Kif Tistaʼ Tkun Ċert li Alla Jismaʼ t-Talb Tiegħek?
Alla Ġeħova hu “Semmiegħ it-talb.” (Salm 65:2) Aħna nistgħu nitkellmu miegħu fejn irridu u meta rridu, f’qalbna jew b’mod li ninstemgħu. Ġeħova jridna nsejħulu ‘Missier,’ u hu l-aqwa Missier li qatt jistaʼ jkollna. (Mattew 6:9) Bi mħabba, Ġeħova jgħallimna kif għandna nitolbuh b’mod li jismagħna.
ITLOB LIL ALLA ĠEĦOVA FL-ISEM TAʼ ĠESÙ
“Jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, jagħtihielkom.”—Ġwanni 16:23.
Il-kliem taʼ Ġesù jurina ċar li Ġeħova ma jridniex nitolbuh permezz taʼ statwi, qaddisin, anġli, jew il-mejtin. Minflok, irridu nitolbu fl-isem taʼ Ġesù Kristu. Meta nitolbu lil Alla f’isem Ġesù, nuru li nifhmu l-importanza taʼ dak li Ġesù għamel għalina. “Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi,” qal Ġesù.—Ġwanni 14:6.
TKELLEM MINN QALBEK
“Ferrgħu qalbkom quddiemu.”—Salm 62:8.
Meta nitolbu lil Ġeħova, għandna nitkellmu miegħu bħalma nagħmlu maʼ missier li jħobb. Minflok nitolbu billi naqraw minn xi ktieb jew ngħidu xi talb bl-amment, għandna nitkellmu miegħu b’rispett u mill-qalb.
ITLOB FI QBIL MAR-RIEDA T’ALLA
“Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.”—1 Ġwanni 5:14.
Fil-Bibbja, Alla Ġeħova jgħidilna x’se jagħmel għalina u xi jrid li aħna nagħmlu għalih. Sabiex it-talb tagħna jkun aċċettabbli minn Alla, irridu nitolbu “skond ir-rieda tiegħu.” Biex nagħmlu hekk, hemm bżonn li nistudjaw il-Bibbja ħalli nsiru nafuh sew. Jekk nagħmlu dan, hu se jieħu pjaċir bit-talb tagħna.
GĦAL XIEX NISTGĦU NITOLBU?
Itlob għall-Bżonnijiet Tiegħek. Aħna nistgħu nitolbu lil Alla għall-bżonnijiet tagħna taʼ kuljum, bħall-ikel, il-ħwejjeġ, u fejn noqogħdu. Nistgħu nitolbu wkoll għall-għerf biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin u għas-saħħa biex nissaportu l-provi. Aħna nistgħu nitolbu għall-fidi, għall-maħfra, u għall-għajnuna t’Alla.—Luqa 11:3, 4, 13; Ġakbu 1:5, 17.
Itlob għal Oħrajn. Ġenituri li jimpurtahom minn uliedhom jieħdu pjaċir meta t-tfal tagħhom iħobbu lil xulxin. Ġeħova wkoll jixtieqna li ninteressaw ruħna f’oħrajn u nagħtu kas xulxin. Huwa tajjeb li nitolbu għar-raġel jew il-mara tagħna, għal uliedna, għal dawk li jiġu minna, u għall-ħbieb tagħna. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Itolbu għal xulxin.”—Ġakbu 5:16.
Uri Apprezzament. Dwar il-Ħallieq tagħna, il-Bibbja tgħid: “[Hu] għamel it-tajjeb u takom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.” (Atti 14:17) Meta naħsbu dwar dak kollu li Alla għamel għalina, aħna niġu mmotivati biex nirringrazzjawh fit-talb. Bla dubju, aħna rridu wkoll nuru l-apprezzament tagħna lil Alla bil-mod kif ngħixu.—Kolossin 3:15.
KUN PAĊENZJUŻ U IBQAʼ ITLOB
Kultant, nistgħu nħossuna mdejqin għax it-talb sinċier tagħna ma ġiex imwieġeb mill-ewwel. Ifisser dan li Alla ma jimpurtahx minna? Żgur li le! L-esperjenzi li ġejjin juru li għandna bżonn nibqgħu nitolbu.
Steve, li ssemma fl-ewwel artiklu, jgħid, “Kieku mhux għax bqajt nitlob, ilni li qtajt qalbi mill-ħajja.” X’għenu jbiddel fehmtu? Hu beda jistudja l-Bibbja u tgħallem kemm hu bżonjuż it-talb u li jibqaʼ jitlob. Steve jgħid, “Jien nitlob lil Alla biex nirringrazzjah għall-imħabba u s-sapport li tawni l-ħbieb. Illum ferħan iktar minn qatt qabel.”
Xi ngħidu għal Jenny, li ma ħassitx li Alla għandu jismagħha? Hi tgħid, “Jien tlabt lil Alla jgħinni nifhem għala kont qed inħossni li ma niswa għal xejn.” It-talb kif għenha? “Meta tkellimt m’Alla fit-talb, tgħallimt inħares lejja nnifsi bħalma jarani hu. Stajt nifhem li anke meta ħassejtni ħatja, hu ma jħossux hekk dwari. Dan għenni ma naqtax qalbi.” Imbagħad x’ġara? “It-talb għenni nara lil Ġeħova bħala Alla, Missier, u Ħabib li hu reali u li jħobbni. Jekk nibqaʼ nipprova nogħġob lilu, hu dejjem se jgħinni.”
“Nirrealizza li hu l-aqwa tweġiba għat-talb tiegħi,” tgħid Isabel meta tara lit-tifel tagħha Gerard jieħu pjaċir fil-ħajja minkejja d-diżabilità tiegħu
Ejja naraw l-esperjenza taʼ Isabel ukoll. Meta ħarġet tqila, it-tobba qalulha li t-tarbija kienet se titwieled b’diżabilità kbira. Ħassitha mkissra għall-aħħar. Xi wħud anke qalulha biex tagħmel abort. “Ħassejtni ħa mmut bl-uġigħ taʼ qalb li kelli.” X’għamlet? Hi tgħid: “Tlabt fuq li tlabt lil Alla biex jgħinni.” Meta għadda ż-żmien, kellha tifel, Gerard, u hu kellu diżabilità. Tħoss Isabel li Alla weġbilha t-talb tagħha? Iva, b’liema mod? Hi tgħid: “Issa Gerard għandu 14-il sena. Meta narah jieħu pjaċir fil-ħajja minkejja d-diżabilità, nirrealizza li hu l-aqwa tweġiba għat-talb tiegħi u l-isbaħ barka li tani Ġeħova.”
Kliem mill-qalb bħal dan ifakkarna f’dak li qal is-salmista: “Ix-xewqa tal-ġwejdin int tismagħha żgur, O Ġeħova. Se tħejjilhom qalbhom. Se tagħti kashom billi tiftaħ widnejk.” (Salm 10:17) Kemm għandna għal xiex nibqgħu nitolbu lil Alla!
Fil-Bibbja nsibu ħafna mit-talb li qal Ġesù. L-iżjed waħda magħrufa żgur li hi dik li għallem lid-dixxipli tiegħu. X’nistgħu nitgħallmu minnha?