Gawdi Affarijiet Tajbin Minħabba x-Xogħol Iebes Tiegħek
1. X’jistaʼ jnaqqsilna ż-żelu għall-ministeru?
1 Il-bniedem ġie maħluq bl-għan li “jgawdi affarijiet tajbin minħabba x-xogħol iebes tiegħu.” (Ekk. 2:24) Madankollu, meta ma narawx riżultati tajbin fil-ministeru tagħna, l-iskuraġġiment jistaʼ jisirqilna l-ferħ u jnaqqsilna ż-żelu. X’jistaʼ jgħinna nżommu attitudni pożittiva?
2. Għala għandu jkollna stennijiet realistiċi dwar kif in-nies jirreaġixxu għall-ministeru tagħna?
2 Kun Realistiku fl-Istennijiet Tiegħek: Ftakar li għalkemm kienu ftit dawk li rreaġixxew b’mod favorevoli għat-tagħlim taʼ Ġesù, il-ministeru tiegħu bla dubju kien taʼ suċċess. (Ġw. 17:4) Fit-tixbiha tiegħu tar-raġel li ħareġ jiżraʼ, Ġesù bassar li ħafna mill-qlub fl-aħħar mill-aħħar mhumiex se jilqgħu l-messaġġ tas-Saltna li hu bħal żerriegħa. (Mt. 13:3-8, 18-22) Minkejja dan, l-isforzi ħabrieka tagħna xorta jwettqu ħafna ġid.
3. Kif nistgħu ‘nagħtu l-frott’ anki jekk naraw li ftit uħud jirreaġixxu b’mod favorevoli għall-ippritkar tagħna?
3 Kif Nagħtu Ħafna Frott: Skont it-tixbiha taʼ Ġesù, min jaċċetta l-messaġġ “jagħti l-frott.” (Mt. 13:23) Wara li z-zokk tal-qamħ jisponta u jikber, il-frott li jagħti ma jkunx zkuk żgħar tal-qamħ, imma żerriegħa ġdida. Mela l-frott li jipproduċu l-Kristjani taʼ suċċess mhuwiex bilfors dixxipli ġodda, iżda ż-żrigħ kontinwu taʼ iktar żerriegħa permezz tal-ippritkar tagħna dwar is-Saltna. Dan jirriżulta f’ħafna ‘tajjeb’ li minnu nistgħu niksbu sodisfazzjon, sew jekk in-nies jirreaġixxu b’mod favorevoli u sew jekk le. Aħna qed nagħtu l-kontribut tagħna għat-taqdis tal-isem taʼ Ġeħova. (Is. 43:10-12; Mt. 6:9) Qed ingawdu l-privileġġ li nkunu ħaddiema sħab m’Alla. (1 Kor. 3:9) U dan “il-frott tax-xofftejn” jogħġob ferm lil Ġeħova.—Ebr. 13:15, 16.
4. Liema riżultati, li ma nkunux nafu bihom, jistaʼ jkollu l-ministeru tagħna?
4 Iktar minn hekk, għandu mnejn li x-xogħol iebes tagħna qed ikollu riżultati li aħna ma narawhomx. Jistaʼ jkun li xi wħud li semgħu lil Ġesù jipprietka ma sarux dixxipli tiegħu sakemm temm il-ministeru tiegħu fuq l-art. B’mod simili, iż-żerriegħa tas-Saltna li niżirgħu tistaʼ ma tqabbadx l-għeruq u tikber minnufih fil-qalb taʼ individwu, u għandu mnejn jiġi fil-verità mingħajr ma nkunu nafu. Tabilħaqq, il-ministeru tagħna jwettaq ħafna u ħafna ġid. Għaldaqstant, jalla ‘nibqgħu nagħtu ħafna frott’ u nagħtu prova li aħna dixxipli taʼ Ġesù.—Ġw. 15:8.