L-Ippridkar Jgħinna Nissaportu
1 Il-Kelma t’Alla twissina biex “niġru bis-sabar it-tiġrija li tqiegħdet quddiemna.” (Ebr. 12:1) Bħalma atleta jeħtieġ is-sabar biex jikkompeti b’suċċess, hekk ukoll aħna neħtieġu s-sabar biex niksbu l-premju taʼ ħajja taʼ dejjem. (Ebr. 10:36) Il-ministeru Kristjan kif jistaʼ jgħinna nissaportu fedelment sat-tmiem?—Mt. 24:13.
2 Imsaħħin Spiritwalment: Il-fatt li nxandru l-wegħda meraviljuża tal-Bibbja dwar dinja ġdida u ġusta jgħin lilna stess biex inżommu t-tama tagħna ħajja. (1 Tess. 5:8) Meta nieħdu sehem regolarment fil-ministeru taʼ l-għalqa, ikollna l-opportunità li nxandru l-veritajiet li tgħallimna mill-Bibbja. Ikollna l-opportunità li niddefendu l-fidi tagħna, u dan mill-banda l-oħra jgħinna nissaħħu spiritwalment.
3 Sabiex inkunu effettivi meta ngħallmu lil oħrajn, irridu nifhmu ċar il-veritajiet tal-Bibbja aħna stess. Irridu nagħmlu r-riċerka u nimmeditaw fuq il-materjal. Bl-isforz sinċier li nagħmlu niksbu iktar għarfien profond, nissodaw il-fidi tagħna, u nissaħħu spiritwalment. (Prov. 2:3-5) B’hekk, waqt li ngħinu lil oħrajn, inkunu qed insaħħu lilna nfusna.—1 Tim. 4:15, 16.
4 Is-sehem żeluż tagħna fil-ministeru huwa parti vitali mill-“armatura sħiħa mingħand Alla,” li tant neħtiġuha sabiex inżommu sodi kontra x-Xitan u d-demonji. (Efes. 6:10-13, 15) Meta jkollna ħafna x’nagħmlu fis-servizz sagru niġu megħjunin biex inżommu moħħna ffokat fuq affarijiet li jibnu u nevitaw li niġu mħassrin mid-dinja taʼ Satana. (Kol. 3:2) Hekk kif ngħallmu l-mogħdijiet taʼ Ġeħova lil oħrajn, niġu mfakkrin kontinwament li aħna stess għandna bżonn inżommu kondotta qaddisa.—1 Pt. 2:12.
5 Mogħtijin il-Qawwa minn Alla: Fl-aħħarnett, is-sehem tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar jgħallimna nistrieħu fuq Ġeħova. (2 Kor. 4:1, 7) X’barka hi din! Jekk niżviluppaw fiduċja bħal din, mhux biss se niġu megħjunin inwettqu l-ministeru tagħna imma wkoll inkunu nistgħu nkampaw maʼ kwalunkwe ċirkustanza li niffaċċjaw fil-ħajja. (Flp. 4:11-13) Tabilħaqq, li nitgħallmu nistrieħu kompletament fuq Ġeħova hu fattur importanti biex ikollna s-sabar. (Salm 55:22, Karm Żammit) L-ippridkar jgħinna b’ħafna modi biex nissaportu.