Ngħinu lil Oħrajn biex Jigglorifikaw lil Jehovah
1 Messaġġ vitali qed jixxandar lin-nies madwar id-dinja: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu, u inxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.” (Apk. 14:6, 7) Huwa l-privileġġ tagħna li nieħdu sehem f’dan ix-xandir. In-nies x’għandhom bżonn ikunu jafu dwar Jehovah biex jibżgħu minnu u jqimuh?
2 Ismu: In-nies għandhom bżonn ikunu kapaċi jiddistingwu lill-uniku Alla veru b’ismu mill-ħafna allat foloz meqjumin illum. (Dt. 4:35; 1 Kor. 8:5, 6) Fil-fatt, il-kittieba tal-Bibbja użaw l-isem famuż taʼ Jehovah iktar minn 7,000 darba. Għalkemm għandna nużaw id-dixxerniment dwar meta għandna nintroduċu l-isem t’Alla, qatt m’għandna naħbuh jew nistħu nużawh. Ir-rieda t’Alla hi li l-bnedmin kollha jsiru jafu ismu.—Salm 83:19 (83:18, New World Translation).
3 Il-Personalità Tiegħu: Biex jigglorifikaw lil Jehovah, in-nies għandhom bżonn ikunu jafu x’tip t’Alla hu. Irridu ngħinuhom isiru midħla taʼ l-imħabba li tispikka, l-għerf infinit, il-ġustizzja kompleta, u l-qawwa enormi, flimkien mal-ħniena, il-qalb tajba bl-imħabba, u kwalitajiet taʼ l-għaġeb oħra tiegħu. (Eżo. 34:6, 7) Huma jridu wkoll jitgħallmu jkollhom biżaʼ bnin minn Alla, jirrispettawh, waqt li jirrikonoxxu li ħajjithom tiddependi milli jkollhom l-approvazzjoni taʼ Jehovah.—Salm 89:8 (89:7, NW).
4 Nersqu Qrib Lejn Alla: Biex isalvaw mill-ġudizzju li ġej t’Alla, in-nies iridu jsejħu lil Jehovah bil-fidi. (Rum. 10:13, 14; 2 Tess. 1:8) Dan jinvolvi iktar milli sempliċement niksbu għarfien dwar l-isem u l-kwalitajiet t’Alla. Irridu ngħinu lin-nies jiżviluppaw relazzjoni persunali maʼ Jehovah, billi jafdawh b’qalbhom kollha. (Prov. 3:5, 6) Hekk kif japplikaw dak li jitgħallmu, iduru lejn Alla b’talb bi ħrara, u jesperjenzaw l-għajnuna tiegħu f’ħajjithom, il-fidi tagħhom se tikber, u b’hekk tgħinhom jersqu qrib lejn Jehovah.—Salm 34:9 (34:8, NW).
5 Jalla nxandru b’mod żeluż l-isem t’Alla u ngħinu lil oħrajn ipoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom fih u jibżgħu minnu. Għandna mnejn inkunu nistgħu ngħinu lil ħafna iktar nies isiru jafu lil Jehovah u jigglorifikawh bħala “Alla tas-salvazzjoni” tagħhom.—Salm 25:5.