GĦIX BĦALA KRISTJAN
Ħu pjaċir ipprietka l-aħbar tajba
Qatt sibtha diffiċli li tipprietka? Ħafna minna jwieġbu iva għal din il-mistoqsija. Għala? Għax forsi b’mod regulari niffaċċjaw apatija jew oppożizzjoni fit-territorju tagħna jew nibżgħu nitkellmu maʼ xi ħadd li ma nafux. Ovvjament, dawn l-affarijiet jistgħu jnaqqsulna l-ferħ. Madankollu, aħna nqimu l-Alla li hu ferrieħi u li jridna naqduh bil-ferħ. (Sa 100:2; 1Ti 1:11) Liema huma tliet raġunijiet tajbin għala għandna nieħdu pjaċir nippritkaw?
L-ewwel raġuni hi li aħna niddikjaraw messaġġ taʼ tama. Għalkemm it-tama qed tonqos fis-soċjetà tal-lum, aħna nistgħu nagħtu lin-nies “aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar.” (Is 52:7) Imma l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla tistaʼ tferraħ lilna wkoll. Qabel toħroġ tipprietka, immedita fuq il-barkiet li s-Saltna t’Alla se ġġib fuq l-art.
It-tieni raġuni hi li l-aħbar tajba li nippritkaw hi taʼ benefiċċju kemm fiżikament u kemm spiritwalment għan-nies. Huma jitgħallmu jabbandunaw prattiki li jagħmlu l-ħsara u jiksbu t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. (Is 48:17, 18; Rum 1:16) Aħna nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna li qed naħdmu biex infittxu u nsalvaw lin-nies wara xi diżastru. Għalkemm xi nies ma jridux jiġu salvati, aħna nkomplu nfittxu lil dawk li jridu jiġu salvati.—Mt 10:11-14.
It-tielet raġuni, u l-iktar importanti, hi li l-ippritkar tagħna jonora lil Ġeħova. Hu jgħożż ħafna l-ippritkar tagħna. (Is 43:10; Eb 6:10) Iktar minn hekk, hu jagħtina b’mod ġeneruż l-ispirtu qaddis tiegħu biex inwettqu dan ix-xogħol. B’hekk, itlob bil-ħrara lil Ġeħova għall-ferħ, li jiġi mill-ispirtu qaddis. (Ga 5:22) Permezz tal-għajnuna tiegħu, nistgħu negħlbu l-ansjetajiet tagħna u nippritkaw b’kuraġġ. (At 4:31) Imbagħad, jaġixxu kif jaġixxu n-nies fit-territorju tagħna, se nsibu l-ferħ fl-inkarigu tal-ippritkar tagħna.—Eże 3:3.
Liema attitudni tixtieq li jkollok fil-ministeru? Kif tistaʼ turi l-ferħ?
ARA L-VIDJOW ERĠAʼ IKSEB IL-FERĦ PERMEZZ TAʼ STUDJU U MEDITAZZJONI, U MBAGĦAD WIEĠEB IL-MISTOQSIJIET LI ĠEJJIN:
Għala għandna nagħtu prijorità lill-istudju spiritwali tagħna, anki jekk inqattgħu ħafna sigħat nippritkaw kull xahar?
B’liema mod għandna nimitaw lil Marija?
Int meta twarrab il-ħin biex timmedita fuq il-Kelma t’Alla?
X’jagħmlek ferħan meta tipprietka l-aħbar tajba?