Imita t-Tjubija taʼ Jehovah
1 Wara li nkunu tgħaxxaqna b’xi nżul ix-xemx mill-isbaħ jew b’xi ikla delizzjuża, ma nitqanqlux biex nirringrazzjaw lil Jehovah, is-Sors tat-tjubija kollha? It-tjubija tiegħu tqanqalna biex inkunu rridu nimitawh. (Salm 119:66, 68, NW; Efes. 5:1) Kif nistgħu nuru l-kwalità tat-tjubija?
2 Maʼ Dawk li Ma Jemmnux: Mod wieħed kif nistgħu nimitaw it-tjubija taʼ Jehovah hu billi nuru interess sinċier f’uħud li m’humiex taʼ l-istess twemmin bħalna. (Gal. 6:10) Jekk nuru t-tjubija b’modi prattiċi nistgħu nħallu effett tajjeb fuq il-ħarsa tagħhom lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah u l-messaġġ li nġorru.
3 Per eżempju, waqt li kien qed jistenna biex jidħol jara t-tabib, pijunier żagħżugħ kien bil-qiegħda ħdejn mara anzjana li kienet tidher iktar marida mill-maġġuranza taʼ l-oħrajn li kienu hemm. Meta kien imiss lilu biex jidħol għand it-tabib, hu ħalla lil din il-mara tidħol minfloku. Iktar tard hu reġaʼ ltaqaʼ magħha, din id-darba fis-suq, u tgħidx kemm ferħet meta ratu. Għalkemm qabel ma kinitx tagħti widen għall-aħbar tajba, hi qalet li issa saret taf li x-Xhieda taʼ Jehovah verament iħobbu lill-ġirien tagħhom. Inbeda studju tal-Bibbja regulari maʼ din il-mara.
4 Maʼ Ħutna: Aħna nimitaw ukoll it-tjubija taʼ Jehovah meta noffru ruħna biex ngħinu lil sħabna fit-twemmin. Meta jseħħ xi diżastru, aħna nkunu minn taʼ l-ewwel biex immorru ngħinu lil ħutna. Barra minn hekk, aħna nuru dan l-istess spirtu meta ngħinu lil dawk l-uħud li għandhom bżonn it-trasport għal-laqgħat, meta nżuru lill-morda, u meta niftħu qalbna beraħ fl-affezzjoni maʼ dawk fil-kongregazzjoni li ma tantx nafuhom sew.—2 Kor. 6:11-13; Lhud 13:16.
5 Mod ieħor kif Jehovah juri t-tjubija tiegħu hu billi jkun dejjem ‘lest biex jaħfer.’ (Salm 86:5, Karm Żammit) Biex nimitawh, nistgħu nuru kemm inħobbu t-tjubija billi naħfru lil oħrajn. (Efes. 4:32) Dan se jgħin biex is-sħubija tagħna maʼ sħabna fit-twemmin tkun “sabiħa u ħelwa.”—Salm 133:1-3.
6 Jalla t-tjubija abbundanti taʼ Jehovah iġġagħalna nfuru bit-tifħir lejh u tagħmilna niddu bil-ferħ. U jalla tqanqalna biex inħabirku ħalli nimitaw it-tjubija tiegħu f’dak kollu li nagħmlu.—Salm 145:7; Ġer. 31:12.