LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w24 Mejju pp. 8-13
  • X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • DAK LI MA NAFUX
  • DAK LI NAFU
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • L-Imħabba Tgħinek Tibqaʼ Tipprietka!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Afda fl-Imħallef Ħanin tal-Art Kollha!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
w24 Mejju pp. 8-13

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 19

GĦANJA 22 Bil-lest is-Saltna hi —Ħa tiġi!

X’Nafu Dwar Kif Ġeħova Ħa Jiġġudika lin-Nies fil-Futur?

“Ġeħova . . . ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.”—2 PT. 3:9.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika lin-nies fil-futur, se jagħmel dak li hu sewwa u ġust.

1. Għala nistgħu ngħidu li qed ngħixu fi żmien eċċitanti?

ILLUM qed ngħixu fi żmien eċċitanti ħafna, għax kuljum naraw ħafna profeziji jitwettqu. Pereżempju, naraw li hemm ġlieda kontinwa bejn “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” biex imexxu d-dinja. (Dan. 11:40) Naraw li l-aħbar tajba qed tiġi ppritkata mad-dinja kollha, u miljuni taʼ nies qed jibdew jaqdu lil Ġeħova. (Is. 60:22; Mt. 24:14) Barra minn hekk, aħna għandna ħafna ikel spiritwali “fiż-żmien xieraq.”—Mt. 24:​45-47.

2. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti, u x’għandna niftakru?

2 Ġeħova ħa jkompli jgħinna nifhmu iktar ċar l-affarijiet importanti li se jiġru dalwaqt. (Prov. 4:18; Dan. 2:28) U aħna nistgħu nkunu ċerti li qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira ħa nifhmu dak li jkollna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu leali u magħqudin. Imma hemm xi affarijiet dwar il-futur li għadna ma nafuhomx. F’dan l-artiklu se niddiskutu għala rranġajna dak li konna ngħidu fil-passat. Imbagħad se naraw xi affarijiet li nafu dwar il-futur u dwar x’se jagħmel Ġeħova.

DAK LI MA NAFUX

3. X’konna naħsbu fil-passat, u għala?

3 Qabel konna naħsbu li meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, dawk li ma jemmnux f’Ġeħova mhux se jkollhom iċ-ċans jitgħallmu dwaru u jsalvaw f’Armageddon. Aħna konna ngħidu hekk għax konna naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa li se tiġri fil-futur. Pereżempju, wara li Ġeħova għalaq il-bieb tal-arka, ħadd ma setaʼ jidħol fiha. Allura konna naħsbu li b’mod simili, meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, ħadd mhu se jkun jistaʼ jidħol fil-verità u jsalva.—Mt. 24:​37-39.

4. Għala m’għadniex naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa fi żmienna?

4 Għandna naħsbu li kull ħaġa li ġrat fid-Dulluvju tirrappreżenta xi ħaġa li ħa tiġri fil-futur? Le. Għala? Għax il-Bibbja ma tgħid xejn dwar dan.a Hu veru li Ġesù qabbel “żmien Noè” ma’ żmienna, imma ma qalx li kull ħaġa li ġrat tirrappreżenta xi ħaġa, bħal meta Ġeħova għalaq il-bieb tal-arka. Imma aħna llum xorta waħda nistgħu nitgħallmu ħafna mir-rakkont taʼ Noè u d-Dulluvju.

5. (a) Noè x’għamel qabel id-Dulluvju? (Ebrej 11:7; 1 Pietru 3:20) (b) L-ippritkar tagħna llum kif jixbah lil taʼ Noè?

5 Noè wera li kellu fidi kbira f’Ġeħova, għax meta Ġeħova qallu x’se jagħmel, hu bena l-arka. (Aqra Ebrej 11:7; 1 Pietru 3:20.) Biex in-nies isalvaw illum il-ġurnata, iridu jitgħallmu l-verità u juru li għandhom il-fidi billi jagħmlu dak li jitgħallmu. (Atti 3:​17-20) Pietru qal li Noè kien “predikatur tal-ġustizzja.” (2 Pt. 2:5) Però, bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, ma nafux jekk hu laħaqx ipprietka lil kulħadd fid-dinja qabel ma ġie d-Dulluvju. Illum, aħna nipprovaw nippritkaw lin-nies mad-dinja kollha. Però, nipprovaw kemm nipprovaw, ma nistgħux inkellmu lil kulħadd qabel Armageddon. Għala?

6-7. Għala nistgħu ngħidu li mhux ħa jirnexxilna ngħidu l-aħbar tajba lil kulħadd qabel ma jiġi t-tmiem?

6 Aħseb fuq x’qal Ġesù dwar l-ippritkar. Hu qal li l-aħbar tajba se tiġi ppritkata “mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha.” (Mt. 24:14) Illum din il-profezija qed tiġri iktar minn qatt qabel. Il-messaġġ li ngħidu lin-nies qiegħed f’iktar minn 1,000 lingwa. U l-biċċa l-kbira min-nies fid-dinja jistgħu jsiru jafu dwar il-messaġġ tagħna minn fuq il-website jw.org.

7 Imma Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu li sakemm jiġi, ma kinux ħa jilħqu ‘jduru l-bliet kollha,’ jiġifieri jippritkaw lil kull persuna fid-dinja. (Mt. 10:23; 25:​31-33) Illum, nistgħu nifhmu x’ried jgħid Ġesù. Miljuni taʼ nies qegħdin jgħixu f’postijiet fejn ma nistgħux nippritkaw. U apparti minn hekk, jitwieldu ħafna trabi kull minuta. Ovvjament, aħna nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nippritkaw lil “kull ġens u tribù u lsien.” (Riv. 14:6) Imma l-verità hi li mhux se nkellmu lil kulħadd qabel jiġi t-tmiem.

8. X’mistoqsija jaf insaqsu dwar kif Ġeħova ħa jiġġudika lin-nies fil-futur? (Ara l-istampi.)

8 Allura x’ħa jiġri minn dawk li ma jkollhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba qabel ma jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira? Ġeħova u Ġesù kif ħa jiġġudikawhom? (Ġw. 5:​19, 22, 27; Atti 17:31) L-iskrittura li hu bbażat fuqha dan l-artiklu tgħid li Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pt. 3:9; 1 Tim. 2:4) Avolja nafu dawn l-affarijiet dwar Ġeħova, ma nafux kif ħa jiġġudika lil dawk in-nies li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba. Ovvjament, hu m’għandux għalfejn jgħidilna x’għamel fil-passat jew x’se jagħmel fil-futur.

Ġeħova kif ħa jiġġudika lil dawk li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ara paragrafu 8)c


9. Ġeħova x’qalilna permezz tal-Bibbja?

9 Ġeħova permezz tal-Bibbja qalilna xi affarijiet li ħa jagħmel fil-futur. Pereżempju, hu ħa jirxoxta lil nies “li mhumiex sewwa” u li ma kellhomx iċ-ċans jisimgħu l-aħbar tajba u jbiddlu ħajjithom. (Atti 24:15; Lq. 23:​42, 43) Imma minħabba f’hekk jaf insaqsu xi mistoqsijiet.

10. Liema mistoqsijiet iqumu?

10 Dawk kollha li jmutu fiż-żmien taʼ tbatija kbira se jinqerdu għal dejjem mingħajr tama li jerġgħu jgħixu? Il-Bibbja tgħid li n-nies li huma kontra Ġeħova u li ħa jinqerdu minnu u mill-armata tiegħu matul Armageddon mhux se jiġu rxoxtati. (2 Tess. 1:​6-10) Imma xi ngħidu dwar nies li jmutu b’affarijiet oħra, bħall-mard jew jinqatlu min-nies oħrajn matul iż-żmien taʼ tbatija kbira? (Ekk. 9:11; Żak. 14:13) Jistaʼ jkun li dawn ħa jiġu rxoxtati man-nies “li mhumiex sewwa” fid-dinja l-ġdida? Aħna ma nafux.

DAK LI NAFU

11. Ġeħova fuq xiex ħa jiġġudika lin-nies f’Armageddon?

11 Aħna nafu xi affarijiet dwar il-futur. Pereżempju, nafu li f’Armageddon in-nies ħa jiġu ġġudikati skont kif imxew ma’ ħut Kristu, jiġifieri, il-magħżulin. (Mt. 25:40) Dawk li jkunu ssapportjaw lill-magħżulin u lil Kristu ħa jiġu ġġudikati bħala nagħaġ. Aħna nafu wkoll li ftit minn dawn il-magħżulin se jkunu għadhom fid-dinja wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira. Ftit qabel tibda Armageddon huma se jitilgħu fis-sema. Allura, sakemm ikunu għadhom fid-dinja, hemm iċ-ċans għal xi nies biex jissapportjaw il-magħżulin. (Mt. 25:​31, 32; Riv. 12:17) Dan għala hu importanti?

12-13. X’jistgħu jagħmlu xi nies wara li jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered? (Ara l-istampi.)

12 Wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, jaf ikun hemm xi nies li meta jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered, jiftakru li x-Xhieda taʼ Ġeħova għal ħafna snin qalu li se jiġri hekk. Jistaʼ jkun li ftit minnhom jibdew jafdaw f’Ġeħova?—Riv. 17:5; Eżek. 33:33.

13 Jekk jiġri hekk, ħa jkun simili għal żmien Mosè. Ftakar, f’dak iż-żmien “ħafna barranin” ħarġu mill-Eġittu mal-Iżraelin. (Eżo. 12:38) Xi ftit minnhom jaf bdew jafdaw f’Ġeħova meta raw l-Għaxar Kastigi. Bl-istess mod, aħna m’għandniex nirrabjaw jekk wara li tinqered Babilonja l-Kbira, jiġu xi nies magħna u b’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Aħna rridu nimitaw lil Ġeħova, li hu ‘Alla ħanin u qalbu tajba, ma jirrabjax malajr, juri ħafna mħabba u lealtà, u dejjem iżomm kelmtu.’b—Eżo. 34:6.

Grupp taʼ stampi: 1. Mara qed tara rapport fuq l-aħbarijiet li r-reliġjonijiet kollha ingħalqu. Fl-istess ħin qed tara ritratt u taħseb dwar meta kienet taqdi lil Ġeħova mal-ġenituri tagħha. 2. Imbagħad hi tmur id-dar tal-ġenituri tagħha u huma jgħannquha. Barra hemm il-pulizija.

Wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, jaf ikun hemm xi nies li meta jaraw lil “Babilonja l-Kbira” tinqered, jiftakru li x-Xhieda taʼ Ġeħova għal ħafna snin qalu li se jiġri hekk (Ara paragrafi 12-13)d


14-15. Li xi ħadd jgħix għal dejjem jiddependi fuq meta jmut jew fejn jgħix? Spjega. (Salm 33:​4, 5)

14 Xi kultant jaf nisimgħu xi aħwa jitkellmu dwar xi wħud tal-familja li mhumiex fil-verità u jgħidu, “Aħjar kieku jmutu qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, għax hekk ikollhom iċ-ċans jiġu rxoxtati.” Dawn l-aħwa żgur jgħidu hekk għax jixtiqulhom il-ġid. Imma li dawn in-nies jgħixux għal dejjem fil-futur ma jiddependix fuq meta jmutu. Ġeħova hu Mħallef perfett. Dak li jiddeċiedi dejjem ikun tajjeb u ġust. (Aqra Salm 33:​4, 5.) Allura, aħna nistgħu nkunu żguri li “l-Imħallef tal-art kollha” dejjem ħa jagħmel dak li hu tajjeb.—Ġen. 18:25.

15 Nistgħu ngħidu wkoll li jekk persuna tgħixx għal dejjem jew le ma jiddependix minn fejn toqgħod. Ġeħova żgur li mhux se jiġġudika lin-nies li qatt ma kellhom iċ-ċans li jitgħallmu l-aħbar tajba bħala “mogħoż” u jeqridhom għal dejjem. (Mt. 25:46) L-Imħallef ġust tal-art kollha jħobbhom ħafna lil dawn in-nies iżjed milli nistgħu nħobbuhom aħna. Aħna ma nafux kif Ġeħova ħa jmexxi l-affarijiet matul iż-żmien taʼ tbatija kbira. Jistaʼ jkun li xi ftit minn dawn in-nies ikollhom iċ-ċans li jibdew jafdaw fih meta kulħadd isir jaf min hu Ġeħova.—Eżek. 38:16.

Jistaʼ jkun li wara li jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, . . . xi nies jibdew jafdaw f’Ġeħova?

16. Aħna x’tgħallimna dwar Ġeħova? (Ara l-istampa.)

16 Mill-Bibbja aħna tgħallimna kemm Ġeħova jħobb lin-nies. Hu ta l-ħajja taʼ Ibnu Ġesù biex aħna jkollna ċ-ċans li ngħixu għal dejjem. (Ġw. 3:16) Kollha kemm aħna nafu li hu jħobbna ħafna. (Is. 49:15) Hu jafna b’isimna. Tant jafna sew, li jekk immutu, jistaʼ jerġaʼ jirxoxtana għax jiftakar id-dettalji u l-memorji kollha tagħna! (Mt. 10:​29-31) Allura, aħna ċerti li hu ħa jiġġudika b’mod perfett lil kull persuna għax hu għaref, ġust, u mimli ħniena.—Ġak. 2:13.

Il-mara miexja m’ommha u missierha u xi aħwa oħra wara ż-żmien taʼ tbatija kbira.

Aħna ċerti li Ġeħova se jiġġudika b’mod perfett lil kull persuna għax hu għaref, ġust, u mimli ħniena (Ara paragrafu 16)


17. X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

17 Issa li fhimna aħjar dawn l-affarijiet nistgħu naraw kemm hu iżjed importanti x-xogħol tal-ippritkar. Għala? U kif nistgħu nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna meta nkunu qed nippritkaw? L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.

DWAR KIF ĠEĦOVA SE JIĠĠUDIKA LIN-NIES FIL-FUTUR, . . .

  • x’ma nafux?

  • x’nafu?

  • minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

GĦANJA 76 Kif tħossok int dwar dan?

a Biex issir taf għala saret din il-bidla, ara l-artiklu “Hekk għoġbok tagħmel” f’​It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Marzu 2015, pp. 3-8.

b Wara li tiġi meqruda Babilonja l-Kbira, in-nies taʼ Ġeħova kollha ħa jiġu ttestjati fl-attakk minn Gog taʼ Magog. Dawk kollha li jibdew jaqdu lil Ġeħova dak iż-żmien ħa jiġu ttestjati wkoll.

c X’JURUNA L-ISTAMPI: Tliet stampi li juru għala xi nies mhumiex jisimgħu l-aħbar tajba: (1) Mara tgħix f’post li minħabba r-reliġjon tal-pajjiż hu perikoluż biex l-aħwa jippritkaw, (2) koppja jgħixu f’pajjiż fejn hu kontra l-liġi li l-aħwa jippritkaw minħabba s-sistema politika, u (3) raġel jgħix f’post imwarrab ħafna fejn hu diffiċli biex imorru l-aħwa.

d X’TURINA L-ISTAMPA: Mara li m’għadhiex fil-verità tiftakar x’kienet tgħallmet meta kienet żgħira dwar il-qerda taʼ “Babilonja l-Kbira.” Hi tiddeċiedi li terġaʼ lura għand Ġeħova u tmur lura għand ommha u missierha li huma Xhieda. Jekk dan jiġri, aħna rridu nimitaw lil Ġeħova, li hu mimli ħniena, u nifirħu ma’ dak li ġie lura.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja