Għandna Teżori Prezzjużi X’Naqsmu m’Oħrajn
1 Il-Kelma t’Alla hi mimlija b’teżori prezzjużi li aħna ngħożżu. (Salm 12:6; 119:11, 14) F’okkażjoni partikulari, Ġesù uża tixbihat li fihom iddeskriva diversi aspetti tas-Saltna, u mbagħad staqsa lid-dixxipli tiegħu: “Fhimtuh dan kollu?” Malli wiġbuh iva, hu qalilhom: “La hu hekk, kulmin jgħallem fil-pubbliku, meta jitgħallem dwar is-saltna tas-smewwiet, hu bħal raġel, sid taʼ dar, li joħroġ mit-teżor maħżun tiegħu affarijiet ġodda u qodma.”—Mt. 13:1-52.
2 Il-veritajiet tal-Bibbja li tgħallimna meta bdejna nistudjaw jistgħu jitqiesu bħala teżori qodma. Permezz taʼ l-istudju persunali progressiv tagħna fl-affarijiet iktar profondi tal-Kelma t’Alla, aħna nsibu veritajiet Bibliċi oħrajn, li għalina huma teżori ġodda li nkunu għandna kif sibniehom. (1 Kor. 2:7) Ukoll, permezz taʼ l-“ilsir leali u għaqli,” aħna nibdew nifhmu teżori ġodda, jiġifieri, informazzjoni ġdida.—Mt. 24:45.
3 Aħna napprezzaw ħafna dawn it-teżori spiritwali, kemm jekk ġodda u kemm jekk qodma. Dan iqanqalna nistinkaw biex nirċievu taħriġ u niksbu esperjenza bħala għalliema tal-Kelma t’Alla, waqt li naqsmu m’oħrajn b’mod ġeneruż il-veritajiet prezzjużi li nkunu tgħallimna.
4 Tgħallem mill-Eżempju taʼ Ġesù: Ġesù wera kif ħassu dwar dawn it-teżori billi għamel sforz kbir biex jaqsamhom m’oħrajn. Anki meta kien għajjien, hu ma waqafx joħroġ it-teżori mill-“maħżen” tiegħu.—Ġw. 4:6-14.
5 L-imħabba taʼ Ġesù għal dawk li kienu foqra spiritwalment qanqlitu biex jaqsam magħhom teżori tal-veritajiet t’Alla li jagħtu l-ħajja. (Salm 72:13) Hu tħassarhom lil dawk li kienu bil-ġuħ spiritwalment u ġie mqanqal biex “jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mk. 6:34.
6 Imita lil Ġesù: Meta napprezzaw ħafna t-teżori li għandna aħna se nkunu, bħal Ġesù, ħerqanin biex nuru lin-nies it-teżori spiritwali prezzjużi direttament mill-Bibbja. (Prov. 2:1-5) Għalkemm kultant nistgħu nkunu għajjenin, aħna se nitkellmu dwar il-veritajiet Skritturali b’entużjażmu mill-qalb. (Marku 6:34) L-apprezzament profond tagħna għat-teżori li għandna se jqanqalna biex nagħmlu kemm nifilħu fil-ministeru, waqt li dejjem infittxu modi kif nistgħu nieħdu sehem fih iktar bis-sħiħ.