ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 33
GĦANJA 130 Aħfer
Il-Kongregazzjoni Kif Timita lil Ġeħova Meta Xi Ħadd Jagħmel Dnub Serju?
“Jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.”—1 ĠW. 2:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw x’ġara fil-kongregazzjoni f’Korintu meta ħu għamel dnub serju u x’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-rakkont.
1. Ġeħova x’jixtieq li n-nies kollha jagħmlu?
ĠEĦOVA tana r-rigal li nagħżlu aħna x’nagħmlu f’ħajjitna. Aħna kuljum nużaw dan ir-rigal meta nieħdu deċiżjonijiet. Imma l-iktar deċiżjoni importanti li xi ħadd jistaʼ jieħu hi li jiddedika ħajtu lil Ġeħova u jsir parti mill-familja tiegħu. Ġeħova jħobbhom lin-nies u jrid l-aħjar għalihom. Allura jixtieq li kulħadd jieħu din id-deċiżjoni. Hu jridna nkunu l-ħbieb tiegħu u li ngħixu għal dejjem.—Dewt. 30:19, 20; Gal. 6:7, 8.
2. Ġeħova x’jixtieq li jagħmlu dawk li għadhom ma nidmux? (1 Ġwanni 2:1)
2 Ġeħova ma jġegħelniex naqduh, imma jħalli lil kull wieħed u waħda minna jiddeċiedi x’se jagħmel. Imma l-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk xi ħu jew oħt tagħmel dnub serju? Jekk ma tindimx, għandha titneħħa mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:13) Imma Ġeħova vera jixtieq li kull min għamel dnub serju jindem u jerġaʼ jkollu ħbiberija tajba miegħu, anki jekk ikun tneħħa mill-kongregazzjoni. Kien minħabba f’hekk li Ġeħova pprovda l-fidwa, biex ikun jistaʼ jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. (Aqra l-1 Ġwanni 2:1.) Peress li Ġeħova jħobb ħafna, jipprova jgħin lil dawk li għamlu dnub serju biex jindmu.—Żak. 1:3; Rum. 2:4; Ġak. 4:8.
3. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
3 Ġeħova jgħidilna kif iħossu dwar l-affarijiet ħżiena u dwar dawk li jagħmlu dnub serju. Hu jixtieqna nimitawh. Allura f’dan l-artiklu se naraw (1) l-appostlu Pawlu x’qal lill-kongregazzjoni f’Korintu jagħmlu meta ħu għamel dnub serju, (2) x’qalilhom jagħmlu wara li r-raġel nidem, u (3) kif iħossu Ġeħova dwar dawk li jagħmlu dnub serju.
X’ĠARA META ĦU GĦAMEL DNUB SERJU?
4. X’kien qed jiġri fil-kongregazzjoni taʼ Korintu? (1 Korintin 5:1, 2)
4 Aqra l-1 Korintin 5:1, 2. Matul it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu, Pawlu semaʼ li fil-kongregazzjoni taʼ Korintu, li kienet għadha ġdida, kienet qed tiġri xi ħaġa tal-mistħija. Ħu f’dik il-kongregazzjoni kien qed ikollu relazzjonijiet sesswali mal-mara taʼ missieru. Din kienet xi ħaġa li “lanqas in-nies tal-popli l-oħra ma [kienu] jagħmluha”! Imma l-aħwa fil-kongregazzjoni kienu qed jaħsbu li ma kien hemm xejn ħażin billi jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Forsi xi aħwa ħasbu li kienu qed juru ħniena bħalma jagħmel Ġeħova man-nies imperfetti. Imma Ġeħova ma jaċċettax li n-nies tiegħu jagħmlu affarijiet ħżiena. Minħabba li kien qed jagħmel affarijiet ħżiena, xi nies li ma kinux jaqdu lil Ġeħova kienu qed jitkellmu kontra n-nies t’Alla. U kieku dak il-ħu baqaʼ fil-kongregazzjoni, forsi kien ikun hemm xi aħwa li jibdew jagħmlu bħalu. Allura Pawlu x’qal lill-kongregazzjoni biex tagħmel?
5. Pawlu x’qal lill-kongregazzjoni tagħmel, u x’ried ifisser? (1 Korintin 5:13) (Ara l-istampa.)
5 Aqra l-1 Korintin 5:13. Permezz tal-ispirtu qaddis, Pawlu kiteb ittra u spjega li dak ir-raġel, minħabba li ma nidimx, kellu jitneħħa mill-kongregazzjoni. L-aħwa fil-kongregazzjoni kif kellhom jittrattawh? Pawlu qal ‘biex ma jibqgħux jagħmluha’ miegħu. X’ried ifisser b’dak il-kliem? Hu spjega li dan il-kmand jinkludi li ‘lanqas biss għandhom jieklu maʼ bniedem bħal dan.’ (1 Kor. 5:11) Meta tiekol maʼ xi ħadd, tkun qed titkellem miegħu. Peress li tieħu pjaċir jaf tkun trid tqattaʼ iktar ħin miegħu. Mela Pawlu kien qed jgħid lill-kongregazzjoni li ma kellhomx iqattgħu ħin bla bżonn maʼ dan ir-raġel. B’hekk, il-kongregazzjoni ma kinitx se tiġi influwenzata minnu. (1 Kor. 5:5-7) U apparti minn hekk, setaʼ jgħin lir-raġel jifhem kemm kien qed iweġġaʼ lil Ġeħova, u forsi b’hekk jiddispjaċih u jindem.
Permezz tal-ispirtu qaddis, Pawlu kiteb lill-kongregazzjoni u qalilhom li r-raġel li dineb u ma nidimx kellu jitneħħa mill-kongregazzjoni (Ara paragrafu 5)
6. Il-kongregazzjoni x’għamlet wara li rċeviet l-ittra taʼ Pawlu, u x’kien ir-riżultat?
6 Wara li Pawlu bagħat l-ittra lill-Korintin, beda jinkwieta jekk l-aħwa fil-kongregazzjoni kinux se jaċċettaw id-direzzjoni. Titu, wara li mar jarahom, qal lil Pawlu li huma kienu obdew l-istruzzjonijiet u neħħew lir-raġel mill-kongregazzjoni. (2 Kor. 7:6, 7) Dan għamel lil Pawlu ferħan ħafna. U mhux hekk biss. Ftit żmien wara li rċivew l-ittra, ir-raġel li kien għamel id-dnub serju nidem! Hu biddel l-attitudni tiegħu u l-mod kif kien qed jgħix u beda jobdi l-livelli taʼ Ġeħova. (2 Kor. 7:8-11) Allura Pawlu x’qal iżjed lill-kongregazzjoni biex tagħmel?
KIF IL-KONGREGAZZJONI KELLHA TITTRATTA LIR-RAĠEL LI NIDEM
7. X’għamel ir-raġel wara li tneħħa mill-kongregazzjoni? (2 Korintin 2:5-8)
7 Aqra t-2 Korintin 2:5-8. Pawlu qal lill-aħwa li ‘d-dixxiplina li kienu taw lir-raġel kienet biżżejjed.’ Dan kien ifisser li wara li r-raġel tneħħa mill-kongregazzjoni, induna li kellu jindem. U għax għamel dan, ma kienx hemm għalfejn jibqgħu jiddixxiplinawh.—Lhud 12:11.
8. Wara li r-raġel nidem, Pawlu x’qal lill-kongregazzjoni biex tagħmel?
8 Peress li r-raġel li kien għamel dnub serju nidem, l-appostlu Pawlu qal lill-anzjani biex jerġgħu jaċċettawh lura fil-kongregazzjoni. Hu qalilhom: “Għandkom taħfrulu mill-qalb u tgħinuh iħossu aħjar.” Pawlu ried li b’dak li jgħidu u jagħmlu, l-aħwa tal-kongregazzjoni juru lir-raġel li vera kienu ħafrulu u li jħobbuh. B’hekk, il-ħu setaʼ jkun ċert li huma ferħanin li reġaʼ ġie lura.
9. Għala setaʼ kien diffiċli għal xi wħud biex jaħfru lill-ħu li kien nidem?
9 Però, jistaʼ jkun li kien hemm xi aħwa li ħassewha diffiċli biex jaċċettawh lura. Għala jistaʼ jkun ħassewhom hekk? Jistaʼ jkun li xi wħud kienu għadhom imweġġgħin b’dak li għamel lill-kongregazzjoni u forsi anki lilhom personalment. Jistaʼ jkun ukoll li kien hemm xi wħud li kienu għamlu sforz biex jobdu lil Ġeħova u li ħasbu li ma kienx sew li jerġaʼ jiġi aċċettat lura. (Ara l-prinċipju f’Luqa 15:28-30.) Imma għala kien importanti li l-aħwa juru lill-ħu li kien nidem li kienu vera jħobbuh?
10-11. X’setaʼ ġara kieku l-anzjani ma ħafrux lill-ħu li nidem?
10 Kif kien se jħossu r-raġel kieku wara li nidem, l-anzjani ma ħallewhx jiġi lura fil-kongregazzjoni jew l-aħwa ma wrewhx li jħobbuh? Hu setaʼ ħassu “tant imdejjaq li jaqtaʼ qalbu,” u li qatt ma setaʼ jerġaʼ jaqdi lil Ġeħova. Setaʼ ħaseb ukoll li Ġeħova qatt mhu se jaħfirlu, allura m’għandux għalfejn jinbidel.
11 X’setaʼ jiġri iktar kieku l-aħwa ma ħafrux lir-raġel li kien nidem? Huma kienu se jagħmlu l-ħsara lill-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. Għala? Għax ikunu qed jimitaw lil Satana, li hu kattiv, u mhux lil Ġeħova li jħobb u jaħfer lil min jindem. Mingħajr ma jkunu jafu, ikunu qed iħallu lil Satana jużahom biex ikisser il-ħbiberija tal-ħu maʼ Ġeħova.—2 Kor. 2:10, 11; Efes. 4:27.
12. Il-kongregazzjoni kif setgħet timita lil Ġeħova?
12 Il-kongregazzjoni taʼ Korintu kif setgħet timita lil Ġeħova u mhux lil Satana? Billi bħal Ġeħova taħfer lill-aħwa li jindmu. Ara x’qalu xi kittieba tal-Bibbja dwar Ġeħova. Pereżempju, David qal li Ġeħova ‘tajjeb u lest li jaħfer.’ (Slm. 86:5) Mikea qal: “Min hu Alla bħalek, li jaħfer l-iżball u jħalli għaddej in-nuqqas?” (Mik. 7:18) U Isaija kiteb: “Ħalli l-ħażin jerħi triqtu, u dak li jagħmel il-ħsara jerħi ħsibijietu; u ħa jerġaʼ lura lejn Ġeħova, li jkollu ħniena minnu, u lejn Alla tagħna, għax hu jaħfer bil-kbir.”—Isa. 55:7.
13. L-anzjani għala ma kellhomx għalfejn idumu biex jaċċettaw lir-raġel lura fil-kongregazzjoni? (Ara l-kaxxa “Ir-Raġel f’Korintu Meta Ġie Aċċettat Lura?”)
13 Biex il-kongregazzjoni f’Korintu timita lil Ġeħova, l-aħwa kellhom jaħfru lill-ħu li nidem u juru li jħobbuh u li huma ferħanin li reġaʼ ġie lura. Pawlu qalilhom li jekk jaħfrulu, ikunu qed juru li ‘qed jobdu f’kollox.’ (2 Kor. 2:9) Vera li l-ħu kien ilu ftit xhur biss li tneħħa, imma issa li nidem, l-anzjani ma kellhomx għalfejn idumu biex jaċċettawh lura fil-kongregazzjoni.
KIF NIMITAW IL-ĦNIENA U L-ĠUSTIZZJA TAʼ ĠEĦOVA
14-15. X’nitgħallmu mir-rakkont tal-kongregazzjoni f’Korintu? (2 Pietru 3:9) (Ara l-istampa.)
14 Ir-rakkont tal-kongregazzjoni f’Korintu “nkiteb biex jgħallimna.” (Rum. 15:4) Minnu nitgħallmu li Ġeħova ma jħallix lil min jagħmel dnub serju u ma jindimx jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Xi wħud forsi jaħsbu li peress li Ġeħova hu ħanin, lil min jagħmel dnub serju u ma jindimx iħallih jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Imma dan mhuwiex il-mod kif Ġeħova juri ħniena. Hu ma jaċċettax kull tip taʼ kondotta u attitudni, u qatt mhu se jbiddel il-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġuda 4) Jekk jagħmel hekk, Ġeħova ma jkunx qed juri ħniena, għax ikun qed ipoġġi l-kongregazzjoni kollha fil-periklu.—Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33.
15 Imma nitgħallmu wkoll li Ġeħova jixtieq li, jekk jistaʼ jkun, kulħadd isalva għax hu ma jrid lil ħadd jinqered. Ġeħova juri ħniena maʼ dawk li jbiddlu l-mod kif jaħsbu u jgħixu, u jkunu jixtiequ jerġgħu jsiru l-ħbieb tiegħu. (Eżek. 33:11; aqra t-2 Pietru 3:9.) Allura, meta r-raġel f’Korintu nidem u ma baqax jagħmel il-ħażin, Ġeħova qal lil Pawlu biex jikteb lill-kongregazzjoni ħalli taħfirlu u terġaʼ taċċettah lura.
Aħna nimitaw l-imħabba u l-ħniena taʼ Ġeħova meta nuru mħabba u qalb tajba maʼ dawk li jiġu aċċettati lura fil-kongregazzjoni (Ara paragrafi 14-15)
16. Ir-rakkont li studjajna kif iġiegħlek tħossok dwar Ġeħova?
16 Ir-rakkont tal-kongregazzjoni f’Korintu jurina li Ġeħova jħobb is-sewwa, hu ġust, u mimli mħabba. (Slm. 33:5) Ma jġegħlukx dawn il-kwalitajiet tfaħħar iktar lil Ġeħova? Aħna għandna għalfejn napprezzaw li Ġeħova hu ħanin, għax kollha kemm aħna nidinbu. Napprezzaw ukoll li hu pprovda l-fidwa biex ikun jistaʼ jaħfrilna. Kemm hu inkuraġġanti li nafu li Ġeħova vera jħobb lin-nies tiegħu u jrid l-aħjar għalihom!
17. X’se niddiskutu fl-artikli li jmiss?
17 Imma jekk xi ħadd jagħmel dnub serju llum, l-anzjani kif jistgħu jimitaw l-imħabba taʼ Ġeħova u jgħinuh jindem? U l-aħwa fil-kongregazzjoni x’għandhom jagħmlu meta l-anzjani jiddeċiedu li xi ħadd għandu jitneħħa mill-kongregazzjoni jew jiġi aċċettat lura? Fl-artikli li jmiss se nwieġbu dawn il-mistoqsijiet.
GĦANJA 109 Ħobb mill-qalb bil-ħeġġa kollha