“Wessgħu Qalbkom”
1. Liema responsabbiltà għandu kull wieħed minna?
1 Fil-fratellanza Kristjana, kull wieħed u waħda minna għandu r-responsabbiltà li jagħti sehmu għall-imħabba fil-kongregazzjoni. (1 Pt. 1:22; 2:17) Imħabba bħal din tinħoloq meta aħna nwessgħu qalbna u nikbru fl-affezzjoni għal xulxin. (2 Kor. 6:12, 13, NW) Għalfejn huwa tajjeb li nsiru nafu aħjar lil ħutna rġiel u nisa?
2. Għala huwa importanti li niżviluppaw ħbiberiji maʼ sħabna fit-twemmin?
2 Il-Ħbiberiji Jissaħħu Iktar: Hekk kif insiru nafu aħjar lil sħabna fit-twemmin, nibdew napprezzaw aħjar il-fidi, is-sabar, u l-kwalitajiet sbieħ oħra li għandhom. In-nuqqasijiet tagħhom narawhom iżgħar, u r-rabtiet tal-ħbiberiji jissaħħu. Meta nkunu nafu lil xulxin sew, inkunu kapaċi iktar nibnu u nfarrġu lil xulxin. (1 Tess. 5:11) Nistgħu nsiru “għajnuna li ssaħħaħ” għal xulxin biex nirreżistu l-influwenzi li jħassru l-morali tad-dinja taʼ Satana. (Kol. 4:11, NW) F’dawn l-aħħar jiem mimlijin pressjoni, kemm aħna grati li għandna ħbieb tajbin fost il-poplu taʼ Jehovah!—Prov. 18:24.
3. Kif nistgħu nkunu għajnuna li ssaħħaħ għal oħrajn?
3 Ħbieb tal-qalb jistgħu verament ikunu sors speċjali taʼ saħħa u faraġ meta niffaċċjaw provi ħorox. (Prov. 17:17) Waħda mara Kristjana li ħafna drabi kienet tħossha ma tiswa għal xejn tiftakar: “Kien hemm ħbieb li kienu jgħidu affarijiet pożittivi dwari biex jgħinuni negħleb il-ħsibijiet negattivi li kelli.” Ħbieb bħal dawn huma barka mingħand Jehovah.—Prov. 27:9.
4. Kif nistgħu nsiru nafu aħjar lil oħrajn fil-kongregazzjoni?
4 Uri Interess f’Oħrajn: Kif nistgħu nwessgħu qlubna biex nuru affezzjoni u mħabba għal sħabna fit-twemmin? Minbarra li ssellem lil oħrajn fil-laqgħat Kristjani, agħmel sforz biex taqbad konversazzjoni bis-sens magħhom. Mingħajr ma tindaħal fil-ħajja privata tagħhom, uri interess persunali. (Flp. 2:4; 1 Pt. 4:15) Mod ieħor kif tistaʼ turi interess f’oħrajn huwa billi tistidinhom jiġu jieklu għandek. (Lq. 14:12-14) Jew forsi tistaʼ tagħmel arranġamenti biex taħdem magħhom fil-ministeru taʼ l-għalqa. (Lq. 10:1) Hekk kif nieħdu l-inizjattiva biex insiru nafu lil ħutna aħjar, se nżidu l-għaqda fil-kongregazzjoni.—Kol. 3:14.
5. X’inhu mod wieħed kif tistaʼ tagħmel iktar ħbieb?
5 Għandna aħna t-tendenza li noqogħdu ħafna maʼ dawk li huma taʼ l-età tagħna jew maʼ dawk li għandhom l-istess interessi tagħna? Ma rridux inħallu fatturi bħal dawn jillimitaw il-ħbiberiji li nikkultivaw fil-kongregazzjoni. David u Ġonatan kif ukoll Rut u Nagħomi żviluppaw ħbiberiji verament b’saħħithom minkejja d-differenzi fl-età u fit-trobbija li kellhom. (Rut 4:15; 1 Sam. 18:1) Tistaʼ tagħmel iktar ħbieb? Jekk tagħmel hekk jistaʼ jkollok barkiet li ma tkunx qed tistenniehom.
6. X’inhuma xi benefiċċji meta nwessgħu qlubna billi nuru iktar affezzjoni u mħabba maʼ ħutna?
6 Billi nagħmlu iktar wisaʼ biex nuru iktar affezzjoni u mħabba lejn oħrajn, se nsaħħu wieħed lil ieħor u ninkuraġġixxu iktar il-paċi fil-kongregazzjoni. Iktar minn hekk, Jehovah innifsu jberikna għall-imħabba li nuru maʼ ħutna. (Salm 41:2, 3 [41:1, 2, NW]; Lhud 6:10) Għala ma tagħmilhiex il-mira tiegħek li ssir taf aħjar kemm jistaʼ jkun aħwa?