Kif Jistaʼ Jkollok il-Paċi Minkejja l-Gwerer
Gary li kien fl-armata jgħid, “Qabel ma bdejt nistudja l-Bibbja ma kontx naf għala hawn daqshekk nies kattivi, inġustizzja, u problemi fid-dinja. Imma issa nħossni fil-paċi. Jien naf li Alla Ġeħova se jagħmel id-dinja post safe.”
Gary mhux l-uniku wieħed li jħossu hekk. Ejja naraw kif il-Bibbja għenet lil oħrajn.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Int, Ġeħova, tajjeb u lest li taħfer.”—Salm 86:5.
DAN KIF JGĦINNA: “Dan il-vers jaċċertani li Ġeħova hu ħanin. Jien naf li hu lest li jaħfirli għal dak kollu li għamilt fil-passat meta ġġilidt fil-gwerra.”—Wilmar, il-Kolombja.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Jien qed nagħmel sema ġdida u art ġdida. In-nies mhux se jiftakru l-affarijiet taʼ qabel, u dawn mhux se jweġġgħulhom qalbhom.”—Isaija 65:17.
DAN KIF JGĦINNA: “Jien inbati bl-istress u bid-depression minħabba t-trawma li għaddejt minnha meta kont immur għall-gwerra. Imma l-Bibbja tfakkarni li Ġeħova dalwaqt se jgħinni ninsa għalkollox il-ħsibijiet u l-affarijiet koroh li għaddejt minnhom. Qatt mhu se nerġaʼ niftakarhom. Kemm hu rigal sabiħ!”—Zafirah, l-Istati Uniti.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Matul it-tmexxija tiegħu, il-ġusti se jirnexxu, u l-paċi se tibqaʼ tiżdied sakemm jispiċċa l-qamar.”—Salm 72:7.
DAN KIF JGĦINNA: “Spiss naħseb fuq dan il-kliem. Dalwaqt il-gwerer u l-affarijiet koroh li jġibu magħhom se jispiċċaw, u mhux se ninkwetaw li l-maħbubin tagħna se jiġrilhom xi ħaġa ħażina.”—Oleksandra, l-Ukrajna.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Il-mejtin tiegħek se jgħixu. . . . Intom li qegħdin fit-trab, qumu u għajtu bil-ferħ!”—Isaija 26:19.
DAN KIF JGĦINNA: “Kważi l-familja tiegħi kollha mietu meta nies minn tribù ieħor ipprovaw joqtlu lil dawk kollha tat-tribù tiegħi. Imma dan il-vers jaċċertani li se nerġaʼ narahom. Inħares ’il quddiem biex meta jiġu rxoxtati nerġaʼ nismaʼ l-vuċi tagħhom!”—Marie, ir-Rwanda.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA: “Ftit ieħor biss, u l-ħżiena jispiċċaw . . . Imma l-umli se jirtu l-art, u se jħossuhom ferħanin ħafna bil-paċi kbira li se jkollhom.”—Salm 37:10, 11.
DAN KIF JGĦINNA: “Avolja l-gwerra spiċċat, xorta hawn l-inġustizzji u nies kattivi. Dawn il-versi vera għenuni. Ġeħova jara kollox u jifhem minn xiex inkun għaddej. Hu jwegħedna li l-affarijiet kollha li jġegħluna nbatu dalwaqt se jispiċċaw u jintesew.”—Daler, it-Taġikistan.
In-nies li ssemmew f’din ir-rivista huma fost il-miljuni taʼ Xhieda taʼ Ġeħova li l-Bibbja għenithom biex ikollhom il-paċi. Huma tgħallmu kif ma jkollhomx mibegħda lejn nies taʼ nazzjonalità differenti, nies taʼ tribù differenti, u lejn ebda persuna oħra. (Efesin 4:31, 32) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jżommu maʼ ħadd fil-politika u ma jiħdux sehem f’attivitajiet vjolenti.—Ġwanni 18:36.
Barra minn hekk, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jgħinu lil xulxin bħal familja magħquda. (Ġwanni 13:35) Pereżempju, Oleksandra li semmejna qabel, kellha taħrab lejn pajjiż ieħor m’oħtha minħabba l-gwerra. Hi tgħid: “Meta qsamna l-border, mill-ewwel sibna lix-Xhieda taʼ Ġeħova lesti biex jilqgħuna. L-għajnuna li tawna għenitna biex nidraw ngħixu f’pajjiż ġdid bħala refuġjati.”
Minn qalbna nixtiequ nistidnuk biex tiġi l-laqgħat tagħna fejn nitgħallmu dwar il-messaġġ taʼ paċi li tagħtina l-Bibbja u kif napplikawh. Idħol fuq jw.org biex issib post fejn issir laqgħa viċin tiegħek jew biex issaqsi għal studju tal-Bibbja b’xejn maʼ wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova permezz tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!