Erfgħu
Nikkonduċu Studji tal-Bibbja Progressivi
Dan l-insert fih ġabra taʼ punti prinċipali mis-serje t’artikli dwar kif nikkonduċu studji tal-Bibbja progressivi li dehru fil-Ministeru tas-Saltna. Ilkoll aħna inkuraġġiti li nerfgħu dan l-insert u nirreferu għalih meta nikkonduċu l-istudji tal-Bibbja. Barra minn hekk, punti minn dan l-insert jistgħu jiġu enfasizzati waqt il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa, u l-indokraturi tas-servizz jistgħu jużawh bħala bażi għat-taħditiet li jippreżentaw meta jżuru l-gruppi taʼ l-istudju tal-ktieb.
L-1 Parti: X’Inhu Studju tal-Bibbja?
Jekk ikollok diskussjonijiet regulari u b’mod sistematiku fuq il-Bibbja, anki jekk qosra, u tuża l-Bibbja jew magħha xi waħda mill-pubblikazzjonijiet rikkmandati, int tkun qed tikkonduċi studju tal-Bibbja. L-istudju jistaʼ jiġi rapportat meta jkun sar darbtejn wara li tkun urejt lill-inkwilin kif isir studju u jekk jidher li l-istudju se jitkompla.—km 7/04 pġ. 1.
Pubblikazzjonijiet Rikkmandati
◼ Alla X’Jirrikjedi Minna?
◼ Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
◼ Qim lill-Uniku Alla Veru
◼ Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla! jistaʼ jintuża għal studju maʼ wħud li għandhom edukazzjoni limitata jew li ma tantx jafu jaqraw.
It-2 Parti: Nippreparaw biex Nikkonduċu l-Istudju
Irridu nippreżentaw l-informazzjoni b’tali mod li tilħaq qalb l-istudent. Dan jirrikjedi li nippreparaw bir-reqqa bl-istudent f’moħħna.—km 8/04 pġ. 1.
Kif Tipprepara
◼ Eżamina t-titlu, is-sottitli, u l-istampi tal-kapitlu jew il-lezzjoni.
◼ Sib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet stampati, u immarka biss il-kliem u l-frażijiet prinċipali.
◼ Iddeċiedi liema skritturi ċitati se taqra waqt l-istudju. Agħmel noti qosra dwarhom fil-ġenb tal-pubblikazzjoni li tistudjaw fuqha.
◼ Ipprepara reviżjoni qasira tal-punti prinċipali.
Adatta l-Lezzjoni Skond l-Individwu
◼ Itlob dwar l-istudent u l-bżonnijiet tiegħu.
◼ Antiċipa l-punti li l-istudent jistaʼ jsibhom diffiċli biex jifhimhom jew jaċċettahom.
◼ Ikkunsidra: X’għandu bżonn jifhem jew fuqiex għandu bżonn jaħdem sabiex jimxi ’l quddiem spiritwalment? Kif nistaʼ nilħaqlu qalbu?
◼ Skond ma jkun hemm bżonn, ipprepara tixbiha, spjegazzjoni, jew serje taʼ mistoqsijiet biex tgħin lill-istudent jifhem punt jew skrittura.
It-3 Parti: Użu Effettiv taʼ l-Iskrittura
L-iskop tagħna meta nikkonduċu studji tal-Bibbja huwa li ‘nagħmlu dixxipli’ billi ngħinu lin-nies jifhmu u jaċċettaw it-tagħlim tal-Kelma t’Alla u japplikawh f’ħajjithom. (Mt. 28:19, 20; 1 Tess. 2:13) Għalhekk, l-istudju jrid jiċċentra fuq l-Iskrittura.—km 11/04 pġ. 4.
Għallem mill-Kelma t’Alla
◼ Uri lill-istudent kif isib versi speċifiċi fil-kopja tal-Bibbja tiegħu stess.
◼ Iftaħ u iddiskuti versi mill-Bibbja li jagħtu bażi Skritturali għat-twemmin tagħna.
◼ Uża l-mistoqsijiet. Minflok ma tispjega l-versi mill-Bibbja lill-istudent, ħalli lilu jispjegahomlok.
◼ Żomm l-istudju sempliċi. Tipprovax tispjega kull aspett taʼ xi skrittura. Inkludi biss dak li hemm bżonn biex jiġi ċċarat il-punt.
◼ Uri kif jiġi applikat b’mod prattiku. Għin lill-istudent biex jara kif il-versi tal-Bibbja japplikaw għalih personalment.
Ir-4 Parti: Inħarrġu lill-Istudenti biex Jippreparaw
Student li jaqra l-lezzjoni minn qabel, jimmarka t-tweġibiet, u jaħseb fuq kif jistaʼ jesprimihom fi kliemu stess, ġeneralment jagħmel progress spiritwali mgħaġġel. Għalhekk, ladarba jiġi stabbilit studju regulari, ippreparaw lezzjoni flimkien u uri lill-istudent kif għandu jipprepara. Kif juri l-każ taʼ ħafna studenti, jistaʼ jkun t’għajnuna jekk tippreparaw kapitlu jew lezzjoni sħiħa flimkien.—km 12/04 pġ. 1.
L-Immarkar u n-Noti
◼ Spjega kif issib tweġibiet diretti għall-mistoqsijiet stampati.
◼ Uri lill-istudent mill-kopja persunali tiegħek tal-pubblikazzjoni għall-istudju li int tkun immarkajt biss il-kliem u l-frażijiet prinċipali.
◼ Għin lill-istudent jara kif l-iskritturi ċitati li m’humiex kwotati jappoġġaw il-punt li jkun qed jinħareġ fil-paragrafu, u urih kif jistaʼ jagħmel noti qosra fil-ġenb tal-pubblikazzjoni li jkun qed jistudja.
Daqqa t’Għajn Qabel l-Istudju u Reviżjoni
◼ Uri lill-istudent kif hu jistaʼ jeżamina t-titlu, is-sottitli, u l-istampi qabel ma jibda l-preparazzjoni dettaljata tiegħu.
◼ Ħeġġeġ lill-istudent biex jirrivedi l-punti prinċipali fil-konklużjoni tas-sessjoni tal-preparazzjoni.
Il-5 Parti: Kif Tiddeċiedi Kemm Tkopri Materjal
L-ammont taʼ materjal li jistaʼ jiġi kunsidrat jiddependi mill-abbiltà u ċ-ċirkustanzi taʼ l-għalliem u taʼ l-istudent.—km 1/05 pġ. 1.
Ibni Fidi Soda
◼ Tippermettix li l-istudent ma jifhimx sew il-Kelma t’Alla minħabba li timxi b’pass mgħaġġel.
◼ Qattaʼ ħin kemm hemm bżonn biex tgħin lill-istudent jifhem u jaċċetta dak li qed jitgħallem.
◼ Ħalli biżżejjed ħin biex tikkunsidra l-iskritturi prinċipali li jipprovdu l-bażi għat-tagħlim.
Żomm mat-Tema taʼ l-Istudju
◼ Jekk l-istudent iħobb jitkellem fit-tul dwar affarijiet persunali, forsi tistaʼ tiftiehem biex dawn tiddiskutuhom wara l-istudju.
◼ Titkellimx iżżejjed waqt l-istudju. Illimita d-diskussjoni taʼ punti żejda u esperjenzi ħalli ma ttellifx lill-istudent milli jieħu għarfien eżatt tat-tagħlim bażiku mill-Bibbja.
Is-6 Parti: Meta Student Iqajjem Mistoqsija
Ladarba l-istudju tal-Bibbja jiġi stabbilit sew, ġeneralment l-aħjar ħaġa tkun li wieħed jiddiskuti t-tagħlim tal-Bibbja bl-ordni minflok ma jittieħed suġġett minn hawn u ieħor minn hemm. Dan jgħin lill-istudent jibni pedament t’għarfien eżatt u jagħmel progress spiritwali.—km 2/05 pġ. 6.
Uża d-Dehen
◼ Mistoqsijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-materjal li jkun qed jiġi studjat jistgħu ġeneralment jitwieġbu dak il-ħin.
◼ Jekk mistoqsija m’għandha x’taqsam xejn mal-materjal li jkun qed jiġi studjat jew tkun tirrikjedi riċerka tistaʼ tiġi kunsidrata f’xi ħin ieħor. Jistaʼ jkun t’għajnuna li tieħu nota taʼ dawn il-mistoqsijiet.
◼ Jekk student isibha diffiċli biex jaċċetta ċertu tagħlim, ikkunsidra materjal ieħor li jiddiskuti bir-reqqa dak is-suġġett.
◼ Jekk l-istudent għadu mhux konvint, ħalli dak is-suġġett għal darb’oħra u kompli bl-istudju regulari tiegħu.
Kun Modest
◼ Jekk ma tafx it-tweġiba taʼ xi mistoqsija, tagħtix opinjoni persunali.
◼ B’mod progressiv, għallem lill-istudent kif jagħmel riċerka.
Is-7 Parti: Nitolbu fl-Istudju
Sabiex l-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress spiritwali, hemm bżonn il-barka taʼ Ġeħova. Għalhekk, meta l-istudju jkun ġie stabbilit, ikun xieraq li tiftaħ u tagħlaq b’talba.—km 3/05 pġ. 4.
Kif Tintroduċi t-Talb
◼ Maʼ dawk li jkunu reliġjużi, it-talb jistaʼ jiġi offrut mill-ewwel studju li jsir.
◼ M’oħrajn, irridu nużaw id-dehen biex nagħrfu meta jkun il-waqt li nintroduċulhom it-talb.
◼ Tistaʼ tuża Salm 25:4, 5 u l-1 Ġwanni 5:14 biex tispjega għala għandu jsir it-talb.
◼ Tistaʼ tuża Ġwanni 15:16 biex turi li għandna nitolbu lil Ġeħova permezz taʼ Ġesù Kristu.
X’Tistaʼ Tgħid fit-Talb
◼ Huwa xieraq li nfaħħru lil Ġeħova bħala s-Sors tat-tagħlim.
◼ Esprimi interess sinċier fl-istudent.
◼ Esprimi apprezzament għall-organizzazzjoni li qed juża Ġeħova.
◼ Itlob għall-barka taʼ Ġeħova fuq l-isforzi taʼ l-istudent biex japplika dak li qed jitgħallem.
It-8 Parti: Nidderieġu lill-Istudenti Lejn l-Organizzazzjoni
Il-mira tagħna meta nikkonduċu studji tal-Bibbja m’hijiex biss li nagħtu l-informazzjoni dwar it-tagħlim tagħna imma wkoll li ngħinu lill-istudent isir parti mill-kongregazzjoni Kristjana. Fuq l-istudju ħu ftit minuti kull ġimgħa biex taqsam punt dwar l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.—km 4/05 pġ. 8.
Il-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
◼ Iddeskrivi kull laqgħa tal-kongregazzjoni. Mill-ewwel studju, stidinhom jattendu.
◼ Aqsam magħhom punti li jispikkaw u li jiġu preżentati fil-laqgħat.
◼ Ibni l-entużjażmu għat-Tifkira, l-assembleat, u ż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit.
◼ Uża r-ritratti fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex tgħinhom jieħdu idea taʼ kif isiru l-affarijiet.
◼ Ħeġġiġhom jaqraw il-browxer Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Min Huma? X’Jemmnu?
Uża l-Vidjos biex Tibni l-Apprezzament
◼ Jehovah’s Witnesses—The Organization Behind the Name (Ix-Xhieda taʼ Ġeħova—L-Organizzazzjoni wara l-Isem)
◼ Our Whole Association of Brothers (Il-Fratellanza Kollha Tagħna)
◼ United by Divine Teaching (Magħqudin Permezz taʼ Tagħlim Divin)
◼ To the Ends of the Earth (Sa Truf l-Art)
Id-9 Parti: Nippreparaw lill-Istudenti biex Jagħtu Xiehda Informali
Hekk kif l-istudenti tal-Bibbja jibdew jeżerċitaw fidi f’dak li qed jitgħallmu, huma jiġu mqanqlin biex jitkellmu dwaru.—km 5/05 pġ. 1.
Ħeġġiġhom Jagħtu Xiehda
◼ Hemm xi ħbieb u membri tal-familja li jistgħu jistidnuhom biex jattendu l-istudju?
◼ Hemm xi ħadd minn sħabhom tax-xogħol, taʼ l-iskola, jew ħbieb oħra li esprimew interess?
Ħarriġhom biex Jaqsmu t-Twemmin Tagħhom
◼ F’ċerti postijiet fl-istudju, staqsi lill-istudent, “Kieku int kif tuża l-Bibbja biex tispjega din il-verità lill-familja tiegħek?”
◼ Għinu jifhem li għandu juri rispett u qalb tajba meta jitkellem m’oħrajn dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu.
◼ L-istudenti jistgħu jużaw il-browxer Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Min Huma? X’Jemmnu? biex jgħinu lill-ħbieb u l-membri tal-familja biex jifhmu ttwemmin u l-attivitajiet tagħna bbażati fuq il-Bibbja.
L-10 Parti: Inħarrġu lill-Istudenti fil-Ministeru minn Dar għal Dar
Meta l-anzjani jiddeterminaw li student tal-Bibbja jikkwalifika bħala pubblikatur mhux mgħammed, dan jistaʼ jibda jieħu sehem mal-kongregazzjoni fix-xogħol taʼ l-ippridkar pubbliku.—km 6/05 pġ. 1.
Nippreparaw Flimkien
◼ Uri lill-pubblikatur il-ġdid fejn jistaʼ jsib suġġerimenti taʼ preżentazzjonijiet.
◼ Għinu jagħżel preżentazzjoni sempliċi li hi adattata għat-territorju lokali.
◼ Inkuraġġih biex juża l-Bibbja fil-ministeru.
◼ Ipprattikaw flimkien. Urih kif jistaʼ jwieġeb bit-tattika għar-reazzjonijiet li huma komuni fit-territorju.
Nippridkaw Flimkien
◼ Ħalli lill-istudent josservak hekk kif int tagħmel il-preżentazzjoni li tkunu ppreparajtu flimkien.
◼ Żomm f’moħħok x’personalità u x’abbiltajiet għandu l-istudent. F’ċerti każi, l-aħjar ħaġa tkun li l-pubblikatur il-ġdid jagħmel biss parti mill-preżentazzjoni.
◼ Għin lill-pubblikatur il-ġdid biex jagħmel skeda ħalli jkun jistaʼ jieħu sehem regolarment fil-ministeru.
Il-11-il Parti: Ngħinu lill-Istudenti Jagħmlu ż-Żjajjar Lura
Il-preparazzjoni għal żjara lura tibda meta nżuru lill-persuna l-ewwel darba. Inkuraġġixxi lill-istudent biex juri interess sinċier f’dawk li jitkellem magħhom. Ħarrġu pass pass biex jitgħallem kif jgħin lill-inkwilini jesprimu ruħhom, kif joqgħod jismaʼ dak li għandhom x’jgħidu, u kif jagħti kas taʼ dak li jinteressahom.—km 7/05 pġ. 1.
Ippreparaw biex Terġgħu Tmorru
◼ Irrivedi x’ġara fl-ewwel żjara, u għin lill-istudent jagħżel suġġett li jinteressa lill-inkwilin.
◼ Ippreparaw flimkien preżentazzjoni qasira li tkun tinkludi skrittura kif ukoll paragrafu minn xi pubblikazzjoni.
◼ Ħejju mistoqsija li tkun tistaʼ ssir fi tmiem id-diskussjoni.
Ħabrek biex Tagħmel iż-Żjajjar Lura
◼ Inkuraġġixxi lill-istudent biex imur mill-iktar fis possibbli għand dawk kollha li juru interess.
◼ Għin lill-istudent jara li għandu bżonn jippersisti biex isib lil dawk li huma diffiċli biex isibhom id-dar.
◼ Uri lill-pubblikatur il-ġdid kif jagħmel appuntament, u għinu jifhem il-ħtieġa li jirritorna kif ikun wiegħed.
It-12-il Parti: Ngħinu lill-Istudenti Jibdew u Jikkonduċu Studji tal-Bibbja
Huwa vitali li timita lil Ġesù billi tagħti eżempju tajjeb fil-ministeru tiegħek. Hekk kif l-istudent josserva l-eżempju li tagħtih fil-ministeru, hu se jifhem li l-objettiv taż-żjajjar lura hu li jinbdew studji tal-Bibbja.—km 8/05 pġ. 1.
Noffru Studju tal-Bibbja
◼ Spjega lill-istudent li ġeneralment ma jkunx hemm bżonn li niddeskrivu bid-dettall l-arranġament taʼ kif isir studju.
◼ Spiss ikun aħjar li sempliċement tagħmel turija taʼ l-istudju billi tuża paragrafu jew forsi tnejn minn pubblikazzjoni għall-istudju.
◼ Irrivedi u ipprattika wieħed mis-suġġerimenti biex jinbdew l-istudji tal-Bibbja.—km 8/05 pġ. 8; km 1/02 pġ. 6.
Ħarreġ lill-Istudenti biex Ikunu Għalliema
◼ Ħeġġeġ lill-istudenti biex jidħlu fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.
◼ Agħmel arranġamenti biex il-pubblikaturi ġodda jmorru fuq studji tal-Bibbja oħrajn fejn jistaʼ jkollhom sehem żgħir fit-tagħlim.