Dak li nħossu aħna dejjem se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
X’Inhu Tajjeb u Ħażin: In-Nies X’Jagħmlu Meta Jiġu Biex Jieħdu Deċiżjoni?
Kważi kulħadd jaqbel li hemm affarijiet tajbin u affarijiet ħżiena. Pereżempju, il-qtil, l-istupru, u l-abbuż sesswali fuq it-tfal mhu aċċettat minn ħadd. Mill-banda l-oħra kulħadd jaqbel li hu tajjeb li nuru qalb tajba, nifhmu lil oħrajn, u ma nurux preferenzi. Imma xi ngħidu għal deċiżjonijiet bħal, maʼ min se jkollok x’taqsam sesswalment, jekk tgħidx il-verità, jew kif trabbi t-tfal. Ħafna nies jaħsbu li m’hemmx deċiżjoni tajba jew ħażina dwar dan. Huma jaħsbu li kull deċiżjoni hi aċċettata. Spiss in-nies jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom skont dak li jħossu huma jew dak li jaħsbu n-nies taʼ madwarhom. Imma din idea tajba?
GĦANDNA NIEĦDU D-DEĊIŻJONIJIET TAGĦNA SKONT DAK LI NĦOSSU?
Spiss aħna nieħdu deċiżjonijiet skont il-kuxjenza tagħna, jiġifieri skont dak li nħossu li hu tajjeb jew ħażin. (Rumani 2:14, 15) Anki t-tfal żgħar ikunu jafu meta xi ħaġa ma tkunx fair u meta jagħmlu xi ħaġa ħażina. Meta nkunu qed nikbru nibdew nitgħallmu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin min-nies li nqattgħu l-ħin magħhom jew minn dak li tgħallimna r-reliġjon tagħna. Allura meta nieħdu deċiżjoni l-kuxjenza se tgħidilna jekk l-għażla li għamilna hix skont dak li tgħallimna.
Meta nħossu li xi ħaġa hi tajba jew ħażina nistgħu niġu mmotivati biex nifhmu lil oħrajn, napprezzawhom, inkunu fair, u nuruhom qalb tajba. Dan jistaʼ jgħinna wkoll biex ma nagħmlux affarijiet li jistgħu jweġġgħu lil dawk li nħobbu u ma nagħmlux xi ħaġa li wara jiddispjaċina jew li ġġegħelna nistħu.
Li noqogħdu fuq dak li nħossu aħna huwa dejjem tajjeb? Bħala żagħżugħ, Garrick għażel li jgħix ħajja li bħalma qal hu, “stajt nagħmel dak li rrid jien.” Imma hu nduna li għax beda jagħmel dak li jħoss li hu tajjeb, ma kellux riżultati tajbin. Garrick qal li ma kienx qed jgħix ferħan għax ħajtu kienet mimlija immoralità, droga, xorb, u vjolenza.
GĦANDNA NIEĦDU D-DEĊIŻJONIJIET TAGĦNA SKONT DAK LI JAĦSBU OĦRAJN?
Minbarra dak li nħossu aħna, id-deċiżjonijiet tagħna jistgħu jiġu affettwati minn dak li jaħsbu oħrajn. Dan jistaʼ jgħinna biex nibbenefikaw mill-esperjenza tagħhom u minn dak li jafu. Barra minn hekk, meta nagħmlu dak li jgħidulna tal-familja, il-ħbieb, u nies oħrajn, spiss se jirrispettawna iktar.
Li noqogħdu fuq dak li jħossu oħrajn huwa dejjem tajjeb? Żagħżugħa jisimha Priscila għamlet bħalma kienu qed jagħmlu ħafna mill-ħbieb tagħha u beda jkollha x’taqsam sesswalment maʼ żgħażagħ oħrajn. Imma għalkemm għal oħrajn ma kienx ħażin dak li kienet qed tagħmel, hi ma kinitx ferħana. Priscila qalet: “Meta għamilt bħalma kienu qed jagħmlu l-oħrajn ma ħassejtnix tajjeb. Spiċċajt nagħmel affarijiet bla sens u li kienu taʼ periklu.”
HEMM MOD AĦJAR KIF TIEĦU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN?
Meta niġu biex niddeċiedu x’inhu tajjeb u ħażin, dak li nħossu aħna u li jaħsbu oħrajn huwa importanti. Imma dan biss mhux dejjem se jgħinna jkollna riżultat tajjeb. Xi kultant nistgħu nweġġgħu lilna nfusna jew lil oħrajn għax ma nistgħux inkunu ċerti x’se jkun ir-riżultat tad-deċiżjoni li nieħdu. (Proverbji 14:12) U anki jekk aħna jew oħrajn jaħsbu li xi ħaġa hi tajba, xorta tistaʼ tkun taʼ ħsara għalina jew maż-żmien inbiddlu l-opinjoni tagħna dwarha. Wara kollox, illum dak li qabel kienu jgħidu li hu ħażin qed jarawh tajjeb u dak li qabel kien tajjeb illum jarawh ħażin.
Meta nagħmlu dak li jgħidulna n-nies dejjem se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
Hemm gwida aħjar li tistaʼ tgħinna niddeċiedu x’inhu tajjeb u ħażin? Hemm xi ħaġa li nistgħu noqogħdu fuqha biex tgħinna nkunu ferħanin issa u fil-futur meta nieħdu d-deċiżjonijiet?
Iva, hemm xi ħaġa li dejjem nistgħu noqogħdu fuqha u li se tgħinna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar dak li hu tajjeb u ħażin. Fl-artiklu li jmiss se naraw fejn nistgħu nsibu l-aqwa gwida.