Ikkultiva d-drawwa li tkun fil-ħin
1. Ġeħova liema eżempju jagħti rigward il-puntwalità?
1 Ġeħova qatt ma jittardja. Pereżempju, hu jagħti lill-qaddejja tiegħu “għajnuna f’waqtha.” (Ebr. 4:16) Hu wkoll jipprovdi “l-ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45) Għalhekk, nistgħu nkunu fiduċjużi li l-jum li ġej tar-rabja tiegħu ‘mhux se jkun tard.’ (Ħab. 2:3) Kemm nibbenefikaw mill-puntwalità taʼ Ġeħova! (Salm 70:5) Però, bħala bnedmin imperfetti li dejjem għandna x’nagħmlu, li nkunu fil-ħin tistaʼ tkun taʼ sfida għalina. Għala għandna nikkultivaw id-drawwa li nkunu fil-ħin?
2. Li nkunu fil-ħin għala jonora lil Ġeħova?
2 Matul dawn l-aħħar jiem fejn in-nies iħobbu lilhom infushom u huma bla rażan, li ma jkunux fil-ħin hi xi ħaġa normali. (2 Tim. 3:1-3) Għalhekk, meta l-Kristjani jaslu fil-ħin għax-xogħol, l-appuntamenti, u l-laqgħat, oħrajn jinnotawhom u dan jonora lil Ġeħova. (1 Pt. 2:12) Naslu aħna ġeneralment fil-ħin għax-xogħol imma mbagħad nindunaw li spiss naslu tard għall-attivitajiet teokratiċi? Meta nkunu fil-ħin għal-laqgħat Kristjani, inkluż it-talba u l-għanja tal-ftuħ, nuru li nixtiequ nimitaw lil Missierna tas-sema, li jagħmel kollox bl-ordni.—1 Kor. 14:33, 40.
3. Meta nkunu puntwali għala nuru li nirrispettaw lil oħrajn?
3 Meta nkunu puntwali nuru wkoll li nirrispettaw lil oħrajn. (Flp. 2:3, 4) Pereżempju, meta naslu fil-ħin għal-laqgħat Kristjani, inkluż il-laqgħat tas-servizz tal-għalqa, l-aduraturi sħabna ma jiġux imfixkla bla bżonn. Mill-banda l-oħra, jekk għandna d-drawwa li naslu tard, oħrajn jistgħu jaħsbu li aħna nikkunsidraw il-ħin tagħna bħala li hu iktar taʼ valur minn tagħhom. Meta nkunu fil-ħin nuru li aħna taʼ min joqgħod fuqna, diliġenti, u taʼ min jafdana—kwalitajiet li huma apprezzati minn dawk taʼ madwarna.
4. Jekk spiss naslu tard, kif nistgħu nitjiebu?
4 Jekk spiss tasal tard, ieqaf u aħseb għala. Organizza ruħek billi tagħmel skeda realistika li tippermettilek tagħmel kollox f’ħinu. (Ekk. 3:1; Flp. 1:10) Itlob lil Ġeħova għall-għajnuna. (1 Ġw. 5:14) Li tkun puntwali hu mod wieħed kif turi apprezzament għall-akbar żewġ kmandamenti tal-Liġi—li tħobb lil Alla u tħobb lill-proxxmu tiegħek.—Mt. 22:37-39.