LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w20 Novembru pp. 2-7
  • Kif Tgħin lill-Oħrajn Josservaw il-Kmandamenti taʼ Kristu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tgħin lill-Oħrajn Josservaw il-Kmandamenti taʼ Kristu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALLMUHOM JOSSERVAW IL-​KMANDAMENTI TAʼ KRISTU
  • IL-​KONGREGAZZJONI KIF TISTAʼ TGĦIN LILL-​ISTUDENTI TAL-​BIBBJA
  • NGĦINU LIL UĦUD INATTIVI BIEX JERĠGĦU JIBDEW JIPPRITKAW
  • AĦNA RRIDU NLESTU X-​XOGĦOL LI TANA ĠESÙ
  • “Morru u agħmlu dixxipli”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Għin lill-Istudent tal-Bibbja Tiegħek Isir Dixxiplu Mgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Kif Tgħin lil Student tal-Bibbja Jagħmel Progress u Jitgħammed—L-Ewwel Parti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • “Għallmuhom Iħarsu Dak Kollu li Ordnajtilkom Jien”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
w20 Novembru pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45

Kif Tgħin lill-Oħrajn Josservaw il-Kmandamenti taʼ Kristu?

“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”—MT. 28:19, 20.

GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Skont Mattew 28:18-​20, Ġesù liema kmand ta lid-​dixxipli tiegħu?

WARA li Ġesù ġie rxoxtat, hu deher lid-​dixxipli tiegħu li kienu miġburin fil-​Galilija. Hu kellu xi ħaġa importanti x’jgħidilhom. X’kienet? Dak li qalilhom insibuh f’​Mattew 28:18-20.—Aqra.

2. X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?

2 Dan il-​kmand taʼ Ġesù japplika wkoll għall-​qaddejja kollha t’Alla llum. Għalhekk, ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​inkarigu li tana Ġesù. L-​ewwel, minbarra li ngħallmu l-​kmandamenti t’Alla lid-​dixxipli ġodda, x’hemm bżonn li nagħmlu? It-​tieni, il-​pubblikaturi fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jgħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress? U t-​tielet, kif nistgħu ngħinu l-​aħwa li waqfu milli jippritkaw jerġgħu jibdew jieħdu sehem fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli?

GĦALLMUHOM JOSSERVAW IL-​KMANDAMENTI TAʼ KRISTU

3. Liema ħaġa importanti inkluda Ġesù fil-​kmand tiegħu?

3 Dak li qal Ġesù hu ċar. Aħna għandna ngħallmu lin-​nies l-​affarijiet li kmanda hu. Imma, ma rridux ninsew ħaġa importanti. Ġesù ma qalx: ‘Għallmuhom dak kollu li ordnajtilkom.’ Imma, hu qal: Għallmuhom “josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” Biex nagħmlu dan, m’għandniex biss ngħallmu student tal-​Bibbja dak li għandu jagħmel, imma għandna nuruh kif. (Atti 8:31) Għala?

4. Xi jfisser li tosserva kmand? Agħti eżempju.

4 Li ‘tosserva’ kmand ifisser li tobdih. Pereżempju, kif nistgħu ngħallmu lil xi ħadd josserva, jew jobdi, l-​affarijiet li kmanda Kristu? Aħseb fl-​eżempju li ġej. Meta l-​instructor jgħallem lil xi ħadd isuq il-​karozza, kif jgħallmu jobdi l-​liġijiet tat-​traffiku? L-​ewwel, hu jgħallem lill-​istudent il-​liġijiet li għandu jobdi meta jkun qed isuq. Imma, biex jgħallmu jobdi dawn ir-​regoli, għandu jagħmel xi ħaġa oħra. Għandu jmur mal-​istudent bil-​karozza u waqt li l-​istudent ikun qed isuq, jgħinu japplika dak li tgħallem. X’jgħallimna dan l-​eżempju?

5. (a) Fi qbil maʼ Ġwanni 14:15 u l-​1 Ġwanni 2:3, lill-​istudenti tagħna x’għandna ngħallmuhom jagħmlu? (b) Agħti eżempji taʼ kif nistgħu ngħinu lill-​istudenti japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja?

5 Meta nistudjaw il-​Bibbja m’oħrajn, għandna nagħmlu iktar milli ngħallmuhom dak li Alla jitlob minna. Irridu ngħallmuhom kif japplikaw f’ħajjithom dak li jkunu qed jitgħallmu. (Aqra Ġwanni 14:15; 1 Ġwanni 2:3) Bl-​eżempju tagħna, nistgħu nuruhom kif jistgħu japplikaw il-​veritajiet li qed jitgħallmu mill-​Bibbja meta jkunu l-​iskola, fuq ix-​xogħol, jew waqt id-​divertiment. Nistgħu ngħidulhom minn xiex għaddejna aħna biex nuruhom li meta applikajna l-​pariri tal-​Bibbja, ħadna deċiżjonijiet tajbin u ġejna protetti. Meta nkunu mal-​istudent, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jiggwidah permezz tal-​ispirtu tiegħu.—Ġw. 16:13.

6. X’hemm involut f’li ngħallmu lill-​oħrajn jobdu l-​kmandamenti taʼ Ġesù?

6 X’hemm involut f’li ngħallmu lill-​oħrajn jobdu l-​kmandamenti taʼ Ġesù? Irridu ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja jkollhom ix-​xewqa li jagħmlu dixxiplu. Xi studenti jibżgħu jippritkaw. Għalhekk, irridu nkunu paċenzjużi biex  ngħinuhom jifhmu l-​veritajiet tal-​Bibbja aħjar u jkollhom fidi iktar b’saħħitha. Imbagħad, il-​verità se tmissilhom qalbhom  u timmotivahom biex jippritkaw. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-​istudenti jkollhom ix-​xewqa biex jippritkaw l-​aħbar tajba?

7. Kif nistgħu ngħinu l-​istudent ikollu xewqa li jaqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn?

7 Nistgħu nistaqsu lill-​istudent mistoqsijiet bħal: “It-​tagħlim tal-​Bibbja kif għenek f’ħajtek? Taħseb li oħrajn għandhom bżonn jisimgħu dan it-​tagħlim? X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom?” (Prov. 3:27; Mt. 9:37, 38) Uri lill-​istudent il-​fuljetti li għandna fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim u ħallih jagħżel wieħed li jistaʼ jogħġob lil tal-​familja, lill-​ħbieb, u lil tax-​xogħol.b Agħtih xi fuljetti u pprattika miegħu kif joffri l-​fuljett bit-​tattika. U meta l-​istudent isir pubblikatur mhux mgħammed, tajjeb li nippritkaw miegħu biex ngħinuh.—Ekk. 4:9, 10; Lq. 6:40.

IL-​KONGREGAZZJONI KIF TISTAʼ TGĦIN LILL-​ISTUDENTI TAL-​BIBBJA

8. Għala hu importanti li l-​istudenti tagħna jkollhom imħabba kbira għal Alla u għall-​proxxmu? (Ara wkoll il-​kaxxa “Kif Ngħinu l-​Istudenti tal-​Bibbja Tagħna Jkabbru l-​Imħabba Tagħhom għal Alla.”)

8 Ftakar li Ġesù qalilna biex ngħallmu lill-​oħrajn “josservaw dak kollu” li kmanda hu. Dan jinkludi l-​ikbar żewġ kmandamenti, li nħobbu lil Alla u  nħobbu lill-​proxxmu tagħna. (Mt. 22:37-​39) Jekk ngħinu lill-​istudent tal-​Bibbja tagħna jobdi dawn il-​kmandamenti, aħna nkunu qed ngħinuh biex jipprietka. Għala? Għax jekk ikollu mħabba kbira għal Ġeħova u għall-​oħrajn, hu se jkun irid jipprietka. Aħna nifhmu li għal xi studenti tal-​Bibbja, il-​ħsieb li jmorru jippritkaw jistaʼ jbeżżagħhom. Però, nistgħu nuruhom li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova maż-​żmien jistgħu jegħlbu l-​biżaʼ mill-​bniedem. (Salm 18:1-​3; Prov. 29:25) Il-​kaxxa taʼ maʼ dan l-​artiklu se turina x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-​istudent tagħna jħobb iktar lil Ġeħova. Apparti minn hekk, x’tistaʼ tagħmel il-​kongregazzjoni biex tgħin lil student juri iktar imħabba?

KIF NGĦINU L-​ISTUDENTI TAL-​BIBBJA TAGĦNA JKABBRU L-​IMĦABBA TAGĦHOM GĦAL ALLA

Waqt l-istudju oħt turi lill-istudenta tal-Bibbja vidjow.

(Ara paragrafu 8)c

INKURAĠĠIHOM JAQRAW

L-istudenta tal-Bibbja taqra l-Bibbja u f’idha għandha l-iskeda tal-qari tal-Bibbja.

Inkuraġġixxi lill-​istudenti biex jaqraw il-​Bibbja kuljum, anki għal ftit minuti biss. Agħtihom kopja tal-​iskeda għall-​qari tal-​Bibbja. (Ara “Skeda tal-​qari tal-​Bibbja” li tistaʼ tipprintjaha. Mur fuq jw.org, LIBRERIJA > KOTBA U BROWXERS > SKEDA GĦALL-​QARI TAL-​BIBBJA.) Inkuraġġihom ukoll biex jaraw il-​vidjows introduzzjoni għall-​kotba tal-​Bibbja, u urihom fejn jistgħu jsibuhom fuq il-​website tagħna.

GĦINHOM JIMMEDITAW

L-istudenta tal-Bibbja qed timmedita fuq dak li qrat.

Għin lill-​istudenti tal-​Bibbja biex jimmeditaw dwar dak li jaqraw mill-​Bibbja. Uża l-​ktejjeb “Introduzzjoni għall-​Kelma t’Alla,” u urihom mistoqsija 20, “Kif tistaʼ tibbenefika l-​iktar mill-​qari tiegħek tal-​Bibbja?” Spjegalhom kif dawk l-​erbaʼ mistoqsijiet li hemm imniżżlin jistgħu jgħinuhom jimmeditaw. Biex turihom kif jagħmlu dan, aqraw xi versi mill-​Bibbja flimkien u mbagħad wieġbu l-​mistoqsijiet flimkien. Billi ngħallmuhom jagħmlu dan, aħna ngħinu lill-​istudenti jsibu veritajiet prezzjużi mill-​Bibbja. Dan se jgħinhom biex ikunu ferħanin u jersqu eqreb taʼ Ġeħova.

GĦALLIMHOM JITOLBU

L-istudenta tal-Bibbja qed titlob.

Għallem lill-​istudenti tal-​Bibbja biex jitolbu lil Ġeħova, u għinhom jifhmu dwar xiex jistgħu jitolbu. Uża skritturi bħal Salm 25:4, 5 u l-​1 Ġwanni 5:14, 15 biex tispjega għala huwa importanti li jitolbu lil Ġeħova. Meta titlob qabel u wara l-​istudju, kun speċifiku. Fit-​talba semmi affarijiet li juru l-​imħabba tiegħek lejn l-​istudent. Meta nitolbu minn qalbna, l-​istudent se jara kemm inħobbu lil Ġeħova u se jkun motivat biex jitlob mill-​qalb ukoll. Talb bħal dan se jgħinu jkabbar ix-​xewqa biex jobdi lil Ġeħova u l-​kmandamenti taʼ Kristu.

9. L-​istudent li jkun qed jitgħallem isuq kif jitgħallem lezzjonijiet importanti?

9 Ejja nerġgħu nieħdu l-​eżempju taʼ xi ħadd li qed jitgħallem isuq. Meta jkun qed isuq mal-​instructor tiegħu, kif ikun qed jitgħallem? Billi jismaʼ mill-​instructor u billi jinnota x’qed jagħmlu sewwieqa oħra. Pereżempju, l-​instructor jaf jiġbidlu l-​attenzjoni lejn sewwieq ieħor li jkun qed iċedilu. Jew jiġbidlu l-​attenzjoni tiegħu lejn sewwieq ieħor li juża l-​indicators u jgħidlu biex jagħmel l-​istess. Dan jgħallem lill-​istudent lezzjonijiet importanti li jistaʼ japplikahom meta jkun qed isuq.

10. X’se jgħin lill-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress?

10 Bl-​istess mod, student tal-​Bibbja li jibda jaqdi lil Ġeħova, mhux biss se jitgħallem mill-​għalliem tiegħu imma wkoll mill-​eżempji tajbin t’aħwa oħrajn. Allura, x’se jgħin lill-​istudenti tal-​Bibbja jagħmlu progress? Li jattendu l-​laqgħat. Għala? Għax dak li jisimgħu fil-​laqgħat se jgħinhom jitgħallmu iktar, isaħħu l-​fidi tagħhom, u jgħinhom ikabbru l-​imħabba tagħhom għal Alla. (Atti 15:30-​32) Ukoll, fil-​laqgħat l-​għalliem jistaʼ jlaqqgħu mal-​aħwa li għaddew mill-​istess affarijiet bħal tal-​istudent. B’hekk, l-​istudent se jara eżempji tajbin tal-​aħwa li qegħdin juru l-​imħabba fil-​kongregazzjoni. Ikkunsidra dawn l-​eżempji.

11. L-​istudent liema eżempji jistaʼ jara fil-​kongregazzjoni, u dan kif jistaʼ jeffettwah?

11 Fl-​ewwel eżempju, l-​istudenta tal-​Bibbja hija single parent u waqt il-​laqgħa tara oħt Kristjana li qiegħda fl-​istess sitwazzjoni. L-​isforz li tagħmel l-​oħt biex tmur il-​laqgħa bit-​tfal żgħar tagħha jmissilha qalbha. Fit-​tieni eżempju, student li qed jipprova jaqtaʼ s-​sigaretti jsir jaf pubblikatur li kellu l-​istess problema imma rnexxielu jegħlibha. Il-​ħu jgħidlu li l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova mmotivatu biex jobdi l-​kmandamenti t’Alla. (2 Kor. 7:1; Flp. 4:13) Hu jgħidlu: “Int tistaʼ taqtagħhom ukoll.” Żgur li l-​istudent se jħossu inkuraġġit u jemmen li hu jistaʼ jirnexxilu wkoll. Fit-​tielet eżempju, l-​istudenta tal-​Bibbja hija żagħżugħa. Hi tinnota oħt żagħżugħa fil-​kongregazzjoni li tidher ferriħija. B’hekk, l-​istudenta tkun tixtieq issir taf kif l-​oħt jirnexxilha tkun kuntenta.

12. Għala nistgħu ngħidu li fil-​kongregazzjoni kulħadd jistaʼ jagħmel xi ħaġa biex jgħin lil student tal-​Bibbja?

12 Meta l-​istudent isir jaf lill-​aħwa leali, hu se jitgħallem mill-​eżempju tagħhom xi jfisser li jobdi l-​kmand taʼ Kristu biex iħobb lil Alla u lill-​proxxmu. (Ġw. 13:35; 1 Tim. 4:12) Kif diġà semmejna, student tal-​Bibbja jistaʼ jitgħallem mill-​aħwa li ffaċċjaw sfidi bħalma qed jiffaċċja hu. Se jara li anki hu jistaʼ jagħmel il-​bidliet biex isir dixxiplu taʼ Kristu. (Dt. 30:11) Mela, fil-​kongregazzjoni kulħadd jistaʼ jgħin biex l-​istudent jagħmel progress. (Mt. 5:16) Int liema sforz tagħmel biex tinkuraġġixxi student li jattendi l-​laqgħat?

NGĦINU LIL UĦUD INATTIVI BIEX JERĠGĦU JIBDEW JIPPRITKAW

13-14. Ġesù x’għamel meta l-​appostli ħassewhom skuraġġiti?

13 Aħna nixtiequ ngħinu lill-​aħwa inattivi biex jerġgħu jibdew jippritkaw u jagħmlu dixxipli. Il-​mod kif Ġesù tratta lill-​appostli li kienu skuraġġiti jurina dak li nistgħu nagħmlu aħna llum.

14 Eżatt qabel Ġesù kien se jiġi maqtul, l-​appostli “kollha abbandunawh u ħarbu.” (Mk. 14:50; Ġw. 16:32) Ġesù x’għamel meta l-​appostli ħassewhom skuraġġiti? Wara li ġie rxoxtat, Ġesù qal lil uħud mid-​dixxipli tiegħu: “Tibżgħux! Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti [li ġejt irxoxtat].” (Mt. 28:10a) Ġesù ma qatax qalbu minnhom. Minkejja li huma abbandunawh, xorta sejħilhom ‘ħutu.’ Bħal Ġeħova, Ġesù kien juri ħniena u kien lest li jaħfer.—2 Slat. 13:23.

15. Kif inħossuna dwar ħutna li waqfu jippritkaw?

15 Bl-​istess mod, aħna wkoll jimpurtana ħafna minn dawk li waqfu jippritkaw, għax huma ħutna u aħna nħobbuhom! Aħna għandna niftakru x-​xogħol iebes li dawn l-​aħwa għamlu għal Ġeħova. Xi aħwa li huma inattivi ħadmu iebes għal ħafna snin. (Ebr. 6:10) Aħna nimmissjawhom ħafna! (Lq. 15:4-​7) Kif nistgħu nuru li jimpurtana minnhom bħal Ġesù?

16. Kif nistgħu nuru li jimpurtana mill-​aħwa li huma inattivi?

16 Bi mħabba stidinhom għal-​laqgħat. Mod wieħed kif Ġesù inkuraġġixxa lid-​dixxipli li kienu skuraġġiti kien billi stidinhom għal-​laqgħa. (Mt. 28:10b; 1 Kor. 15:6) Bl-​istess mod, illum nistgħu ninkuraġġixxu aħwa inattivi biex jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Jaf ikollna nistidnuhom iktar minn darba. Ġesù żgur li ħa pjaċir meta d-​dixxipli tiegħu aċċettaw l-​istedina.—Qabbel Mattew 28:16 u Luqa 15:6.

17. X’għandna nagħmlu meta xi ħu jew oħt inattiva tattendi għal laqgħa?

17 Ilqagħhom mill-​qalb. Meta Ġesù ltaqaʼ mad-​dixxipli tiegħu, huma ħassewhom komdi għax hu mar fuqhom u kellimhom. (Mt. 28:18) X’għandna nagħmlu meta xi ħu jew oħt inattiva tattendi għal laqgħa? Għandna nieħdu l-​inizjattiva biex immorru nkellmuhom. Forsi għall-​ewwel inżommu lura għax ma nkunux nafu x’ħa ngħidulhom. Però, nistgħu sempliċiment ngħidulhom kemm qed nieħdu pjaċir narawhom, u b’hekk ngħinuhom iħossuhom komdi.

18. Kif nistgħu ninkuraġġixxu wħud inattivi?

18 Inkuraġġihom. Probabbilment, id-​dixxipli taʼ Ġesù ma ħassewhomx kapaċi jippritkaw mad-​dinja kollha. Imma Ġesù inkuraġġiehom billi qalilhom: “Jien magħkom il-​jiem kollha.” (Mt. 28:20) Għenhom dan? Iva. Ftit wara, huma kienu qed “jgħallmu u jxandru bla heda l-​aħbar tajba.” (Atti 5:42) Anki pubblikaturi inattivi għandhom bżonn l-​inkuraġġiment. Huma forsi jibdew jibżgħu jerġgħu jippritkaw. Aħna nistgħu ninkuraġġuhom billi ngħidulhom li se noħorġu nippritkaw magħhom meta jkunu lesti li jibdew. Bla dubju, huma se japprezzaw l-​għajnuna tagħna meta jerġgħu jibdew jippritkaw. Li nuru lill-​aħwa inattivi li aħna jimpurtana minnhom jistaʼ jgħinhom jerġgħu jingħaqdu magħna, u dan se jġib il-​ferħ fil-​kongregazzjoni.

AĦNA RRIDU NLESTU X-​XOGĦOL LI TANA ĠESÙ

19. X’inhi x-​xewqa tagħna, u għala?

19 Kemm se ndumu nippritkaw u nagħmlu dixxipli? “Sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20; ara l-​Glossary, “Conclusion of the system of things,” fin-​New World Translation.) Imma aħna se nibqgħu nippritkaw sal-​aħħar? Jalla nkunu determinati li nibqgħu! Aħna lesti li nagħtu mill-​ħin, mill-​enerġija, u mill-​flus tagħna biex insibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimitaw lil Ġesù. Hu qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġw. 4:34; 17:4) Din hi x-​xewqa tagħna wkoll. Aħna rridu nlestu x-​xogħol li  ngħatajna. (Ġw. 20:21) U aħna rridu lil oħrajn, inkluż ħutna inattivi, biex jibqgħu jissaportu magħna f’dan ix-​xogħol.—Mt. 24:13.

20. Skont Filippin 4:13, għala nistgħu nlestu l-​inkarigu li tana Ġesù?

20 Vera, mhux faċli li nagħmlu dak li kmandana Ġesù. Però, m’aħniex qed nagħmlu dan ix-​xogħol waħedna. Ġesù wegħedna li se jkun magħna. Meta nagħmlu dixxipli, aħna nkunu “ħaddiema sħab m’Alla” u “fi sħubija maʼ Kristu,” b’hekk Ġeħova u Ġesù qed jgħinuna  nagħmlu dan ix-​xogħol. (1 Kor. 3:9; 2 Kor. 2:17) Għalhekk, nistgħu nlestuh. Xi privileġġ għandna li nagħmlu dan ix-​xogħol u kemm nieħdu pjaċir ngħinu lill-​oħrajn jagħmluh ukoll!—Aqra Filippin 4:13.

KIF NISTGĦU . . .

  • ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja josservaw il-​kmandamenti taʼ Ġesù?

  • ninkuraġġixxu lill-​istudenti tal-​Bibbja li jiġu l-​laqgħat?

  • ngħinu lill-​aħwa inattivi jerġgħu jibdew jippritkaw?

GĦANJA 79 Għallimhom iżommu sod

a Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u jgħallmuhom josservaw dak kollu li kmandahom hu. Dan l-​artiklu se jitkellem dwar kif nistgħu napplikaw dak li  qal Ġesù. Din l-​informazzjoni hi meħuda mill-​artiklu li ġie pubblikat f’It-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Lulju 2004, paġni 14-​19.

b F’dan l-​artiklu se nirreferu għall-​istudent fil-​maskil biex ikun iktar faċli.

c X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: L-​oħt li qed tikkonduċi l-​istudju tal-​Bibbja tispjega x’passi trid tagħmel l-istudenta biex tħobb lil Alla iktar. Iktar tard, l-​istudenta tagħmel it-​tliet passi li ssuġġeritilha l-​oħt.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja