‘Imxi mill-Qrib Wara l-Passi Tiegħu’
1. Kif nistgħu nsiru ministri effettivi?
1 Ġesù ma ġiex mgħallem fl-iskejjel rabbiniċi, u madankollu kien l-aqwa Ministru fl-istorja tal-bniedem. Kemm aħna grati li ġie preservat rakkont bil-miktub tal-ministeru taʼ Ġesù għall-benefiċċju tagħna! Sabiex inkunu ministri effettivi rridu ‘nimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.’—1 Pt. 2:21.
2. X’se jgħinna nikkultivaw imħabba bħal taʼ Kristu lejn in-nies?
2 Uri Mħabba Lejn in-Nies: Ġesù tqanqal mill-imħabba li kellu lejn in-nies. (Mk. 6:30-34) Ħafna fit-territorju tagħna qed ‘iħossu l-uġigħ’ u jeħtiġuha ħafna l-verità. (Rum. 8:22) Jekk nirriflettu fuq is-sitwazzjoni mwiegħra tagħhom u fuq l-interess bi mħabba li għandu Ġeħova fihom niġu mqanqlin biex nippersistu fl-ippridkar. (2 Pt. 3:9) Barra minn hekk, in-nies ikunu iktar lesti li jwieġbu għall-messaġġ tagħna jekk jindunaw li jimpurtana minnhom ġenwinament.
3. Ġesù f’liema okkażjonijiet ippriedka lil oħrajn?
3 Tkellem f’Kull Opportunità: Ġesù ħa vantaġġ minn kull opportunità biex jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn. (Mt. 4:23; 9:9; Ġw. 4:7-10) Bl-istess mod, aħna rridu nkunu preparati biex nitkellmu dwar il-verità meta nkunu għaddejjin bir-rutina taʼ kuljum tagħna. Xi wħud iżommu fuqhom Bibbja u xi letteratura sabiex jagħtu xiehda fuq ix-xogħol, fl-iskola, meta jivvjaġġaw u meta jmorru jixtru, u f’okkażjonijiet oħrajn.
4. Is-Saltna kif nistgħu nagħmluha t-tema taʼ l-ippridkar tagħna?
4 Iffoka fuq is-Saltna: L-aħbar tajba tas-Saltna kienet it-tema taʼ l-ippridkar taʼ Ġesù. (Lq. 4:43) Għalkemm fil-preżentazzjoni tagħna forsi ma nsemmux is-Saltna mill-ewwel jew direttament, inżommu f’moħħna li rridu ngħinu lill-inkwilin jara kemm għandna bżonnha. Anki meta nsemmu l-kundizzjonijiet ħżiena tad-dinja li jindikaw li qed ngħixu fl-aħħar jiem, aħna primarjament ‘inxandru aħbar tajba t’affarijiet tajbin.’—Rum. 10:15.
5. Sabiex il-ministeru tagħna jkun effettiv, liema rwol għandu jkollha l-Bibbja?
5 Strieħ fuq il-Kelma t’Alla: Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù straħ fuq l-Iskrittura. M’għallem xejn minnu nnifsu. (Ġw. 7:16, 18) Hu temaʼ lilu nnifsu mill-Kelma t’Alla u applikaha għalih innifsu meta ġie attakkat minn Satana. (Mt. 4:1-4) Sabiex ngħallmu lil oħrajn b’mod effettiv irridu naqraw il-Bibbja kuljum u napplikawha personalment. (Rum. 2:21) Meta nwieġbu mistoqsijiet fil-ministeru għandna nispjegaw kif il-Bibbja tappoġġa dak li nkunu qed ngħidu, u kulmeta jkun possibbli naqraw direttament mill-Bibbja. Lill-inkwilin irriduh jara li m’aħniex nesprimu opinjonijiet persunali imma li dak li ngħidu qed nibbażawh fis-sod fuq il-ħsibijiet t’Alla.
6. X’għamel Ġesù biex jilħaq il-qlub tas-semmiegħa tiegħu?
6 Ilħaq il-Qalb Meta Tgħallem: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” (Ġw. 7:46) Hekk qalu l-uffiċjali dwar Ġesù meta l-qassisin ewlenin u l-Fariżej staqsew għala l-uffiċjali m’arrestawhx. Minflok ma kien sempliċement jgħid il-fatti, Ġesù għallem b’tali mod li laħaq il-qlub taʼ dawk li kien jgħallem. (Lq. 24:32) Hu uża tixbihat mill-ħajja taʼ kuljum biex jagħti l-ħajja lil kliemu. (Mt. 13:34) Ġesù m’għabbiex lis-semmiegħa tiegħu b’informazzjoni żejda. (Ġw. 16:12) Hu ġibed l-attenzjoni lejn Ġeħova u mhux lejh innifsu. Bħal Ġesù, nistgħu biss insiru għalliema tajbin jekk ‘noqogħdu attenti l-ħin kollu għat-tagħlim tagħna.’—1 Tim. 4:16.
7. Ġesù għala ppersista fil-ministeru?
7 Ippersisti Minkejja l-Apatija u l-Oppożizzjoni: Għalkemm Ġesù wettaq għemejjel setgħanin, ħafna ma tawhx widen. (Lq. 10:13) Anki l-membri tal-familja taʼ Ġesù stess ħassew li kien “tilef moħħu.” (Mk. 3:21) Minkejja dan, Ġesù ppersista. Hu żamm attitudni pożittiva għaliex kien konvint għalkollox li kellu l-verità li setgħet teħles lill-bnedmin. (Ġw. 8:32) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna wkoll determinati li ma naqtgħux qalbna.—2 Kor. 4:1.
8, 9. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta nagħmlu sagrifiċċji minħabba l-aħbar tajba?
8 Agħmel is-Sagrifiċċji Meħtiġin biex Ikollok Sehem Sħiħ: Ġesù ssagrifika kumditajiet materjali għall-ministeru. (Mt. 8:20) Hu ppriedka mingħajr ma għeja u xi drabi sa tard fil-jum. (Mk. 6:35, 36) Ġesù kien jaf li kellu żmien limitat biex ilesti x-xogħol. Ladarba “ż-żmien li fadal tqassar,” aħna wkoll, biex nimitaw lil Ġesù, irridu nagħmlu sagrifiċċji persunali mill-ħin, mill-enerġija, u mir-riżorsi tagħna.—1 Kor. 7:29-31.
9 Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu ministri effettivi minħabba li tgħallmu minn Ġesù. (Atti 4:13) Aħna wkoll nistgħu nwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna jekk nimitaw lill-aqwa Ministru fl-istorja tal-bniedem.—2 Tim. 4:5.