Għandna Nirrispettaw l-Awtorità taʼ Jehovah
Maʼ xiex tassoċja l-ismijiet tal-qedem Koraħ, Datan, u Abiram? Mar-ribelljoni! Kontra xiex? L-awtorità divina. Id-dettalji dwar il-korsa traġika tagħhom huma dokumentati f’Numri kapitlu 16, u tistaʼ ssib deskrizzjoni ġenerali taʼ dan ir-rakkont fl-artiklu “Issottometti Ruħek Lealment għall-Awtorità Divina” fit-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Awissu, 2002. Ikun taʼ benefiċċju jekk taqra dan il-materjal, u mbagħad tagħti daqqa t’għajn lejn il-preżentazzjoni li ġġagħlek taħseb li nsibu fil-vidjo Respect Jehovah’s Authority (Irrispetta l-Awtorità taʼ Jehovah). Se tkun tistaʼ tara l-konflitt li żviluppa bejn l-ulied leali taʼ Koraħ u missierhom ir-ribelluż li ħadha kontra s-Sovran taʼ l-univers. (Num. 26:9-11) Din id-drama ħajja bbażata fuq ir-realtà għandha tqanqalna lkoll biex niżviluppaw il-lealtà tagħna lejn Jehovah b’mod iktar assolut.
Hekk kif tara l-vidjo, fittex għall-evidenza li turi li Koraħ u dawk li rribellaw miegħu fallew it-test tal-lealtà tagħhom b’sitt modi kruċjali: (1) Kif urew diżrispett għall-awtorità t’Alla? (2) Kif ħallew il-kburija, l-ambizzjoni, u l-għira jeffettwawhom? (3) Kif iffokaw fuq l-imperfezzjonijiet taʼ dawk maħturin minn Jehovah? (4) X’tip t’attitudni taʼ tgergir żviluppaw? (5) Għala ma baqgħux kuntenti bil-privileġġi li kellhom fis-servizz tagħhom? (6) Kif ħallew il-lealtà lejn ħbiebhom u l-familja tagħhom tiġi qabel il-lealtà lejn Alla?
Ikkunsidra kif il-lezzjonijiet mgħallmin f’din id-drama Biblika jeffettwaw il-ħarsa persunali tagħna lejn l-awtorità divina llum: (1) Kif għandna nirreaġixxu għad-deċiżjonijiet li jieħdu l-anzjani fil-kongregazzjoni, u għala? (2) Kif nistgħu nneħħu kull tip taʼ motiv ħażin li jistaʼ jikber ġewwa fina? (3) Kif għandna nirreaġixxu għall-imperfezzjonijiet taʼ dawk li huma maħturin biex jieħdu t-tmexxija? (4) X’nistgħu nagħmlu jekk jibda jiżviluppa spirtu taʼ tgergir f’qalbna? (5) Kif għandna nħossuna dwar kull privileġġ li ningħataw? (6) Min qatt m’għandu jieħu l-prijorità qabel il-lealtà tagħna lejn Alla, u dan meta jistaʼ jkun diffiċli għalina?
Wara li tiġi diskussa din l-informazzjoni fil-kongregazzjoni, għala ma terġax tara dan il-vidjo? Jalla dan ikompli jsaħħaħlek ir-raġunijiet għala għandna nirrispettaw l-awtorità taʼ Jehovah!—Salm 18:25; 37:28.