, anki n-nies t’Alla tal-qedem, l-Iżraelin, tawh biss qima taʼ kafkaf lil Jehovah. Dan kien nuqqas taʼ rispett b’mod sfaċċat. (Mal. 1:6) Biex ir-rispett ikun kif suppost jirrikjedi ubbidjenza leali bbażata fuq l-imħabba u l-apprezzament lejn dak kollu li Jehovah u Ibnu għamlu għalina. Li nagħtu ġieħ u rispett bħal dan ifisser li nuru l-biżaʼ t’Alla u stima kbira lejh, billi nirrikonoxxu lil Jehovah u lil Ġesù f’dak kollu li nagħmlu. Il-kongregazzjoni Kristjana tistinka f’li tgħallem u tgħin lil oħrajn jagħmlu l-istess.
5 Okkażjoni Speċjali biex Nagħtu Ġieħ: L-osservanza tal-Mafkar kull sena hija l-iktar laqgħa sinifikanti għall-poplu taʼ Jehovah. Kulmin jixtieq jaqdi u jagħti ġieħ lil Jehovah għandu jattendi. (Lq. 22:19) Aħna qed nistennew li flimkien mas-sitt miljun Xhud attiv, oħrajn interessati se jżidu maʼ l-attendenza biex tgħaddi l-erbatax-il miljun. X’opportunità eċċellenti biex nagħtu ġieħ lil Missierna tas-sema! Filwaqt li l-osservanza tiffoka fuq Ġesù, il-ġieħ u r-rispett lejn dak li hu għamel jigglorifika lill-Missier, il-wieħed li bagħtu.—Ġw. 5:23.
6 X’nistgħu nagħmlu biex nappoġġaw din l-okkażjoni speċjali? Nistgħu ngħinu lil uħud interessati ġodda biex jibbenefikaw bis-sħiħ. Ħeġġiġhom biex jattendu, u fejn ikun hemm bżonn, b’imħabba offri l-għajnuna tiegħek biex tgħinhom jaslu fuq il-post. Spjegalhom l-iskop tat-taħdita. Laqqagħhom m’oħrajn. Dak li jaraw u jisimgħu jistaʼ jħeġġiġhom biex ifittxu jingħaqdu magħna f’li nagħtu ġieħ lil Jehovah.
7 Ara ma taħsibx li l-programm ma jistax ikollu effett qawwi fuq dak li jkun! Student universitarju kellu din ir-reazzjoni: “Jien kemm-il darba mort nitqarben fil-knisja tiegħi, iżda dan hu differenti ħafna. Qed nara li dan huwa eżatt bħalma tgħid il-Bibbja, u naħseb li għandkom il-verità.” Hu beda jattendi għal-laqgħat b’mod regulari u fi żmien qasir tgħammed.
8 Għin lil Uħud Ġodda Jagħmlu Progress: Oqgħod attent għal uħud ġodda li jattendu għall-Mafkar u mur żurhom ftit wara din il-laqgħa importanti, biex tirrevedi magħhom l-affarijiet pjaċevoli li huma tgħallmu u osservaw. Għidilhom dwar il-laqgħat l-oħra, fejn huma jistgħu jkomplu jżidu maʼ l-għarfien tagħhom mill-Bibbja. Tistaʼ tirrevedi magħhom kapitlu 17 tal-ktieb Għarfien, “Sib is-Sigurtà fost il-Poplu t’Alla,” biex turihom il-varjetà kbira taʼ provvedimenti spiritwali li tipprovdi l-kongregazzjoni, u li diġà qegħdin hemm għalihom. Irranġalhom biex jaraw il-vidjo Our Whole Association of Brothers (Il-Fratellanza Kollha Tagħna) sabiex ikunu jistgħu jaraw b’għajnejhom stess l-għaqda, il-ferħ, u ż-żelu tal-poplu taʼ Jehovah!
9 Huwa importanti li dawk l-uħud interessati ġodda jitgħallmu kif huma personalment jistgħu jagħtu ġieħ u rispett lil Jehovah. Spjegalhom kif it-talb mill-qalb jogħġob lil Jehovah u huwa sors kontinwu taʼ rifreskar spiritwali. (1 Ġw. 5:14) Billi tuża lezzjonijiet 8 sa 12 tal-browxer X’Jirrikjedi, spjega x’tip taʼ kondotta togħġob lil Jehovah. Billi tiddiskuti dak li hemm miktub fil-browxer Jehovah’s Witnesses—Who Are They? What Do They Believe? paġni 30-1, inkuraġġixxi lil uħud ġodda biex jaħsbu dwar il-possibbiltà li jagħtu ġieħ lil Jehovah billi jieħdu sehem personalment fix-xogħol tax-xandir.
10 L-apprezzament tagħna għas-sagrifiċċju taʼ Ġesù u s-servizz tagħna bħala dixxipli tiegħu jagħti ġieħ lill-Missier u jġib barkiet lil oħrajn. Ġesù wiegħed: “Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.”—Ġw. 12:26.