ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 13
GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-Ragħaj tiegħi”
Ġeħova Għandu l-Qawwa Biex Dejjem Jgħinek
“Jaqaw id Ġeħova qasira wisq?”—NUM. 11:23.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Dan l-artiklu se jgħinna nkunu iktar ċerti li Ġeħova dejjem se jagħtina dak li għandna bżonn materjalment.
1. Mosè kif wera fidi f’Ġeħova meta ħareġ l-Iżraelin mill-Eġittu?
IL-KTIEB tal-Lhud isemmi wħud li kellhom fidi f’Ġeħova. Wieħed minnhom kien Mosè, li kellu fidi kbira. (Lhud 3:2-5; 11:23-25) Hu ma ħalliex il-biżaʼ mill-Fargħun u l-armata tiegħu twaqqfu u b’fidi ħareġ l-Iżraelin mill-Eġittu. B’fidi kbira f’Ġeħova hu għen lin-nies jaqsmu l-Baħar l-Aħmar, u iktar tard id-deżert. (Lhud 11:27-29) Waqt li kienu fid-deżert, ħafna mill-Iżraelin ma baqgħux jafdaw li Ġeħova jistaʼ jieħu ħsiebhom. Imma Mosè m’għamilx hekk. Hu baqaʼ jafda f’Ġeħova u ma kienx iddiżappuntat għax Ġeħova kien tahom l-ikel u l-ilma ħalli jkunu jistgħu jsalvaw fid-deżert, li ma tantx kienu jikbru affarijiet fih.a—Eżo. 15:22-25; Slm. 78:23-25.
2. Alla għala saqsa lil Mosè: “Jaqaw id Ġeħova qasira wisq”? (Numri 11:21-23)
2 Però minkejja l-fidi kbira li kellu Mosè xi sena wara li Ġeħova kien ħelishom b’miraklu mill-Eġittu, hu beda jiddubita meta Ġeħova qallu li se jagħti l-poplu tiegħu l-laħam. Mosè ma setax jimmaġina kif Ġeħova kien se jipprovdi biżżejjed ikel għal dawk in-nies kollha. Allura Ġeħova qal lil Mosè: “Jaqaw id Ġeħova qasira wisq?” (Aqra Numri 11:21-23.) Hawn, il-kliem “id Ġeħova” jfisser l-ispirtu qaddis t’Alla, jiġifieri l-qawwa li juża Alla biex jagħmel dak li qal li se jagħmel. Fil-fatt, Ġeħova kien qisu qed jgħid lil Mosè: ‘Taħseb li jien mhux kapaċi nagħmel dak li għedt?’
3. Għala tajjeb li naħsbu dwar x’għamlu Mosè u l-Iżraelin?
3 Ġieli ddubitajt jekk Ġeħova hux se jieħu ħsieb lilek jew lill-familja tiegħek materjalment? Kemm jekk ġieli ddubitajt u kemm jekk le, f’dan l-artiklu se naraw għala Mosè u l-Iżraelin ma emmnux li Ġeħova kien se jieħu ħsiebhom. U se naraw xi skritturi li se jsaħħu l-fiduċja tagħna li Ġeħova dejjem se jagħtina dak li għandna bżonn.
TGĦALLEM MINN MOSÈ U L-IŻRAELIN
4. Ħafna mill-Iżraelin għala bdew jiddubitaw jekk Ġeħova kienx se jipprovdilhom dak li kellhom bżonn?
4 Ħafna mill-Iżraelin għala bdew jiddubitaw jekk Ġeħova kienx se jipprovdilhom dak li kellhom bżonn? Huma u “ħafna barranin” li kienu telqu mill-Eġittu kienu ilhom mexjin għal xi żmien fid-deżert biex jidħlu fl-Art Imwiegħda. (Eżo. 12:38; Dewt. 8:15) Il-barranin li kienu telqu magħhom kienu xebgħu jieklu l-manna u ħafna Iżraelin ingħaqdu magħhom u kollha bdew igergru maʼ Mosè. (Num. 11:4-6) Huma bdew jimmissjaw l-ikel li kienu jieklu fl-Eġittu. Minħabba li bdew igergru miegħu, Mosè ħass li kellu jsib mod kif jipprovdilhom il-laħam.—Num. 11:13, 14.
5-6. X’nistgħu nitgħallmu minn kif il-barranin influwenzaw lill-Iżraelin?
5 Milli jidher, l-Iżraelin ġew influwenzati min-nuqqas t’apprezzament li wrew il-barranin. Aħna wkoll nistgħu niġu influwenzati minn dawk li ma japprezzawx. U bħalhom, ma nibdewx napprezzaw dak kollu li Ġeħova jagħmel magħna. Dan jistaʼ jiġri jekk noqogħdu naħsbu x’kellna qabel jew nibdew ngħiru għal dak li għandhom oħrajn. Mela jekk nitgħallmu nkunu kuntenti b’dak li jkollna, se nkunu ferħanin ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi tagħna.
6 L-Iżraelin messhom ftakru x’kien wegħedhom Ġeħova. Hu kien wegħedhom li ħa jtihom dak kollu li kellhom bżonn u ħafna iktar. Imma din il-wegħda kienet se ssir fl-Art Imwiegħda u mhux fid-deżert. Bl-istess mod, minflok ma noqogħdu naħsbu x’m’għandniex f’din is-sistema, ikun tajjeb li naħsbu fuq il-wegħdi li għamlilna Ġeħova għad-dinja l-ġdida. Xi ħaġa oħra li tistaʼ tgħinna hi li nimmeditaw fuq skritturi li jsaħħu l-fiduċja tagħna f’Ġeħova.
7. Għala nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova dejjem jistaʼ jgħinna?
7 Meta Ġeħova saqsa lil Mosè: “Jaqaw id Ġeħova qasira wisq?” jistaʼ jkun li ried iġiegħel lil Mosè jaħseb dwar żewġ affarijiet. L-ewwel, li l-qawwa tiegħu hi bla limitu. It-tieni, li hu jistaʼ juża l-qawwa tiegħu kullimkien. Alla setaʼ jipprovdi laħam bl-abbundanza avolja l-Iżraelin kienu f’nofs id-deżert. Bi “driegħ maħruġ ’il barra,” Alla wera li jistaʼ jgħin lill-poplu tiegħu kullimkien. (Eżo. 6:6, ntt.) Allura meta nkunu f’sitwazzjoni diffiċli, nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova jistaʼ jgħin lil kull wieħed u waħda minna kull fejn inkunu.—Slm. 138:6, 7.
8. X’se jgħinna ma nagħmlux l-istess żball li għamlu ħafna fid-deżert? (Ara wkoll l-istampa.)
8 Wara ftit, Ġeħova għamel dak li wiegħed lin-nies u tahom ħafna summien. Imma l-Iżraelin ma rringrazzjawx lil Alla għal dan il-miraklu. Minflok, ħafna minnhom bdew juru r-regħba. Huma għamlu ġurnata u lejl sħiħ jiġbru s-summien. Ġeħova rrabja ħafna maʼ dawk “li wrew xenqa egoista għall-ikel” u kkastigahom. (Num. 11:31-34) X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu? Irridu noqogħdu attenti li ma nsirux rgħiba, jiġifieri li dejjem irridu iktar. Mela kemm jekk aħna sinjuri jew fqar, il-prijorità f’ħajjitna għandha tkun li ‘nġemmgħu affarijiet li huma importanti għal Alla.’ Biex nagħmlu dan irridu nibqgħu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u Ġesù. (Mat. 6:19, 20; Luqa 16:9) Jekk nagħmlu hekk, se nkunu konvinti li Ġeħova se jipprovdilna dak kollu li jkollna bżonn.
Meta kienu fid-deżert u Ġeħova tahom is-summien, ħafna liema attitudni ħażina wrew, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom? (Ara paragrafu 8)
9. Minn xiex nistgħu nkunu konvinti meta jkollna problemi taʼ flus?
9 Ġeħova għandu xewqa kbira li jgħin lill-poplu tiegħu. Però dan ma jfissirx li qatt mhu se jkollna bżonn flus jew ikel.b Hu jwegħedna li qatt mhu se jitlaqna. Se jagħtina dak li jkollna bżonn, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tagħna. Hemm żewġ sitwazzjonijiet fejn nistgħu nuru li aħna konvinti li Ġeħova se jipprovdilna dak li jkollna bżonn: (1) meta jkollna problemi taʼ flus u (2) meta nkunu qed nippjanaw għall-futur.
META JKOLLNA PROBLEMI TAʼ FLUS
10. Liema problemi taʼ flus nistgħu niffaċċjaw?
10 Hekk kif noqorbu lejn tmiem din is-sistema, x’aktarx iktar se ssir diffiċli l-ħajja. Dan jistaʼ jiġri minħabba li jinbidel il-gvern, jiżdiedu l-gwerer u d-diżastri, jew ikun hemm pandemiji ġodda. Jistaʼ jkun li f’daqqa waħda nitilfu x-xogħol, l-affarijiet li għandna, nispiċċaw bla dar, u jaf isir iktar u iktar diffiċli biex ikollna l-bżonnijiet taʼ kuljum. Jistaʼ jkun li jkollna nsibu xogħol ieħor, jew biex nipprovdu għall-familja jkollna mmorru f’pajjiż ieħor magħhom. Meta dan jiġri, x’jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li juru li nafdaw f’Ġeħova?
11. X’jistaʼ jgħinek meta jkollok problemi taʼ flus? (Luqa 12:29-31)
11 L-iktar ħaġa li se tgħinek hi li titkellem maʼ Ġeħova dwar dak kollu li qed jinkwetak. (Prov. 16:3) Itolbu jagħtik l-għerf biex tieħu deċiżjonijiet tajbin u biex ikollok qalb kalma biex ma ‘tinkwetax iżżejjed’ fuq dak li tkun għaddej minnu. (Aqra Luqa 12:29-31.) Kompli itolbu jgħinek tkun kuntent bl-affarijiet li veru għandek bżonn. (1 Tim. 6:7, 8) Agħmel riċerka fil-pubblikazzjonijiet tagħna biex issib pariri tajbin dwar x’tistaʼ tagħmel meta jkollok problemi taʼ flus. Ħafna sabu t’għajnuna l-artikli u l-vidjows dwar dan is-suġġett fuq jw.org.
12. Liema mistoqsijiet għandu jsaqsi Kristjan biex jieħu l-aħjar deċiżjoni għall-familja tiegħu?
12 Xi aħwa tħajru jaċċettaw xogħol li kien jinvolvi li jkunu ’l bogħod mill-familja tagħhom. Imma ħafna drabi, wara dawn l-aħwa rrealizzaw li ma kinitx deċiżjoni tajba. Għalhekk, qabel taċċetta xogħol taħsibx fil-paga biss, imma jekk hux se jgħin lilek u lill-familja tiegħek tibqgħu qrib Ġeħova. (Luqa 14:28) Staqsi lilek innifsek: ‘Jekk inkun ’il bogħod iż-żwieġ tiegħi kif se jiġi affettwat? Ħa nkun nistaʼ mmur il-laqgħat kollha, is-service, u nqattaʼ l-ħin mal-aħwa?’ Jekk għandek it-tfal, trid tistaqsi wkoll din il-mistoqsija importanti: ‘Kif se niddixxiplinahom u nittrennjahom bħalma jrid Ġeħova jekk ma nkunx magħhom?’ (Efes. 6:4) Ħalli l-mod kif jaħseb Ġeħova jaffettwa d-deċiżjonijiet tiegħek, mhux il-mod kif jaħsbu tal-familja jew il-ħbieb tiegħek li ma jemmnux fil-Bibbja.c Tony li jgħix fl-Asja rċieva diversi offerti taʼ xogħol f’pajjiż ieħor li kellhom paga tajba. Però wara li talab u anki tkellem mal-mara, hu ddeċieda li ma jaċċettax dawn ix-xogħlijiet. Minflok, ħaseb f’modi kif jistgħu jnaqqsu ċertu spejjeż. Meta jħares lura, Tony jgħid: “Grazzi għad-deċiżjoni li ħadna, kelli l-privileġġ li ngħin lil uħud ġodda jidħlu fil-verità. It-tfal tiegħi li għandhom sebaʼ u erbaʼ snin iħobbu ħafna lil Ġeħova. Bħala familja tgħallimna li meta ngħixu kif qal Ġesù f’Mattew 6:33, Ġeħova dejjem se jieħu ħsiebna.”
META NKUNU QED NIPPJANAW GĦALL-FUTUR
13. X’affarijiet nistgħu nagħmlu issa biex nippjanaw għall-futur?
13 Jistaʼ jkollna sfida oħra biex nafdaw f’Ġeħova meta nkunu qed nippjanaw għall-futur. Il-Bibbja tinkuraġġina naħdmu u nkunu bil-għaqal biex fil-futur ikollna l-bżonnijiet. (Prov. 6:6-11) Għalhekk, ikun tajjeb li skont iċ-ċirkustanzi tagħna nfaddlu xi ħaġa għall-quddiem, għax kif tgħid il-Bibbja, il-flus jagħtuna tip taʼ protezzjoni. (Ekk. 7:12) Però, qatt m’għandna nħallu l-flus jiġu l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna.
14. Lhud 13:5 kif jistaʼ jgħinna nkunu bbilanċjati meta nkunu qed nippjanaw għall-futur?
14 Ġesù ta eżempju dwar raġel li kien sinjur f’affarijiet materjali imma ma kienx “sinjur f’affarijiet li huma importanti għal Alla.” (Luqa 12:16-21) Ħadd minna ma jaf x’se jiġri għada. (Prov. 23:4, 5; Ġak. 4:13-15) Ukoll, Ġesù qal li dawk kollha li jridu jsiru dixxipli tiegħu jridu jkunu lesti li jitilqu dak kollu li għandhom. (Luqa 14:33) Il-Kristjani tal-bidu fil-Lhudija hekk kellhom jagħmlu, imma għamlu dan bil-ferħ. (Lhud 10:34) Fi żmienna, ħafna aħwa għax ma vvotawx fl-elezzjonijiet tilfu x-xogħol. (Riv. 13:16, 17) X’għen lid-dixxipli taʼ Ġesù jafdaw f’Ġeħova? Huma konvinti mill-wegħda: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Aqra Lhud 13:5.) Mela ma jkunx ħażin li nfaddlu xi ħaġa għall-futur, imma jekk jiġri xi ħaġa li ma nkunx qed nistennew irridu nkunu konvinti li Ġeħova se jieħu ħsiebna.
15. Ġenituri Kristjani xi jkun tajjeb li jżommu f’moħħhom? (Ara wkoll l-istampa.)
15 F’xi kulturi, koppji jkollhom it-tfal biex meta jikbru t-tfal jieħdu ħsiebhom materjalment. Imma l-Bibbja tgħid li l-ġenituri għandhom jieħdu ħsieb lit-tfal. (2 Kor. 12:14) Ovvjament, meta l-ġenituri jikbru jistaʼ jkun li jkollhom bżonn l-għajnuna tat-tfal tagħhom, u din hi xi ħaġa li t-tfal ikunu lesti li jagħmluha mill-qalb. (1 Tim. 5:4) Imma ġenituri li jafdaw f’Ġeħova jifhmu li l-akbar ferħ li jistaʼ jkollhom jiġi milli jrabbu t-tfal iħobbu lil Ġeħova, u mhux li meta t-tfal jikbru jieħdu ħsiebhom.—3 Ġw. 4.
Raġel u mara miżżewġin li jafdaw f’Ġeħova jaraw x’tgħid il-Bibbja qabel jieħdu deċiżjoni (Ara paragrafu 15)d
16. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lit-tfal jieħdu ħsieb tagħhom infushom meta jikbru? (Efesin 4:28)
16 Ġenituri, bl-eżempju tagħkom għallmu t-tfal jafdaw f’Ġeħova u anki jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Minn meta jkunu żgħar, uruhom kemm hu importanti li jkunu beżlin. (Prov. 29:21; aqra Efesin 4:28.) Hekk kif jikbru għinhom jagħmlu l-aħjar li jistgħu fl-iskola. Bħala ġenituri tistgħu tagħmlu riċerka biex issibu prinċipji li jistgħu jgħinu lit-tfal tagħkom jiddeċiedu x’tip taʼ edukazzjoni se jagħżlu. Il-mira tagħkom għandha tkun li tgħinuhom ikunu kapaċi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tagħhom u fl-istess ħin jagħmlu l-aħjar tagħhom fuq is-service, forsi anki billi jaqdu bħala pijunieri.
17. Minn xiex nistgħu nkunu ċerti?
17 Il-qaddejja leali taʼ Ġeħova jistgħu jkunu konvinti li hu kapaċi u jixtieq jipprovdilhom dak li għandhom bżonn materjalment. Iktar ma noqorbu lejn tmiem din is-sistema, iktar irridu nafdaw f’Ġeħova. Jiġri x’jiġri, ejja nkunu konvinti li Ġeħova se juża l-qawwa tiegħu biex jagħtina dak li se jkollna bżonn. Nistgħu nkunu ċerti li id Ġeħova dejjem tistaʼ tgħinna, kull fejn inkunu.
GĦANJA 150 Fittex lil Alla biex jeħilsek
a Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Ottubru 2023.
b Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Settembru 2014.
c Ara l-artiklu “Ħadd ma jistaʼ jkun qaddej taʼ żewġ sidien” f’It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ April 2014.
d X’TURINA L-ISTAMPA: Ġenituri Kristjani qed iżommu kuntatt mat-tifla tagħhom li qed taqdi mar-raġel tagħha fi proġett taʼ bini taʼ Sala tas-Saltna.