LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w25 Marzu pp. 2-7
  • Iddumx Biex Titgħammed

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Iddumx Biex Titgħammed
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IS-SAMARITANI TGĦAMMDU
  • SAWL TAʼ TARSU TGĦAMMED
  • KORNELJU TGĦAMMED
  • IL-KORINTIN TGĦAMMDU
  • BIL-FIDI INT TISTAʼ TMEXXI L-MUNTANJI
  • Ibqaʼ Miexi Wara Ġesù Wara li Titgħammed
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Lest Biex Tiddedika Lilek Innifsek lil Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Il-magħmudija—Ħtieġa għall-Kristjani
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
w25 Marzu pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 9

GĦANJA 51 Lil Alla aħna ddedikati!

Iddumx Biex Titgħammed

“X’qed tistenna? Qum, tgħammed.”—ATTI 22:16.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se naraw l-eżempji tas-Samaritani, Sawl taʼ Tarsu, Kornelju, u l-Korintin, li jistgħu jagħtuk il-kuraġġ biex tagħmel il-pass tal-magħmudija.

1. X’inhuma xi raġunijiet tajbin għala għandek titgħammed?

INT tħobbu lil Ġeħova? Tixtieq turih kemm tapprezza r-rigali kollha li tak, bħall-ħajja? Tixtieq turih kemm tħobbu? L-aqwa mod kif tistaʼ tagħmel hekk hu billi tiddedika lilek innifsek lilu u mbagħad titgħammed. Meta titgħammed inti ssir parti mill-familja taʼ Ġeħova. B’hekk, Missierek u l-Ħabib tiegħek se jiggwidak u jgħinek f’kollox għax int issir tiegħu. (Slm. 73:24; Isa. 43:​1, 2) Id-dedikazzjoni u l-magħmudija jagħtuk iċ-ċans ukoll li tgħix għal dejjem.—1 Pt. 3:21.

2. X’se nitgħallmu f’dan l-artiklu?

2 Hemm xi ħaġa li qed iżżommok lura milli titgħammed? Jekk iva, m’intix waħdek. Kien hemm miljuni taʼ nies qablek li kellhom jagħmlu bidliet fil-ħajja tagħhom u l-mod kif jaħsbu biex jikkwalifikaw għall-magħmudija. Imma issa qed jaqdu lil Ġeħova b’qalbhom kollha. X’nistgħu nitgħallmu minn uħud li tgħammdu fi żmien il-Kristjani tal-bidu? Matul dan l-artiklu se niddiskutu xi diffikultajiet li kellhom u x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju tagħhom.

IS-SAMARITANI TGĦAMMDU

3. X’bidliet kellhom jagħmlu s-Samaritani biex ikunu jistgħu jitgħammdu?

3 Is-Samaritani kienu parti minn grupp reliġjuż fi żmien Ġesù. Ħafna minnhom kienu jgħixu n-naħa taʼ fuq tal-Lhudija. Qabel ma setgħu jitgħammdu kellhom jaċċettaw il-Kelma t’Alla kollha u jitgħallmu iktar minnha. Dan għax huma kienu jemmnu li l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja u forsi l-ktieb taʼ Ġożwè biss kienu ġejjin minn Alla. Barra minn hekk, is-Samaritani kienu qed jistennew lill-Messija jiġi peress li kienu jemmnu fil-wegħda f’​Dewteronomju 18:​18, 19. (Ġw. 4:25) Imma biex jikkwalifikaw għall-magħmudija huma kellhom jaċċettaw lil Ġesù bħala l-Messija mwiegħed. “Ħafna Samaritani” hekk għamlu. (Ġw. 4:39) Xi Samaritani oħrajn jaf kellhom ibiddlu l-attitudni tagħhom mal-Lhud u ma jibqgħux preġudikati lejhom.—Luqa 9:​52-54.

4. Skont Atti 8:​5, 6, 14, xi Samaritani x’għamlu meta Filippu kellimhom dwar il-Kristu?

4 X’għen lis-Samaritani jitgħammdu? Meta Filippu ‘ppritkalhom dwar il-Kristu,’ xi Samaritani “aċċettaw il-kelma t’Alla.” (Aqra Atti 8:​5, 6, 14.) Minkejja li Filippu kien Lhudi, huma xorta semgħuh. Forsi ftakru f’versi li jgħidu li għal Alla kulħadd l-istess. (Dewt. 10:​17-19) Huma “kienu attenti ħafna għal dak li kien qed jgħid” u meta rawh ifejjaq il-morda u jkeċċi l-ispirti ħżiena, aċċettaw li Alla kien bagħtu.—Atti 8:7.

5. X’tistaʼ titgħallem mis-Samaritani?

5 Dawn is-Samaritani setgħu rraġunaw li m’għandhomx jitgħallmu minn Filippu peress li kien Lhudi jew għax kien qed jgħallimhom affarijiet li qatt ma kienu semgħu. Imma m’għamlux hekk. Is-Samaritani ma damux ma tgħammdu wara li saru konvinti li dak li għallimhom Filippu kien il-verità. Il-Bibbja tgħid: “Meta Filippu xandrilhom l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla u dwar isem Ġesù Kristu, huma emmnuh u tgħammdu, kemm irġiel u kemm nisa.” (Atti 8:12) Int ċert li l-Bibbja fiha l-verità? U ċert li x-Xhieda taʼ Ġeħova juru l-imħabba li Ġesù qal li kienu se juru d-dixxipli veri tiegħu? (Ġw. 13:35) Mela żżommx lura milli titgħammed. Kun ċert li Ġeħova se jbierkek.

6. L-eżempju taʼ Ruben kif jistaʼ jgħinek?

6 Ruben, ħu mill-Ġermanja trabba bħala Xhud taʼ Ġeħova. Imma meta kien għadu żgħir, kellu d-dubji jekk Ġeħova hux veru jeżisti. X’għamel biex ineħħi d-dubji? Hu nduna li ma kienx jaf ħafna dwar dan is-suġġett, allura ddeċieda li jitgħallem iktar. Hu qal: “Fl-istudju personali tiegħi ridt insib il-fatti, allura studjajt ħafna drabi dwar is-suġġett tal-evoluzzjoni.” Hu qara l-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? Dan il-ktieb għen lil Ruben biex isaħħaħ il-fidi tiegħu f’Alla. Meta tgħallem iktar dwar Ġeħova, hu sar konvint li Ġeħova veru jeżisti. U wara li mar il-kwartieri ġenerali tagħna, hu beda japprezza iktar li aħna familja magħquda madwar id-dinja kollha. Meta reġaʼ mar il-Ġermanja, Ruben tgħammed meta kellu 17-il sena. Jekk għandek dubji dwar Alla, il-Bibbja, jew xi ħaġa oħra, agħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Int tistaʼ tneħħi d-dubji kollha li għandek billi tieħu “għarfien eżatt.” (Efes. 4:​13, 14) Ukoll meta tara u tismaʼ esperjenzi li juru kemm l-aħwa madwar id-dinja huma magħqudin u vera jħobbu lil xulxin, anki fil-kongregazzjoni tiegħek, se ssir tħobbhom iktar.

SAWL TAʼ TARSU TGĦAMMED

7. Sawl liema raġunar ħażin kellu?

7 Aħseb dwar l-eżempju taʼ Sawl taʼ Tarsu. Hu kien qed jagħmel progress tajjeb fil-​Ġudaiżmu u kien qed isir rispettat ħafna mill-mexxejja Lhud. (Gal. 1:​13, 14; Flp. 3:5) F’dak iż-żmien ħafna Lhud kienu jħarsu lejn il-Kristjani bħala apostati. Allura Sawl ippersegwitahom bl-aħrax. Hu kien jaħseb li Alla kien ferħan b’dak li kien qed jagħmel. (Atti 8:3; 9:​1, 2; 26:​9-11) Biex Sawl ikollu fidi f’Ġesù u jsir Kristjan mgħammed ried ikun lest li jissaporti l-persekuzzjoni.

8. (a) X’għen lil Sawl jitgħammed? (b) Skont Atti 22:​12-16, Ananija kif għen lil Sawl? (Ara wkoll l-istampa.)

8 X’għen lil Sawl biex jitgħammed? Meta Ġesù kellem lil Sawl mis-sema, deher dawl qawwi u għamieh. (Atti 9:​3-9) Sawl sam għal tlett ijiem u x’aktarx ħaseb ħafna dwar minn xiex kien għadda. Allura, hu sar ċert li Ġesù kien il-Messija u li d-dixxipli tiegħu kellhom ir-reliġjon vera. Jistaʼ jkun li Sawl iddispjaċieh ħafna talli approva l-qtil taʼ Stiefnu. (Atti 22:20) Fit-tielet ġurnata, dixxiplu jismu Ananija b’qalb tajba mar għand Sawl, fejqu u inkuraġġieh biex ma jdumx biex jitgħammed. (Aqra Atti 22:​12-16.) Sawl kien umli, semaʼ minn Ananija u tgħammed.—Atti 9:​17, 18.

Sawl nieżel fl-ilma biex jitgħammed. Warajh hemm ftit nies li qed jieħdu pjaċir jarawh jieħu dal-pass.

Se timita lil Sawl u taċċetta l-inkuraġġiment li jtuk biex titgħammed? (Ara paragrafu 8)


9. X’tistaʼ titgħallem minn Sawl?

9 Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn Sawl. Hu setaʼ ħalla l-kburija jew il-biżaʼ min-nies iżżommu lura milli jitgħammed. Imma m’għamilx hekk. Sawl kien umli u kien lest li jbiddel il-mod kif jgħix biex isir dixxiplu taʼ Kristu. (Atti 26:​14, 19) Hu kien jaf li jekk isir Kristjan kien se jkun ippersegwitat. Imma xorta waħda kien lest għal dan. (Atti 9:​15, 16; 20:​22, 23) Wara li tgħammed, hu kompla jistrieħ fuq Ġeħova biex jgħinu fil-provi li kellu. (2 Kor. 4:​7-10) Jistaʼ jkun li jekk titgħammed bħala Xhud taʼ Ġeħova, int ukoll se jkollok affarijiet li jittestjaw il-fidi tiegħek jew xi provi. Imma kun ċert li Ġeħova u Kristu mhux se jħalluk waħdek u dejjem se jtuk l-għajnuna li għandek bżonn biex tibqaʼ leali.—Flp. 4:13.

10. X’tistaʼ titgħallem mill-eżempju taʼ Anna?

10 Anna trabbiet f’pajjiż fl-Ewropa tal-Lvant. Wara li ommha tgħammdet, Anna taʼ disaʼ snin bdiet tistudja l-Bibbja bil-permess taʼ missierha. Imma nqalgħulha xi problemi maʼ tal-familja li kienu jgħixu kollha fl-istess dar. Il-familja kienu jarawha xi ħaġa tal-mistħija li xi ħadd ma jibqax fir-reliġjon tal-familja. Meta Anna kellha 12-il sena staqsiet lil missierha għall-permess biex titgħammed. Imma missierha ried ikun jaf jekk kinitx ħadet id-deċiżjoni hi jew jekk hux xi ħadd kien qed jagħmlilha pressjoni. Hi qaltlu, “Jien inħobb lil Ġeħova.” Missierha aċċetta li titgħammed. Imma wara li tgħammdet tal-familja komplew jittrattawha ħażin. Nannuha darba qalilha, “Aħjar li kieku kont tgħix ħajja immorali u tpejjep, milli int Xhud taʼ Ġeħova.” Anna x’għamlet biex tkampa? Hi qalet, “Ġeħova tani s-saħħa li kelli bżonn. Ommi u missieri għenuni ħafna.” Ħaġa oħra li tgħin lil Anna hi li għandha lista taʼ drabi li Ġeħova għenha b’mod speċifiku. Minn żmien għal ieħor hi terġaʼ tara dik il-lista biex ma tinsiex x’għamel Ġeħova għaliha. Jekk qed tibżaʼ li se tiġi ppersegwitat, ftakar li Ġeħova se jgħin lilek ukoll.—Lhud 13:6.

KORNELJU TGĦAMMED

11. Kornelju għala setaʼ żamm lura milli jitgħammed?

11 Mill-Bibbja nitgħallmu wkoll dwar Kornelju. Hu kien “ċenturjun,” jiġifieri kap taʼ 100 suldat Ruman. (Atti 10:​1, ntt.) Minħabba f’hekk jistaʼ jkun li n-nies fil-komunità u fil-militar kienu jirrispettawh ħafna. “Hu kien jagħmel it-tajjeb mal-foqra.” (Atti 10:2) Imma darba Ġeħova bagħat lil Pietru biex jgħidlu l-verità mill-Bibbja. Kornelju żamm lura milli jitgħammed minħabba l-pożizzjoni li kellu?

12. X’għen lil Kornelju jitgħammed?

12 X’għen lil Kornelju jitgħammed? Hu kien “jirrispetta ħafna lil Alla u jqimu fid-dar tiegħu mal-familja kollha.” Hu “kien dejjem jitlob bil-ħniena lil Alla.” (Atti 10:2) Meta Pietru qallu dwar l-aħbar tajba, Kornelju u l-familja tiegħu bdew jemmnu f’Ġesù u tgħammdu mill-ewwel. (Atti 10:​47, 48) Kornelju żgur kien lest li jagħmel il-bidliet li kien hemm bżonn biex jaqdi lil Ġeħova mal-familja.—Ġoż. 24:15; Atti 10:​24, 33.

13. X’tistaʼ titgħallem minn Kornelju?

13 Bħal Sawl, Kornelju setaʼ ħalla l-pożizzjoni li kellu żżommu milli jsir Kristjan. Imma m’għamilx hekk. Biex titgħammed int għandek bżonn tagħmel bidliet kbar? Jekk iva, Ġeħova se jgħinek żgur. Hu se jbierkek jekk tkun determinat li tapplika l-prinċipji tal-Bibbja biex taqdih.

14. L-eżempju taʼ Tsuyoshi kif jistaʼ jgħinek?

14 Tsuyoshi, ħu mill-Ġappun, kellu bżonn jagħmel xi bidliet fix-xogħol tiegħu biex ikun jistaʼ jitgħammed. Hu kien assistent taʼ surmast taʼ skola importanti ħafna li kienet tagħmel l-arti bil-fjuri. Meta s-surmast ma kienx ikun jistaʼ jmur il-funerali, kien imur jirrappreżentah Tsuyoshi. Minħabba f’hekk, kien ikollu jieħu sehem f’ritwali tal-Buddisti. Imma meta hu tgħallem il-verità dwar il-mejtin, kien jaf li ma setax jitgħammed jekk ikompli jieħu sehem f’dawn ir-ritwali. Hu ħa d-deċiżjoni li ma jibqax jieħu sehem fihom. (2 Kor. 6:​15, 16) Tsuyoshi kellem lis-surmast dwar din id-deċiżjoni. X’kien ir-riżultat? Hu żamm ix-xogħol tiegħu mingħajr ma kellu għalfejn jieħu sehem fir-ritwali. Tsuyoshi tgħammed madwar sena wara li kien ilu jistudja l-Bibbja.a Jekk int għandek bżonn tagħmel bidliet fix-xogħol tiegħek biex togħġob lil Alla, kun ċert li Ġeħova se jipprovdi kulma għandek bżonn int u l-familja tiegħek.—Slm. 127:2; Mat. 6:33.

IL-KORINTIN TGĦAMMDU

15. X’setaʼ żamm lill-Korintin milli jitgħammdu?

15 In-nies f’Korintu taʼ żmien il-Kristjani tal-bidu kienu materjalisti u immorali ħafna. Ħafna nies li kienu jgħixu hemm kienu jagħmlu affarijiet li Alla ma jiħux pjaċir bihom. Allura żgur kienet xi ħaġa diffiċli għan-nies li jgħixu f’post bħal dan biex jibdew jaqdu lil Ġeħova. Imma meta l-appostlu Pawlu mar Korintu u beda jipprietka l-aħbar tajba dwar il-Kristu, “ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.” (Atti 18:​7-11) Imbagħad il-Mulej Ġesù Kristu deher lil Pawlu u qallu: “Għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt.” Allura Pawlu baqaʼ jipprietka f’Korintu għal sena u nofs oħra.

16. X’għen lil xi Korintin jieqfu jagħmlu l-affarijiet ħżiena u jitgħammdu? (2 Korintin 10:​4, 5)

16 X’għen lill-Korintin jitgħammdu? (Aqra 2 Korintin 10:​4, 5.) Il-Kelma t’Alla u l-ispirtu qaddis tiegħu għenuhom biex jagħmlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Lhud 4:12) In-nies f’Korintu li aċċettaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu rnexxielhom jieqfu jagħmlu affarijiet bħal li jiskru, jisirqu, u jgħixu ħajja omosesswali.—1 Kor. 6:​9-11.b

17. X’tistaʼ titgħallem mill-Korintin?

17 Hu taʼ interess li avolja xi wħud mill-Korintin kellhom bidliet kbar x’jagħmlu, ma qagħdux jaħsbu li huma diffiċli wisq biex jieqfu jagħmluhom. Huma ħadmu iebes biex jgħaddu mit-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Mat. 7:​13, 14) Int qed tipprova tagħmel bidliet kbar f’ħajtek? Jew qed tipprova taqtaʼ xi vizzji ħżiena biex tkun tistaʼ titgħammed? Taqtax qalbek! Itlob lil Ġeħova biex itik l-ispirtu ħalli jgħinek ma ċċedix għax-xewqa biex tagħmel dak li hu ħażin.

18. L-eżempju taʼ Monika kif jistaʼ jgħinek?

18 Monika, oħt mill-Georgia ħadmet ħafna biex tieqaf titkellem ħażin u ma tarax u tismaʼ affarijiet ħżiena. Hi għamlet hekk biex tkun tistaʼ tikkwalifika għall-magħmudija. Monika qalet: “Qabel tgħammidt kont nitlob lil Ġeħova biex itini s-saħħa ħalli nieqaf nagħmel dak li hu ħażin. Ġeħova kien jaf li jien xtaqt nagħmel il-ħaġa t-tajba u allura hu dejjem għenni u ggwidani dwar x’kelli nagħmel.” Monika tgħammdet meta kellha 16-il sena. Int għandek xi vizzji li hemm bżonn twaqqaf biex taqdi lil Ġeħova kif suppost? Kompli itolbu biex itik is-saħħa ħalli tinbidel. Ġeħova jagħti l-ispirtu tiegħu b’mod ġeneruż.—Ġw. 3:34.

BIL-FIDI INT TISTAʼ TMEXXI L-MUNTANJI

19. X’se jgħinek tegħleb problemi kbar f’ħajtek? (Ara wkoll l-istampa.)

19 Jekk jogħġbok, emmen li Ġeħova jħobbok ħafna u jixtieqek tkun parti mill-familja tiegħu, avolja jaf għandek affarijiet li jistgħu jagħmluhielek diffiċli biex titgħammed. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kieku kellkom fidi daqs żerriegħa tal-mustarda, tkunu tistgħu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Imxi minn hawn’ u din timxi, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.” (Mat. 17:20) Dawk li semgħuh kienu qattgħu ftit snin biss maʼ Ġesù allura kien għad ma kellhomx fidi b’saħħitha. Imma Ġesù żgurahom li jekk ikollhom problemi kbar qishom muntanja, imma fl-istess ħin ikollhom il-fidi, Ġeħova kien se jgħinhom jegħlbuhom. Ġeħova jistaʼ jagħti din is-saħħa lilek ukoll jekk ikollok il-fidi.

Grupp t’aħwa ferħanin qed iċapċpu lil dawk li għadhom kif tgħammdu.

Kun ċert li Ġeħova jħobbok u jixtieqek tkun parti mill-familja tiegħu (Ara paragrafu 19)c


20. L-eżempji li rajna tal-passat u tal-lum il-ġurnata kif għenuk?

20 Jekk tara li għandek xi affarijiet li qed jagħmluhielek diffiċli biex titgħammed ibda aħdem issa stess fuqhom biex tegħlibhom. Biex tħossok inkuraġġit, studja iktar dwar eżempji tal-passat u tal-lum il-ġurnata. Jalla l-eżempju tagħhom jgħinek tagħmel il-pass tal-magħmudija. Din hi l-aqwa deċiżjoni li qatt tistaʼ tieħu!

X’GĦAMLU BIEX TGĦAMMDU . . .

  • is-Samaritani?

  • Sawl taʼ Tarsu u Kornelju?

  • il-Korintin?

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

a Tistaʼ taqra l-bijografija taʼ Ħuna Tsuyoshi Fujii fi Stenbaħ! bl-Ingliż tat-8 t’Awwissu 2005, pp. 20-23.

b Ara l-vidjow ‘Għala Qed Iddum Biex Titgħammed?’ fuq jw.org.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Grupp t’aħwa qed iċapċpu lil dawk li għadhom kif tgħammdu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja