Nagħmlu Sforz Flimkien Globalment biex Nirreklamaw il-Konvenzjoni Distrettwali “Segwi lill-Kristu!”
Il-Pubblikaturi Se Jerġgħu Jqassmu Volantin Speċjali
1 Is-sena l-oħra l-kampanja li saret madwar id-dinja kollha biex tirreklama lKonvenzjoni Distrettwali “Il-Ħelsien fil-Qrib!” kellha effett kbir fuq uħud interessati. Dawk li aċċettaw l-invit speċjali u attendew esperjenzaw għall-ewwel darba festa spiritwali abbundanti max-Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 65:13, 14 [65:13, NW]) Huma gawdew sħubija mal-fratellanza Kristjana magħquda u kollha mħabba. (Salm 133:1) Sabiex ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jattendu l-Konvenzjoni Distrettwali “Segwi lill-Kristu!” se nerġgħu nieħdu sehem fit-tqassim taʼ volantin speċjali madwar id-dinja.
2 Riżultati mis-Sena l-Oħra: Minn rapporti li ġew minn madwar id-dinja kollha, inkisbu riżultati eċċellenti mill-irreklamar tal-Konvenzjoni Distrettwali “Il-Ħelsien fil-Qrib!” F’ħafna postijiet kellna pubbliċità favorevoli. Per eżempju, f’waħda mill-bliet, gazzetta waħda ppubblikat artiklu taʼ sitt kolonni dwar il-kampanja li kien jgħid: “Ix-Xhieda qed jagħmlu sforz speċjali u ħabrieki f’dawn l-inħawi sabiex jilħqu lil kulħadd fil-ħin—jaħdmu sigħat itwal, jimxu distanzi itwal, u jitkellmu iktar malajr.” It-tqassim koordinat tal-volantin qanqal l-interess tal-mezzi tax-xandir lokali f’belt oħra, u dan qanqal rapport dettaljat fl-aħbarijiet. Minn taʼ l-inqas tliet gazzetti rrapportaw b’mod favorevoli dwar l-attività tagħna qabel il-konvenzjoni. Wieħed riporter kiteb diversi artikli estensivi li ħadu iktar minn żewġ paġni fil-ħarġa tal-Ħadd taʼ waħda mill-gazzetti. Dawn kienu jitkellmu dwar it-twemmin tagħna, il-fratellanza tagħna, it-tqassim tal-volantin, u l-konvenzjoni. Meta pubblikatriċi ppreżentat l-invit f’bieb minnhom, l-inkwilina waqqfitha u qaltilha: “Iva. Issa kont qed naqra dwar dan fil-gazzetta!” Inkwilina oħra qalet: “Għadni kif kont qed naqra dwarkom, u issa qegħdin hawn! Dan l-invit tiegħi?” Imbagħad kompliet tgħid, “Din hija xi ħaġa sabiħa ħafna li qed jagħmlu x-Xhieda taʼ Ġeħova.”
3 Ħafna individwi interessati marru fil-postijiet tal-konvenzjoni bl-invit f’idhom. Xi wħud interessati saqu minn bliet ’il bogħod sabiex jattendu s-sessjonijiet. L-isforzi ħabrieka tagħna biex nistiednu lil oħrajn wasslu għal żjieda fl-attendenza; pajjiż wieħed kellu żjieda taʼ 27 fil-mija fl-ammont taʼ nies preżenti għall-konvenzjoni mis-sena taʼ qabel.
4 Inkopru t-Territorju: Tistgħu tibdew tqassmu l-volantin tliet ġimgħat qabel tibda l-konvenzjoni tagħkom. Għandu jsir kull sforz biex jintlaħaq it-territorju kollu tal-kongregazzjoni. F’kongregazzjonijiet li għandhom ammont kbir taʼ territorju, il-pubblikaturi jistgħu b’mod diskret iħallu l-volantin fi djar fejn ma jiftaħ ħadd matul l-aħħar ġimgħa qabel il-konvenzjoni. Il-kongregazzjonijiet għandhom jistinkaw biex iqassmu l-volantini kollha li jingħataw u biex ikopru kemm jistaʼ jkun territorju. Il-pijunieri fil-kongregazzjoni jistgħu jużaw il-volantini li jifdal.
5 X’Nistgħu Ngħidu: Tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: “Qed nieħdu sehem fi sforz globali biex jitqassam dan l-invit għal ġrajja importanti li se sseħħ dalwaqt. Din hija l-kopja tiegħek. Se ssib iktar dettalji mniżżlin fl-invit.” Jekk inżommu l-preżentazzjoni qasira se nkunu nistgħu nqassmu iktar volantini. M’għandniex xi ngħidu, jekk l-inkwilin ikollu xi mistoqsijiet, ħu l-ħin biex twiġibhom. Fejn jintwera l-interess, ħu nota u erġaʼ żur lill-individwu malajr kemm jistaʼ jkun.
6 Kemm hu vitali li nistinkaw biex insegwu lill-Kristu! (Ġw. 3:36) Il-konvenzjoni distrettwali tagħna li riesqa se tgħin lil dawk kollha li jattendu biex jagħmlu eżatt hekk. Żgur li nistgħu nistennew li se terġaʼ tingħata xiehda kbira b’riżultat taʼ dan l-isforz li qed nagħmlu flimkien biex nirreklamaw il-Konvenzjoni Distrettwali “Segwi lill-Kristu!” Għalhekk, kun żeluż f’li tistieden lil kemm jistaʼ jkun uħud biex jattendu. Jalla Ġeħova jbierek bil-kbir l-isforzi persunali tiegħek hekk kif tieħu sehem f’din il-kampanja globali li qed nagħmlu flimkien.