ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11
GĦANJA 57 Nippritkaw lil kull xorta taʼ bnedmin
Ipprietka b’Żelu bħal Ġesù
“Il-Mulej . . . bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien sejjer.”—LUQA 10:1.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se niddiskutu erbaʼ modi kif tistaʼ timita l-eżempju taʼ Ġesù u tipprietka b’żelu.
1. In-nies taʼ Ġeħova kif inhuma differenti minn dawk li jgħidu li huma Kristjani?
XI ĦAĠA li bħala Xhieda taʼ Ġeħova tagħmilna differenti minn dawk li jgħidu li huma Kristjani hi ż-żelua li għandna għall-ippritkar. (Titu 2:14) Imma ġieli forsi ma jkollokx dik il-ħeġġa biex tipprietka. Jaf tħossok bħal ħu li jaħdem iebes bħala anzjan u li qal, “Ġieli ma jkollix aptit noħroġ service.”
2. X’jistaʼ jagħmilha diffiċli biex nieħdu pjaċir nippritkaw?
2 Jistaʼ jkun li nieħdu pjaċir iktar naqdu lil Ġeħova b’modi oħra milli noħorġu service. Għala? Għax meta nibnu jew nieħdu ħsieb is-Swali tas-Saltna, ngħinu lil ħutna wara xi diżastru, jew ninkuraġġixxu lill-aħwa b’modi oħra mill-ewwel naraw ir-riżultat u nħossuna ferħanin. Meta naħdmu ma’ ħutna nħossuna komdi, inħossu li jħobbuna u anki li japprezzaw dak li nagħmlu. Mill-banda l-oħra, jaf ilna snin nippritkaw fl-istess territorju u forsi ftit aċċettaw il-messaġġ tal-Bibbja. Jew meta mmorru nippritkaw nafu li mhux kulħadd se jieħu pjaċir b’dak li ngħidulhom. Nafu wkoll li hekk kif noqorbu lejn it-tmiem, il-messaġġ li ħa nxandru se jġiegħel lin-nies jobogħduna. (Mat. 10:22) Allura, x’se jgħinna nibqgħu żelużi jew forsi nżidu ż-żelu tagħna?
3. X’nitgħallmu dwar Ġesù mill-eżempju li qal f’Luqa 13:6-9?
3 L-eżempju taʼ Ġesù jistaʼ jgħinna nkunu żelużi meta nippritkaw. Meta kien fuq l-art, Ġesù qatt ma waqaf jagħmel dak kollu li jistaʼ biex jipprietka lin-nies. Fil-fatt, iktar ma għadda ż-żmien iktar ipprietka. (Aqra Luqa 13:6-9.) F’eżempju li ta, Ġesù qabbel ix-xogħol tiegħu ma’ dak taʼ raġel li jieħu ħsieb id-dwieli. Dan ir-raġel għamel tliet snin jaħdem iebes biex siġra tat-tin tagħti l-frott, imma din m’għamlitx frott. B’mod simili, Ġesù għamel tliet snin jipprietka lil-Lhud. Imma ħafna minnhom ma sarux dixxipli tiegħu. Però, bħalma dak li jieħu ħsieb id-dwieli ma qatax qalbu mis-siġra, Ġesù ma qatax qalbu min-nies. Minflok, hu ħadem iktar biex jipprova jilħaq qalb in-nies.
4. Liema erbaʼ affarijiet nistgħu nitgħallmu minn Ġesù?
4 F’dan l-artiklu se niddiskutu kif Ġesù wera ż-żelu meta pprietka, speċjalment fl-aħħar sitt xhur taʼ ħajtu fuq l-art. (Ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “After these things” ma’ Luqa 10:1.) Aħna nistgħu nkomplu nippritkaw mill-qalb jekk nitgħallmu minn dak li għallem Ġesù u nimitawh. Issa se niddiskutu erbaʼ affarijiet li nistgħu nitgħallmu minn Ġesù: (1) Hu baqaʼ ffokat fuq dak li xtaqu jagħmel Ġeħova, (2) hu qagħad attent għall-profeziji tal-Bibbja, (3) hu straħ fuq Ġeħova għas-sapport, u (4) hu baqaʼ jittama li xi nies se jisimgħuh.
ĠESÙ FFOKA FUQ DAK LI XTAQU JAGĦMEL ĠEĦOVA
5. Ġesù kif wera li l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu kienet li jagħmel dak li jixtieq Ġeħova?
5 Ġesù pprietka b’żelu “l-aħbar tajba tas-Saltna” għax kien jaf li dan huwa x-xogħol li Alla xtaqu jagħmel. (Luqa 4:43) Għalih ix-xogħol tal-ippritkar kien l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Fil-fatt, fl-aħħar xhur qabel miet, hu mar “minn belt għal belt u minn raħal għal raħal jgħallem lin-nies.” (Luqa 13:22) Ukoll, Ġesù għallem lil dixxipli oħra kif jippritkaw.—Luqa 10:1.
6. Għalkemm hemm xogħol ieħor li Ġeħova jixtieqna nagħmlu, liema hu l-iktar xogħol importanti? (Ara wkoll l-istampa.)
6 Anki llum, li nippritkaw l-aħbar tajba hu l-iktar xogħol importanti li Ġeħova u Ġesù jixtiquna nagħmlu. (Mat. 24:14; 28:19, 20) Kull xogħol li nagħmlu fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova għandu x’jaqsam max-xogħol tal-ippritkar. Pereżempju, aħna nibnu s-Swali tas-Saltna u naqdu f’Betel biex nissapportjaw ix-xogħol tal-ippritkar. Ngħinu lill-aħwa meta jseħħ diżastru mhux biss biex jirċievu dak li għandhom bżonn, imma wkoll biex ikomplu bir-rutina spiritwali tagħhom, li tinkludi li jippritkaw. Meta nifhmu kemm li nippritkaw hu xogħol importanti u li hu l-iktar xogħol li Ġeħova jridna nagħmlu, se nkunu rridu nippritkaw maʼ kull ċans li jkollna. János, anzjan mill-Ungerija, jgħid, “Jien nipprova niftakar li l-ebda xogħol ieħor li nagħmlu għal Ġeħova ma jistaʼ jieħu post is-service. Dan hu l-iktar xogħol importanti.”
Illum, li nippritkaw l-aħbar tajba hu l-iktar xogħol importanti li Ġeħova u Ġesù jixtiquna nagħmlu (Ara paragrafu 6)
7. Ġeħova għala jridna nkomplu nippritkaw? (1 Timotju 2:3, 4)
7 Aħna nistgħu nkomplu nippritkaw mill-qalb jekk nitgħallmu nħossu għan-nies bħalma jagħmel Ġeħova. Ġeħova jixtieq li kemm jistaʼ jkun nies jisimgħu l-aħbar tajba u jitgħallmu l-verità. (Aqra 1 Timotju 2:3, 4.) Għalhekk hu qed jgħallimna kif nippritkaw l-aħbar tajba għax din tistaʼ ssalva l-ħajja tan-nies. Pereżempju, il-browxer L-Imħabba Tgħinek Tagħmel Dixxipli jagħtina pariri tajbin kif nibdew konversazzjoni man-nies, ħalli dawn jibdew jistudjaw il-Bibbja u jsiru dixxipli taʼ Ġesù. Anki jekk in-nies ma jibdewx jaqdu lil Ġeħova bħalissa, jistaʼ jkollhom iċ-ċans li jaqduh qabel jispiċċa ż-żmien taʼ tbatija kbira. Dak li ngħidulhom bħalissa jaf jiftakruh fil-futur. Imma dan jistaʼ jiġri biss jekk nippritkawlhom.
ĠESÙ QAGĦAD ATTENT GĦALL-PROFEZIJI TAL-BIBBJA
8. Il-profeziji tal-Bibbja kif għenu lil Ġesù juża l-ħin tiegħu bl-aħjar mod?
8 Ġesù fehem kif il-profeziji tal-Bibbja kellhom jitwettqu. Hu kien jaf li kien se jdum jipprietka għal tliet snin u nofs. (Dan. 9:26, 27) Kien jaf ukoll dwar profeziji li qalu kif u meta kien se jmut. (Luqa 18:31-34) B’hekk, hu uża l-ħin tiegħu bl-aħjar mod, billi pprietka b’żelu u għamel ix-xogħol li Ġeħova kien tah.
9. Li nifhmu l-profeziji tal-Bibbja kif jgħinna nkomplu nippritkaw mill-qalb?
9 Meta nimmeditaw fuq il-profeziji tal-Bibbja li qed jitwettqu bħalissa u li se jitwettqu fil-futur, se jgħinna nippritkaw mill-qalb. Aħna nafu li din is-sistema daqt tispiċċa. Naraw kif l-affarijiet li qed jiġru fid-dinja u l-attitudni tan-nies illum qed iwettqu profeziji tal-Bibbja dwar l-aħħar jiem. Nifhmu kif il-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana, jiġifieri l-Brittanja u l-Istati Uniti, u r-Russja u l-pajjiżi li jappoġġjawha qed iwettqu l-profezija dwar is-sultan tan-nofsinhar u s-sultan tat-tramuntana “fi żmien it-tmiem.” (Dan. 11:40) Nifhmu wkoll li l-Qawwa Dinjija Anglo-Amerikana tirrappreżenta s-saqajn tal-istatwa li jitkellem dwarha Danjel 2:43-45. Aħna konvinti li, kif juru l-profeziji, dalwaqt—dalwaqt ħafna—is-Saltna t’Alla se teqred il-gvernijiet kollha tal-art. Dawn il-profeziji kollha juruna li qed ngħixu viċin it-tmiem. Allura, għandna nużaw il-ħin tagħna bl-aħjar mod billi nippritkaw l-aħbar tajba.
10. Il-profeziji tal-Bibbja b’liema modi jgħinuna nkomplu nippritkaw?
10 Il-profeziji tal-Bibbja fihom ukoll tama sabiħa li nkunu nixtiequ naqsmuha man-nies. Carrie, oħt li taqdi fir-Repubblika Dominicana, tgħid: “Meta naħseb dwar l-affarijiet sbieħ li Ġeħova qed iwegħedna għall-futur, inkun irrid ngħid lin-nies dwarhom. Jien naf li l-wegħdi tal-Bibbja jistgħu jgħinuhom fil-problemi tagħhom, bħalma għenu lili.” Ukoll il-profeziji tal-Bibbja jħeġġuna biex ma nżommux lura, għax nafu li x-xogħol qed isir bis-saħħa taʼ Ġeħova. Leila, li tgħix fl-Ungerija, tgħid: “Isaija 11:6-9 juri li kulħadd jistaʼ jinbidel bl-għajnuna taʼ Ġeħova. Dan jgħinni nitkellem dwar l-aħbar tajba ma’ nies li naħseb li ma jkunux interessati.” U Christopher, ħu miż-Żambja, jgħid: “Bħalma juri Marku 13:10, l-aħbar tajba trid tixxandar mal-art kollha. Allura, inħoss li huwa privileġġ li ngħin biex titwettaq din il-profezija.” Inti liema profeziji tal-Bibbja jgħinuk tkompli tipprietka?
ĠESÙ STRAĦ FUQ ĠEĦOVA GĦAS-SAPPORT
11. Ġesù għala kellu bżonn jistrieħ fuq Ġeħova biex ikompli jipprietka b’żelu? (Luqa 12:49, 53)
11 Biex ikompli jipprietka biż-żelu, Ġesù straħ fuq Ġeħova għas-sapport. Għalkemm tkellem b’rispett ma’ oħrajn, hu kien jaf li l-messaġġ tas-Saltna kien se jirrabja lil xi nies, u ħafna kienu se jkunu kontra dan il-messaġġ. (Aqra Luqa 12:49, 53.) Il-mexxejja reliġjużi tant kienu kontra dak li pprietka li kemm-il darba pprovaw joqtluh. (Ġw. 8:59; 10:31, 39) Minkejja dan, Ġesù baqaʼ jipprietka għax kien jaf li Ġeħova kien miegħu. Hu qal: “Jien ma nagħmilx dan waħdi, imma nagħmlu mal-Missier li bagħatni. . . . Hu ma telaqnix waħdi, għax jien dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.”—Ġw. 8:16, 29.
12. Ġesù kif ipprepara lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu jippritkaw anki meta oħrajn jiħduha kontrihom?
12 Ġesù fakkar lid-dixxipli tiegħu li huma setgħu jistrieħu fuq Ġeħova għas-sapport. Dan għamlu billi kemm-il darba fakkarhom li Ġeħova kien se jgħinhom, anki meta jiġu ppersegwitati. (Mat. 10:18-20; Luqa 12:11, 12) Peress li Ġesù kien jaf li ħafna nies se jkunu kontra l-messaġġ, hu qalilhom biex joqogħdu attenti. (Mat. 10:16; Luqa 10:3) Qalilhom ukoll li jekk xi nies ma jkunux iridu jisimgħu, m’għandhomx għalfejn jisforzawhom. (Luqa 10:10, 11) Tahom anki l-parir biex jekk jiġu ppersegwitati jaħarbu. (Mat. 10:23) Mela, għalkemm Ġesù kien żeluż u straħ fuq Ġeħova, meta setaʼ, hu evita sitwazzjonijiet perikolużi.—Ġw. 11:53, 54.
13. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna?
13 Aħna għandna bżonn l-għajnuna taʼ Ġeħova biex inkomplu nippritkaw meta niġu persegwitati. (Riv. 12:17) Imma kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna? Nistgħu nkunu ċerti minħabba dak li talab Ġesù fi Ġwanni kapitlu 17. Ġesù talab lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lill-appostli u Ġeħova wieġbu. Il-ktieb tal-Atti jurina kif għen lill-appostli jippritkaw b’żelu minkejja l-persekuzzjoni. Ġesù talab ukoll lil Ġeħova biex jieħu ħsieb lil dawk li tgħallmu mill-appostli. Din it-talba tinkludi lilek. Ġeħova għadu jwieġeb it-talba taʼ Ġesù u kif għen lill-appostli, hu se jgħin lilek ukoll.—Ġw. 17:11, 15, 20.
14. Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nibqgħu nippritkaw b’żelu anki meta jsir iktar diffiċli? (Ara wkoll l-istampa.)
14 Anki jekk isir iktar diffiċli biex nippritkaw l-aħbar tajba qabel jiġi t-tmiem, Ġesù wegħedna li Ġeħova se jagħtina s-sapport li jkollna bżonn biex nibqgħu żelużi. (Luqa 21:12-15) Bħal Ġesù u l-appostli, aħna nħallu lin-nies jiddeċiedu jekk jisimgħux u ma nargumentawx magħhom. Anki f’pajjiżi fejn ix-xogħol tagħna ma jistax isir bil-libertà, l-aħwa qed jippritkaw l-aħbar tajba għax qed jistrieħu fuq Ġeħova għall-għajnuna. Bħalma Ġeħova ta l-qawwa lill-Kristjani tal-bidu, illum hu se jagħtina l-qawwa biex ‘nippritkaw l-aħbar tajba sew’ sakemm jgħid li x-xogħol hu lest. (2 Tim. 4:17) Għalhekk, tistaʼ tkun ċert li jekk tistrieħ fuq Ġeħova, int se tkun tistaʼ tibqaʼ tipprietka b’żelu.
Anki fejn ix-xogħol tal-ippritkar ma jistax isir bil-libertà, ħutna joqogħdu attenti u jippritkaw b’modi oħra (Ara paragrafu 14)b
ĠESÙ BAQAʼ JITTAMA LI XI NIES JISIMGĦU
15. X’juri li Ġesù kellu attitudni pożittiva lejn ix-xogħol tal-ippritkar?
15 Ġesù baqaʼ jittama li xi nies jisimgħu l-aħbar tajba. Din l-attitudni pożittiva għenitu jibqaʼ ferħan u jaħdem iebes fix-xogħol tal-ippritkar. Pereżempju, lejn l-aħħar tas-sena 30, Ġesù ra li ħafna nies kienu lesti li jisimgħu u qabbilhom ma’ għelieqi lesti għall-ħsad. (Ġw. 4:35) Xi sena wara, hu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ix-xogħol tal-ħsad hu kbir.” (Mat. 9:37, 38) U iktar tard reġaʼ qalilhom: “Ix-xogħol tal-ħsad hu kbir . . . Itolbu bil-ħniena lis-Sid tal-ħsad biex jibgħat iktar ħaddiema ħalli jiġbru l-ħsad tiegħu.” (Luqa 10:2) Ġesù qatt ma waqaf jittama li n-nies se jisimgħu l-aħbar tajba, u feraħ meta dan ġara.—Luqa 10:21.
16. L-eżempji taʼ Ġesù kif għenu lid-dixxipli jibqgħu pożittivi lejn ix-xogħol tal-ippritkar? (Luqa 13:18-21) (Ara wkoll l-istampa.)
16 Ġesù għen lid-dixxipli tiegħu jibqgħu pożittivi lejn ix-xogħol tal-ippritkar billi fakkarhom kemm jistaʼ jkollhom riżultati tajbin bil-messaġġ tas-Saltna. Biex jagħmel dan hu qalilhom żewġ eżempji. (Aqra Luqa 13:18-21.) Fl-ewwel wieħed, Ġesù qabbel il-messaġġ tas-Saltna ma’ żerriegħa tal-mustarda li kibret u saret siġra. Dan kien ifisser li ħafna nies kienu se jaċċettaw l-aħbar tajba, u li xejn ma kien se jwaqqaf l-aħbar tajba milli tinfirex. F’eżempju ieħor, hu qabbel il-messaġġ tas-Saltna mal-ħmira. Dan għax l-aħbar tajba kienet se tiġi ppritkata madwar id-dinja u kienet se ġġiegħel lin-nies jagħmlu bidliet, avolja dawn il-bidliet jistaʼ jkun li ma jidhrux mill-ewwel. B’dawn l-eżempji, Ġesù kien qed ifakkar lid-dixxipli tiegħu kemm il-messaġġ li jippritkaw kien se jgħin lin-nies.
Bħal Ġesù, aħna nibqgħu nittamaw li xi nies se jisimgħu l-messaġġ tal-aħbar tajba (Ara paragrafu 16)
17. Għala għandna nibqgħu nittamaw li hemm nies li se jisimgħu?
17 Li naħsbu kif ix-xogħol tal-ippritkar qed jgħin lin-nies madwar id-dinja kollha jagħtina kuraġġ biex inkomplu nippritkaw. Kull sena, miljuni taʼ wħud interessati jattendu t-Tifkira u jistudjaw il-Bibbja magħna. Mijiet t’eluf jitgħammdu u jingħaqdu magħna fix-xogħol tal-ippritkar. Veru ma nafux kemm fadal nies li se jisimgħu, imma li nafu hu li Ġeħova qed jiġbor folla kbira li se ssalva fiż-żmien taʼ tbatija kbira. (Riv. 7:9, 14) Bħala s-Sid tal-ħsad, Ġeħova għadu qed jara li hemm iktar nies li se jaċċettaw l-aħbar tajba, allura aħna għandna nibqgħu nippritkaw.
18. Aħna x’nixtiequ li jinnotaw in-nies?
18 Id-dixxipli veri taʼ Ġesù dejjem jintgħarfu miż-żelu tagħhom għax-xogħol tal-ippritkar. Pereżempju, meta n-nies semgħu lill-appostli jitkellmu b’kuraġġ u mill-qalb, “huma rrealizzaw li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù.” (Atti 4:13) Aħna wkoll, jekk nippritkaw b’żelu, in-nies se jindunaw li qed nimitaw lil Ġesù.
GĦANJA 58 Infittxu għal ħbieb tas-sliem
a ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-artiklu, il-kelma “żelu” tirreferi għall-mod kif il-Kristjani jaqdu lil Ġeħova bl-entużjażmu u mill-qalb.
b X’TURINA L-ISTAMPA: Ħu joqgħod attent waqt li jagħti xhieda lil raġel f’pompa tal-petrol.