Uri Interess Persunali—Billi Tkun Grazzjuż
1 “Ġeħova hu grazzjuż.” (Salm 145:8, New World Translation) Minkejja li hu s-Sovran Universali, hu juri qalb tajba, konsiderazzjoni, u ħlewwa meta jittratta maʼ l-umanità imperfetta. (Ġen. 13:14; 19:18-21, 29) Aħna nistgħu ntejbu l-preżentazzjoni tagħna taʼ l-aħbar tajba billi nimitaw lil Alla grazzjuż tagħna. (Kol. 4:6) Dan jinvolvi iktar milli sempliċement inkunu edukati u nuru rispett f’diskorsna.
2 Minn Bieb għal Bieb: X’għandna nagħmlu jekk inżuru lil xi inkwilin f’ħin mhux konvenjenti jew waqt li jkun imħabbat wisq biex jitkellem magħna? Ikun tajjeb li nagħrfu dawn iċ-ċirkustanzi u nuru dan billi nżommu l-preżentazzjoni qasira kemm jistaʼ jkun jew inkella noffru li nerġgħu mmorru f’ħin ieħor. Aħna b’qalb tajba ma ninsistux biex in-nies jieħdu l-letteratura jekk huma ma jkunux jixtiequ. Meta nuru konsiderazzjoni lejn ħaddieħor se nitqanqlu biex nuru rispett lejn il-proprjetà tagħhom, billi nagħlqu l-gradi u l-bibien u billi ngħallmu lil uliedna jagħmlu l-istess. Meta nħallu xi letteratura fejn ma nsibux nies id-dar għandna nkunu ċerti li ma nħalluhiex tidher min-nies li jgħaddu minn hemm. Tabilħaqq, il-fatt li nkunu grazzjużi se jimmotivana biex nittrattaw lil ħaddieħor bħalma nixtiequ li niġu trattati aħna.—Lq. 6:31.
3 F’Xogħol fit-Toroq: Meta nkunu qed nieħdu sehem f’għoti taʼ xiehda fit-toroq, nistgħu nuru l-ħlewwa billi ma nagħlqux il-passaġġ tal-bankina u ma ninġemgħux quddiem xi ħanut. Għandna nkunu sensittivi għaċ-ċirkustanzi taʼ ħaddieħor billi nfittxu lil dawk li jistaʼ jkollhom xi ftit minuti ċans għal diskussjoni, u mhux lil uħud li jinsabu mgħaġġlin. Kultant, ikun hemm bżonn li ngħollu l-vuċi biex ninstemgħu aħjar minħabba xi storbju fit-toroq. Madankollu dan għandu jsir bid-dinjità, biex ma niġbdux attenzjoni fuqna nfusna.—Mt. 12:19.
4 Meta Nagħtu Xiehda bit-Telefon: Meta nkunu se nagħtu xiehda bit-telefon ikun tajjeb li nikkunsidraw lil ħaddieħor billi nagħżlu post fejn ma jkunx hemm storbju. Għandna nuru manjieri tajbin ukoll billi mill-ewwel ngħidu min aħna u r-raġuni għala ċempilna. Meta nitkellmu dirett ġot-telefon u nżommu t-ton tagħna dħuli se nkunu nistgħu iktar ninvolvu lil ħaddieħor f’konversazzjoni Skritturali li tibni. (1 Kor. 14:8, 9) Billi nuru qalb tajba, konsiderazzjoni, u ħlewwa b’modi differenti, aħna nkunu qed nimitaw lil Alla grazzjuż tagħna, Ġeħova.