L-Ippridkar tas-Saltna Jgħin biex Isalva l-Ħajjiet!
1 Huwa l-iktar xogħol importanti li qed isir fid-dinja f’dan iż-żmien. Alla Jehovah, Ġesù Kristu, u mirjadi t’anġli għandhom l-attenzjoni tagħhom iffokata fuqu. X’inhu, u għala hu essenzjali? Huwa x-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, u dan jgħin biex isalva l-ħajjiet!—Rum. 1:16; 10:13, 14.
2 Xi nies iħossu li nistgħu ngħinu lil oħrajn aħjar jekk ninvolvu ruħna f’li nipprovaw intejbu d-dinja taʼ madwarna. Ħafna jinsabu impenjati fi sforzi biex jiksbu l-paċi, ifejqu l-mard, jew itejbu l-ekonomija. Iżda x’inhu dak li jistaʼ verament jgħin lin-nies?
3 Xogħol mill-Aqwa: Il-messaġġ tas-Saltna biss jispjega x’inhu l-iskop tal-ħajja, għala l-bnedmin qed isofru, u jagħti l-unika tama taʼ min joqgħod fuqha għall-futur. L-aħbar tajba tgħin lin-nies isiru ħbieb taʼ Jehovah, u minħabba f’hekk jirċievu “s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jistaʼ jifhem.” (Flp. 4:7) Il-messaġġ tas-Saltna biss jipprovdi gwida prattika li tgħin lin-nies biex ikampaw issa mal-problemi tal-ħajja u jispjegalhom kif jibqgħu ħajjin meta d-dinja l-ħażina tinqered fil-futur. (1 Ġw. 2:17) Ma jixraqlux dan kull sforz li nistgħu nagħmlu fl-ippridkar tas-Saltna?
4 Biex nagħtu eżempju: Kieku xi jkun l-aħjar mod biex ngħinu lin-nies reqdin f’raħal ħdejn il-baħar li jkun jinsab f’periklu minħabba mewġa kbira ħafna li tkun dalwaqt ġejja għal fuqu? Inħaffru kanal madwar ix-xatt? Insebbħu r-raħal li se jinqered? Le! Irridu nqajmu lin-nies tar-raħal, inwissuhom dwar id-diżastru li se jseħħ, u ngħinuhom jaħarbu! Dawk li llum huma reqdin spiritwalment jinsabu f’periklu serju. (Lq. 21:34-36) Minħabba li din is-sistema t’affarijiet dalwaqt se tgħaddi, ejja nistinkaw biex nippridkaw lil kulmin nistgħu b’urġenza li ma bħalha!—2 Tim. 4:2; 2 Pt. 3:11, 12.
5 Ippersisti f’Dan ix-Xogħol: Ejja nfittxu modi oħra kif nilħqu saħansitra iktar nies li huma sinċieri bl-aħbar tajba—fi djarhom, fit-triq, bit-telefon, u b’mod informali. Ix-xogħol li Jehovah tana biex nagħmlu hu l-iktar xogħol importanti li nistgħu nwettqu. Jekk nagħmluh b’mod żeluż, se ‘nsalvaw lilna nfusna u lil dawk li jisimgħuna.’—1 Tim. 4:16.