Barkiet Meta Nuru Apprezzament għall-Imħabba taʼ Jehovah—L-Ewwel Parti
1 L-appostlu Ġwanni kiteb: “Aħna nħobbu, għax [Jehovah] ħabbna l-ewwel.” (1 Ġw. 4:19) Meta noqogħdu naħsbu dwar dak kollu li Jehovah ipprovdielna, nitqanqlu biex nuru lura l-apprezzament profond tagħna. Ġesù ħallielna eżempju kif nagħmlu dan billi b’ubbidjenza ta xiehda dwar l-isem u s-Saltna t’Alla. (Ġw. 14:31) Nagħmlu sew jekk nikkunsidraw xi modi kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-imħabba taʼ Jehovah u l-barkiet li jiġu bħala riżultat taʼ dan.
2 Immorru minn Dar għal Dar: Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu kif għandhom iwettqu x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Id-direzzjonijiet tiegħu juruna b’mod ċar li d-dixxipli marru minn dar għal dar, ixerrdu l-aħbar tajba. (Lq. 9:1-6; 10:1-7) Neħtieġu mħabba lejn Alla u lejn għajrna sabiex nibqgħu mmorru minn dar għal dar meta niffaċċjaw l-apatija u l-oppożizzjoni. Madankollu, meta nkunu qed nagħmlu dan, nibbenefikaw personalment għaliex il-fidi tagħna ssir iktar soda, il-konvinzjoni tagħna tissaħħaħ, u t-tama tagħna narawha iktar ċara.
3 Filwaqt li naħdmu taħt id-direzzjoni taʼ l-anġli, sibna ħafna li huma bil-ġuħ u bl-għatx għall-verità. (Apk. 14:6) Xi inkwilini qalu li kienu qed jitolbu għall-għajnuna meta xi Xhud mar għandhom. Żewġ Xhieda u tifel żgħir kienu sejrin minn dar għal dar fuq gżira fil-Karibew. Meta l-aħwa adulti ddeċidew biex għal dakinhar jieqfu hemm, it-tifel baqaʼ sejjer waħdu fuq il-bieb li kien imiss u ħabbat. Mara żagħżugħa fetħet. Meta l-aħwa raw dan, marru ħdejhom u kellmuha. Stidnithom jidħlu u spjegatilhom li kienet għadha kif talbet lil Alla biex jibagħtilha lix-Xhieda ħalli jgħallmuha l-Bibbja!
4 Nagħtu Xiehda fit-Toroq: Peress li f’xi nħawi huwa diffiċli li ssib lin-nies id-dar, l-għoti taʼ xiehda fit-toroq huwa mod effettiv kif nagħtu xiehda. Barra minn hekk, ħafna nies jgħixu f’appartamenti li għandhom l-interkom, u b’hekk ma nkunux nistgħu nidħlu meta mmorru minn bieb għal bieb. Madankollu, l-apprezzament tagħna għall-imħabba taʼ Jehovah iqanqalna biex nieħdu vantaġġ minn kull mezz possibbli li bih nistgħu nikkuntattjaw lin-nies bil-messaġġ tas-Saltna, anki bl-għoti taʼ xiehda fit-toroq.—Prov. 1:20, 21.
5 Nagħmlu ż-Żjajjar Lura: Peress li qed infittxu lil dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom, irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex nissodisfaw dak il-bżonn. (Mt. 5:3) Dan jirrikjedi li mmorru lura biex insaqqu ż-żerriegħa tal-verità li żrajna. (1 Kor. 3:6-8) Oħt fl-Awstralja ħalliet fuljett maʼ mara li ma tantx dehret li qed turi interess. Minkejja dan, l-oħt ippersistiet biex tipprova terġaʼ ssibha d-dar. Meta fl-aħħar irnexxielha tikkuntattjaha, l-oħt sabet li wara l-ewwel żjara, il-mara kienet xtrat Bibbja li tiswa ħafna flus. L-oħt bdiet studju magħha!
6 Nikkonduċu Studji tal-Bibbja: Din tistaʼ tkun l-iktar parti li tagħtina gost u sodisfazzjon fil-ministeru tagħna. X’barka hi li ngħinu lin-nies jitgħallmu dwar Jehovah, narawhom jagħmlu bidliet f’ħajjithom biex jogħġbuh, u mbagħad inkunu preżenti għall-magħmudija Kristjana tagħhom bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lejn Alla!—1 Tess. 2:20; 3 Ġw. 4.
7 Fil-ħarġa li jmiss, se nikkunsidraw iktar modi li bihom aħna niġu mberkin talli nuru l-apprezzament għall-imħabba taʼ Jehovah.