Il-Ministri Kristjani Għandhom Bżonn Jitolbu
1. X’inhu meħtieġ biex inwettqu l-ministeru tagħna?
1 Ma nistgħux inwettqu l-ministeru bis-saħħa tagħna stess. Ġeħova jagħtina s-saħħa biex nagħmlu x-xogħol. (Flp. 4:13) Hu juża l-anġli tiegħu biex jgħinuna nsibu wħud bħal nagħaġ. (Riv. 14:6, 7) Hu Ġeħova li jikkaġuna t-tkabbir taż-żrieragħ tal-verità li nħawlu u nsaqqu aħna. (1 Kor. 3:6, 9) Kemm hu importanti li l-ministri Kristjani jistrieħu fuq Missierna tas-sema permezz tat-talb!
2. Liema huma xi affarijiet li nistgħu nitolbu dwarhom?
2 Għalina Nfusna: Għandna nitolbu kull meta nippritkaw. (Efes. 6:18) Liema huma xi affarijiet li nistgħu nitolbu dwarhom? Nistgħu nitolbu biex ikollna attitudni pożittiva lejn it-territorju u biex ikollna l-qlubija. (Atti 4:29) Nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jidderiġina lejn uħud b’attitudni xierqa li nistgħu nistudjaw il-Bibbja magħhom. Jekk l-inkwilin jistaqsi mistoqsija, nistgħu ngħidu talba żgħira f’qalbna biex nitolbu għall-għajnuna taʼ Ġeħova ħalli nwieġbu kif suppost. (Neħ. 2:4) Nistgħu wkoll nitolbu għall-għerf biex inżommu l-ministeru fl-ewwel post. (Ġak. 1:5) Ukoll, Ġeħova jieħu gost meta ninkludu l-gratitudni tagħna għall-privileġġ li aħna l-ministri tiegħu.—Kol. 3:15.
3. It-talb għal oħrajn kif jappoġġa x-xogħol tal-ippritkar?
3 Għal Oħrajn: Għandna wkoll ‘nitolbu għal xulxin,’ saħansitra nsemmu lil ministri sħabna b’isimhom meta dan ikun xieraq. (Ġak. 5:16; Atti 12:5) Tillimita s-saħħa batuta dak li tistaʼ tagħmel int fix-xogħol tal-ippritkar? Mela itlob għal ministri sħabek li huma f’saħħithom. Qatt tinsa li t-talb tiegħek għan-nom tagħhom għandu qawwa kbira! Huwa xieraq ukoll li titlob biex l-awtoritajiet ikollhom attitudni favorevoli lejn ix-xogħol tal-ippritkar ħalli ħutna ‘jkomplu jgħaddu ħajja kalma u kwieta.’—1 Tim. 2:1, 2.
4. Għala għandna nipperseveraw fit-talb?
4 L-ippritkar tal-aħbar tajba fl-art abitata kollha hu xogħol tassew enormi. Jekk ‘nipperseveraw fit-talb,’ se nwettqu x-xogħol bl-għajnuna taʼ Ġeħova.—Rum. 12:12.